Mattew 13:1-58

13  Dakinhar, wara li telaq mid-​dar, Ġesù qagħad bil-​qiegħda ħdejn il-​baħar.  U folol kbar inġabru madwaru, u għalhekk telaʼ f’dgħajsa u qagħad bil-​qiegħda,+ u l-​folla kollha kienet wieqfa fuq ix-​xatt.  Imbagħad qalilhom ħafna affarijiet permezz taʼ tixbihat: “Ara! Wieħed raġel ħareġ jiżraʼ.+  U waqt li kien qed jiżraʼ, xi żrieragħ waqgħu fil-​ġenb tat-​triq, u ġew l-​għasafar u kiluhom.+  Oħrajn waqgħu fuq il-​blat fejn ma tantx kellhom ħamrija, u, peress li l-​ħamrija ma kinitx fonda,+ nibtu mill-​ewwel.  Imma meta telgħet ix-​xemx inħarqu, u, għax ma kellhomx għeruq, nixfu.+  Ukoll, oħrajn waqgħu qalb ix-​xewk, u x-​xewk kiber u ħonoqhom.+  Jerġaʼ oħrajn waqgħu f’ħamrija tajba u bdew jagħtu l-​frott,+ din mitt darba, dik sittin, l-​oħra tletin.+  Min għandu widnejn, ħa jismaʼ.”+ 10  Resqu lejh id-​dixxipli u staqsewh: “Għala tkellimhom bit-​tixbihat?”+ 11  Hu wieġeb u qalilhom: “Lilkom hu mogħti li tifhmu s-​sigrieti sagri+ tas-​saltna tas-​smewwiet, imma lilhom le.+ 12  Għax kulmin għandu, iktar jingħatalu u jkollu bl-​abbundanza;+ imma kulmin m’għandux, anki dak li għandu jittiħidlu.+ 13  Huwa għalhekk li nkellimhom bit-​tixbihat, għax, meta jħarsu, iħarsu għalxejn, u meta jisimgħu, jisimgħu għalxejn, u lanqas jifhmu;+ 14  u dwarhom qed titwettaq il-​profezija taʼ Isaija li tgħid, ‘Tisimgħu kemm tisimgħu żgur ma tifhmux; u tħarsu kemm tħarsu żgur ma tarawx.+ 15  Għax qalb dan il-​poplu ma tqanqlitx, u semgħu b’widnejhom imma ma rreaġixxewx, u għalqu għajnejhom; hekk qatt ma se jaraw b’għajnejhom u jisimgħu b’widnejhom u jifhmu dan bi qlubhom u jduru lura, u jien infejjaqhom.’+ 16  “Madankollu, henjin għajnejkom+ għax jaraw, u widnejkom għax jisimgħu. 17  Għax tassew ngħidilkom, Ħafna profeti+ u nies sewwa xtaqu jaraw l-​affarijiet li qed taraw intom u ma rawhomx,+ u jisimgħu l-​affarijiet li qed tisimgħu intom u ma semgħuhomx.+ 18  “Mela, isimgħu t-​tixbiha tar-​raġel li ħareġ jiżraʼ.+ 19  Meta xi ħadd jismaʼ l-​kelma tas-​saltna imma ma jifhimhiex, jiġi l-​Ħażin+ u jaħtaf dak li jkun inżeraʼ f’qalbu; dan hu li nżeraʼ fil-​ġenb tat-​triq. 20  Rigward dak li nżeraʼ fuq il-​blat, dan hu l-​bniedem li jismaʼ l-​kelma u mill-​ewwel jaċċettaha bil-​ferħ.+ 21  Iżda peress li m’għandux għeruq fih innifsu, hu jkompli għal xi żmien imma meta tqum xi tribulazzjoni jew xi persekuzzjoni minħabba l-​kelma mill-​ewwel jitfixkel.+ 22  Rigward dak li nżeraʼ qalb ix-​xewk, dan hu l-​bniedem li jismaʼ l-​kelma, imma l-​ansjetà taʼ din is-​sistema+ u l-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi joħonqu l-​kelma, u ma jagħmilx frott.+ 23  Rigward dak li nżeraʼ f’ħamrija tajba, dan hu l-​bniedem li jismaʼ l-​kelma, jifhimha, u tassew jagħmel u jagħti l-​frott—min mitt darba, min sittin, min tletin.”+ 24  Ġabilhom tixbiha oħra u qalilhom: “Is-​saltna tas-​smewwiet tixbah lil raġel li żeraʼ żerriegħa tajba fl-​għalqa tiegħu.+ 25  Waqt li n-​nies kienu reqdin, ġie l-​għadu tiegħu u żeraʼ s-​sikrana qalb il-​qamħ, u telaq. 26  Meta l-​qamħ nibet u ħareġ is-​sbul, imbagħad tfaċċat ukoll is-​sikrana. 27  Għalhekk, l-​ilsiera tas-​sid ġew u qalulu, ‘Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-​għalqa tiegħek?+ Allura kif fiha s-​sikrana?’+ 28  Qalilhom, ‘Xi ħadd għadu tiegħi għamel dan.’+ Qalulu, ‘Tridna mmorru niġbruha?’ 29  Hu qal, ‘Le; li ma tmorrux, waqt li qegħdin tiġbru s-​sikrana, taqilgħu l-​qamħ ukoll. 30  Ħalluhom jikbru t-​tnejn flimkien sal-​ħsad; u fi żmien il-​ħsad ngħid lill-​ħassada, Iġbru l-​ewwel is-​sikrana u orbtuha f’qatet biex taħarquha,+ imbagħad morru iġbru l-​qamħ fil-​maħżen tiegħi.’”+ 31  Ġabilhom tixbiha oħra+ u qalilhom: “Is-​saltna tas-​smewwiet hi bħal żerriegħa tal-​mustarda+ li wieħed raġel ħa u żeraʼ fl-​għalqa tiegħu; 32  fil-fatt, din hi l-​iżgħar miż-​żrieragħ kollha, imma meta tikber tkun l-​akbar mill-​ħxejjex kollha u ssir siġra, tant li l-​għasafar tas-​sema+ jiġu u joqogħdu qalb il-​friegħi tagħha.”+ 33  Qalilhom tixbiha oħra: “Is-​saltna tas-​smewwiet hi bħal ħmira+ li waħda mara ħadet u ħalltet maʼ tliet seat dqiq, sakemm tħemmret l-​għaġna kollha.” 34  Dan kollu Ġesù qalu lill-​folol bit-​tixbihat. Tabilħaqq, ma kienx ikellimhom mingħajr xi tixbiha;+ 35  sabiex iseħħ dak li ntqal permezz tal-​profeta: “Se niftaħ fommi bit-​tixbihat, inxandar affarijiet moħbijin sa mit-​tisjis tad-​dinja.”+ 36  Wara li bagħat lill-​folol daħal id-​dar. U d-​dixxipli tiegħu ġew għandu u qalulu: “Fissrilna t-​tixbiha tas-​sikrana fl-​għalqa.” 37  Hu wieġeb u qalilhom: “Dak li żeraʼ ż-​żerriegħa t-​tajba hu Bin il-​bniedem; 38  l-għalqa hi d-​dinja;+ iż-​żerriegħa t-​tajba hi wlied is-​saltna; imma s-​sikrana hi wlied il-​Ħażin,+ 39  u l-​għadu li żeragħha hu x-​Xitan.+ Il-​ħsad+ hu l-​konklużjoni taʼ sistema,+ u l-​ħassada huma l-​anġli. 40  Għalhekk, bħalma s-​sikrana tinġabar u tinħaraq bin-​nar, hekk se jiġri fil-​konklużjoni tas-​sistema.+ 41  Bin il-​bniedem se jibgħat l-​anġli tiegħu, u dawn se jiġbru mis-​saltna tiegħu dak kollu li joħloq tfixkil+ u lil min jikser il-​liġi, 42  u jixħtuhom fil-​forn tan-​nar.+ Hemmhekk se jibku u jgħażżu snienhom.+ 43  F’dak iż-​żmien in-​nies sewwa jiddu+ bħax-​xemx+ fis-​saltna taʼ Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jismaʼ.+ 44  “Is-​saltna tas-​smewwiet hi bħal teżor moħbi f’għalqa li sabu wieħed raġel u ħbieh; u tant jifraħ li jmur u jbigħ+ kulma għandu u jixtri dik l-​għalqa.+ 45  “Jerġaʼ s-​saltna tas-​smewwiet hi bħal merkant li jivvjaġġa biex ifittex perli mill-​isbaħ. 46  Meta sab perla waħda taʼ valur kbir+ telaq u minnufih biegħ kulma kellu u xtraha.+ 47  “Jerġaʼ s-​saltna tas-​smewwiet hi bħal xibka kbira mitfugħa l-​baħar, li tiġbor fiha ħut taʼ kull xorta.+ 48  Meta mtliet tellgħuha x-​xatt u qagħdu bil-​qiegħda jiġbru t-​tajbin+ f’kannestri, imma l-​ħżiena+ rmewhom. 49  Hekk se jiġri fil-​konklużjoni tas-​sistema: l-​anġli joħorġu u jifirdu lin-​nies ħżiena+ min-​nies sewwa+ 50  u jixħtuhom fil-​forn tan-​nar. Hemmhekk se jibku u jgħażżu snienhom.+ 51  “Fhimtuh dan kollu?” Qalulu: “Iva.” 52  Imbagħad qalilhom: “La hu hekk, kulmin jgħallem fil-​pubbliku, meta jitgħallem dwar is-​saltna tas-​smewwiet,+ hu bħal raġel, sid taʼ dar, li joħroġ mit-​teżor maħżun tiegħu affarijiet ġodda u qodma.”+ 53  Issa, meta temm dawn it-​tixbihat, Ġesù telaq minn hemmhekk. 54  U meta wasal pajjiżu+ beda jgħallimhom fis-​sinagoga tagħhom,+ tant li stagħġbu u qalu: “Dan ir-​raġel minfejn ġab dan l-​għerf u dawn l-​għemejjel setgħanin? 55  Dan mhux bin il-​mastrudaxxa?+ Ommu mhux Marija jisimha, u ħutu s-​subien Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u Ġuda? 56  U ħutu l-​bniet, mhux kollha magħna qegħdin?+ Allura, dan ir-​raġel mnejn ġab dan kollu?”+ 57  Għalhekk, bdew jitfixklu minħabba fih.+ Imma Ġesù qalilhom: “Profeta jiġi onorat kullimkien minbarra f’pajjiżu u f’daru stess.”+ 58  U m’għamilx ħafna għemejjel setgħanin hemmhekk minħabba n-​nuqqas taʼ fidi tagħhom.+

Noti taʼ taħt