Mattew 14:1-36

14  F’dak iż-​żmien partikulari Erodi,* il-​ħakkiem tad-​distrett, semaʼ x’kien qed jintqal dwar Ġesù+  u qal lill-​qaddejja tiegħu: “Dan żgur Ġwanni l-​Battista. Ġie mqajjem mill-​imwiet, u minħabba f’hekk qed iwettaq+ għemejjel setgħanin.”  Għax Erodi kien arresta lil Ġwanni u rabtu u tefgħu l-​ħabs minħabba Erodja, mart ħuh Filippu,+  peress li Ġwanni kien jgħidlu: “Skond il-​liġi ma tistax tkun tiegħek.”+  Madankollu, għalkemm ried joqtlu, kien jibżaʼ mill-​folla, għax kienu jqisuh bħala profeta.+  Imma fiċ-​ċelebrazzjoni t’għeluq snin+ Erodi, bint Erodja ħarġet tiżfen fin-​nofs u tant għoġbitu lil Erodi  li wegħedha b’ħalfa li jagħtiha kulma titolbu.+  Imbagħad hi, mogħwija minn ommha, qalet: “Agħtini issa fuq platt ras Ġwanni l-​Battista.”+  Is-sultan tnikket, imma minħabba l-​ħalfa tiegħu u minħabba dawk li kienu mal-​mejda miegħu, ordna li tingħatalha;+ 10  u bagħat jaqtaʼ ras Ġwanni fil-​ħabs. 11  U rasu nġiebet fuq platt u ngħatat lit-​tfajla, u din ħaditha lil ommha.+ 12  Imbagħad marru d-​dixxipli tiegħu, ħadu l-​ġisem u difnuh,+ u ġew u qalu lil Ġesù. 13  Malli semaʼ b’dan, Ġesù telaq minn hemmhekk b’dgħajsa lejn post imwarrab biex ikun waħdu;+ imma kif saru jafu dan, il-​folol marru warajh bil-​mixi mill-​bliet. 14  Issa, meta niżel mid-​dgħajsa, ra folla kbira; u tħassarhom,+ u fejqilhom il-​morda tagħhom.+ 15  X’ħin sar fil-​għaxija resqu lejh id-​dixxipli tiegħu u qalulu: “Il-​post hu mwarrab u diġà sar ħafna ħin; ibgħathom il-​folol biex imorru fl-​irħula jixtru x’jieklu.”+ 16  Madankollu, Ġesù qalilhom: “M’għandhomx għalfejn jitilqu: agħtuhom intom xi ħaġa x’jieklu.”+ 17  Qalulu: “M’għandna xejn hawnhekk ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.”+ 18  Qalilhom: “Ġibuhomli hawn.” 19  Imbagħad ordna lill-​folol jinxteħtu fuq il-​ħaxix u ħa l-​ħames ħobżiet u ż-​żewġ ħutiet. Refaʼ għajnejh lejn is-​sema, qal talba+ u, wara li qasam il-​ħobż, tah lid-​dixxipli, u mbagħad id-​dixxipli qassmuh lill-​folol.+ 20  U hekk kulħadd kiel u xebaʼ, u ġabru l-​bċejjeċ li baqgħu żejda u mlew tnax-il qoffa.+ 21  Dawk li kielu kienu madwar ħamest elef raġel, minbarra n-​nisa u t-​tfal żgħar.+ 22  Imbagħad, bla dewmien, ġiegħel lid-​dixxipli tiegħu jitilgħu fid-​dgħajsa u jmorru n-​naħa l-​oħra qablu, waqt li hu bagħat lill-​folol.+ 23  Wara li bagħat lill-​folol, telaʼ waħdu fuq il-​muntanja biex jitlob.+ Għalkemm kien sar ħafna ħin, kien hemmhekk waħdu. 24  Sa dak il-​ħin id-​dgħajsa kienet mijiet taʼ metri ’l barra mill-​art, titħabat mal-​mewġ,+ għax ir-​riħ kien kontrihom. 25  U fir-​rabaʼ għassa* tal-​lejl resaq lejhom jimxi fuq il-​baħar.+ 26  Meta lemħuh miexi fuq il-​baħar, id-​dixxipli tħawdu u qalu: “Din xi dehra!”+ U qabdu jgħajtu bil-​biżaʼ. 27  Imma minnufih Ġesù qalilhom: “Agħmlu kuraġġ, hu jien;+ tibżgħux.” 28  Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk inhu int, ordnali niġi ħdejk fuq l-​ilma.” 29  Qallu: “Ejja!” Fil-​pront Pietru niżel mid-​dgħajsa,+ mexa fuq l-​ilma, u mar lejn Ġesù. 30  Imma x’ħin ra r-​riefnu beda jibżaʼ u, kif beda jegħreq, għajjat: “Mulej, salvani!” 31  Minnufih Ġesù ħareġ idu, qabdu, u qallu: “Int taʼ fidi żgħira, għala ddubitajt?”+ 32  U wara li telgħu fid-​dgħajsa, ir-​riefnu waqaf. 33  Imbagħad dawk li kienu fid-​dgħajsa mielu quddiemu u qalulu: “Int tassew l-​Iben t’Alla.”+ 34  U qasmu għan-​naħa l-​oħra u niżlu l-​art f’Ġennesaret.+ 35  Malli għarfuh, l-​irġiel taʼ dak il-​post xerrdu l-​aħbar maʼ l-​inħawi kollha, u n-​nies ġabulu lil kulmin kien marid.+ 36  U talbuh bil-​ħrara biex imqar imissulu t-​tarf tal-​libsa;+ u kulmin messu fieq għalkollox.

Noti taʼ taħt

Ara Lq 3:1, in-​nota taʼ taħt.
Ara Mk 13:35, in-​nota taʼ taħt, “Kmieni fil-​għodu.”