Mattew 12:1-50

12  Dik il-​ħabta Ġesù għadda f’jum is-​Sabat*+ minn qalb l-​għelieqi miżrugħin bil-​qamħ. Id-​dixxipli tiegħu qabadhom il-​ġuħ u bdew jaqtgħu u jieklu s-​sbul.+  Malli raw dan, il-​Fariżej qalulu:+ “Ara! Id-​dixxipli tiegħek qed jagħmlu dak li skond il-​liġi ma jistgħux jagħmluh f’jum is-​Sabat.”+  Hu qalilhom: “Ma qrajtux x’għamel David meta hu u l-​irġiel li kienu miegħu qabadhom il-​ġuħ?+  Kif hu daħal fid-​dar t’Alla u huma kielu l-​ħobż tal-​preżentazzjoni,+ li la hu u lanqas dawk li kienu miegħu ma setgħu jieklu skond il-​liġi+ ħlief il-​qassisin?+  Jew, ma qrajtux fil-​Liġi+ li f’jiem is-​Sabat il-​qassisin fit-​tempju ma jqisuhx sagru s-​Sabat u jibqgħu bla ħtija?+  Imma jien ngħidilkom li xi ħaġa akbar mit-​tempju+ qiegħda hawn.  Madankollu, kieku fhimtu dan xi jfisser, ‘Ħniena rrid,+ u mhux sagrifiċċju,’+ ma kontux tikkundannaw lil min hu bla ħtija.  Għax Bin il-​bniedem hu+ s-​Sid tas-​Sabat.”+  Wara li telaq minn dak il-​post, daħal fis-​sinagoga tagħhom; 10  u, ara, raġel b’idu niexfa!+ Għalhekk, sabiex ikunu jistgħu jakkużawh,+ staqsewh, “Tistaʼ skond il-​liġi tfejjaq f’jum is-​Sabat?” 11  Hu qalilhom: “Min minnkom li jkollu nagħġa waħda u din taqaʼ f’ħofra+ f’jum is-​Sabat ma jaqbadx u jtellagħha?+ 12  Meta toqgħod tqis, kemm jiswa iktar bniedem minn nagħġa!+ Għalhekk, tistaʼ skond il-​liġi tagħmel ħaġa tajba f’jum is-​Sabat.” 13  Imbagħad qal lir-​raġel: “Oħroġ idek.” U dan ħariġha, u reġgħet ġietu qawwija u sħiħa bħall-​oħra.+ 14  Imma l-​Fariżej ħarġu ’l barra u ftiehmu bejniethom biex jeqirduh.+ 15  Peress li sar jaf b’dan, Ġesù telaq minn hemmhekk. Ħafna marru warajh, u hu fejjaqhom ilkoll,+ 16  imma ordnalhom bis-​sħiħ biex ma jxandruhx;+ 17  biex jitwettaq dak li ntqal permezz tal-​profeta Isaija: 18  “Ara! Il-​qaddej tiegħi+ li jien għażilt, il-​maħbub tiegħi,+ li ruħi approvat! Inqiegħed l-​ispirtu tiegħi fuqu,+ u lill-​ġnus jurihom ċar x’inhi l-​ġustizzja. 19  Ma jargumenta bl-​aħrax+ maʼ ħadd, ma jgħajjatx, u ħadd ma jismaʼ leħnu fit-​toroq prinċipali. 20  Qasba mxaqqa ma jiksirhiex, u ftila tal-​kittien tnemnem ma jitfihiex,+ sakemm jirnexxilu jġib il-​ġustizzja.+ 21  Tabilħaqq, f’ismu se jittamaw il-​ġnus.”+ 22  Imbagħad ġabulu raġel agħma u mutu maħkum minn demonju; u fejqu, u b’hekk il-​mutu tkellem u ra. 23  Il-folol baqgħu skantati u mistagħġbin u bdew jgħidu:+ “Tgħid dan Bin David?”+ 24  Malli l-​Fariżej semgħu dan, qalu: “Dan ikeċċi d-​demonji biss bis-​saħħa taʼ Begħelżebub, il-​ħakkiem tad-​demonji.”+ 25  Peress li kien jaf x’kienu qed jaħsbu,+ qalilhom: “Kull saltna maqsuma kontra tagħha stess issir ħerba,+ u kull belt jew dar maqsuma kontra tagħha stess ma tibqax wieqfa. 26  Bl-istess mod, jekk Satana jkeċċi lil Satana, hu jinqasam kontra tiegħu nnifsu; allura, saltnatu kif se tibqaʼ wieqfa? 27  Barra minn hekk, jekk jien inkeċċi d-​demonji permezz taʼ Begħelżebub,+ uliedkom permezz taʼ min ikeċċuhom? Huwa għalhekk li se jkunu l-​imħallfin tagħkom. 28  Imma jekk inkeċċi d-​demonji permezz taʼ l-​ispirtu t’Alla, is-​saltna t’Alla tassew laħqitkom.+ 29  Jew kif jistaʼ xi ħadd jidħol fid-​dar taʼ raġel b’saħħtu u jaħtaflu ġidu, jekk l-​ewwel ma jorbotx lir-​raġel? Imbagħad ikun jistaʼ jisraq minn daru.+ 30  Min mhux miegħi kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred.+ 31  “Għalhekk ngħidilkom, Kull xorta taʼ dnub u dagħwa tinħafrilhom lill-​bnedmin, imma d-​dagħa kontra l-​ispirtu ma jinħafirx.+ 32  Per eżempju, kulmin jgħid xi ħaġa kontra Bin il-​bniedem tinħafirlu;+ imma kulmin jitkellem kontra l-​ispirtu qaddis ma jinħafirlux, le, la f’din is-​sistema u lanqas f’dik li ġejja.+ 33  “Jew tagħmlu s-​siġra tajba bi frott tajjeb jew tagħmlu s-​siġra mħassra bi frott imħassar; għax is-​siġra mill-​frott tagħha tingħaraf.+ 34  Nisel il-​lifgħat,+ kif tistgħu tgħidu affarijiet tajbin, meta intom ħżiena?+ Għax mill-​abbundanza tal-​qalb jitkellem il-​fomm.+ 35  Bniedem tajjeb joħroġ affarijiet tajbin+ mit-​teżor tajjeb tiegħu, filwaqt li bniedem ħażin joħroġ affarijiet ħżiena+ mit-​teżor ħażin tiegħu. 36  Ngħidilkom li kull ħaġa bla siwi li jgħidu l-​bnedmin iridu jagħtu kont+ tagħha f’Jum il-​Ġudizzju; 37  għax bi kliemek tiġi dikjarat ġust, u bi kliemek tiġi kundannat.”+ 38  Imbagħad uħud mill-​iskribi u l-​Fariżej wieġbu u qalulu: “Għalliem, irridu naraw xi sinjal mingħandek.”+ 39  Hu wieġeb u qalilhom: “Ġenerazzjoni mill-​agħar u adultera+ tibqaʼ tfittex sinjal, imma ebda sinjal ma jingħatalha ħlief dak tal-​profeta Ġona.+ 40  Għax bħalma Ġona+ dam tlett ijiem u tliet iljieli f’żaqq ħuta kbira, hekk Bin il-​bniedem+ idum tlett ijiem u tliet iljieli+ fil-​qalba taʼ l-​art.+ 41  L-irġiel taʼ Ninwe jqumu fil-​ġudizzju maʼ din il-​ġenerazzjoni+ u jikkundannawha;+ għax huma nidmu għal dak li ppriedka Ġona,+ imma, ara, xi ħadd akbar minn Ġona qiegħed hawn. 42  Is-sultana tan-​nofsinhar+ tiġi mqajma fil-​ġudizzju maʼ din il-​ġenerazzjoni u tikkundannaha; għax ġiet minn truf l-​art biex tismaʼ l-​għerf taʼ Salamun, imma, ara, xi ħadd akbar minn Salamun qiegħed hawn.+ 43  “Meta spirtu mhux nadif joħroġ minn bniedem jgħaddi minn postijiet niexfa jfittex fejn jistrieħ, u ma jsibx.+ 44  Imbagħad jgħid, ‘Nerġaʼ lura lejn dari minfejn ħriġt’; u malli jasal ma jsib lil ħadd fiha imma jsibha miknusa u mżejna. 45  Imbagħad jitlaq u jieħu miegħu sebaʼ spirti oħra agħar minnu,+ u, wara li jidħlu ġewwa, jgħammru hemmhekk; u l-​qagħda finali taʼ dak il-​bniedem issir agħar minn tal-​bidu.+ Hekk ukoll jiġrilha din il-​ġenerazzjoni mill-​agħar.”+ 46  Waqt li kien għadu jkellem lill-​folol, ara, ommu u ħutu+ kienu weqfin barra jipprovaw ikellmuh. 47  Għalhekk, xi ħadd qallu: “Ara! Ommok u ħutek qegħdin barra u jridu jkellmuk.” 48  Hu wieġeb lil dak li kellmu, u qallu: “Min hi ommi, u min huma ħuti?”+ 49  U waqt li medd idu lejn id-​dixxipli tiegħu qal: “Ara! Ommi u ħuti!+ 50  Għax kulmin jagħmel ir-​rieda taʼ Missieri li hu fis-​sema, dan hu ħija, u oħti, u ommi.”

Noti taʼ taħt

Is-Sabat kien minn inżul ix-​xemx tal-​Ġimgħa sa nżul ix-​xemx tas-​Sibt. Ara Eżo 16:23, in-​nota taʼ taħt.