Marku 12:1-44

12  U beda jkellimhom bit-​tixbihat: “Wieħed raġel ħawwel għalqa bid-​dwieli+ u dawwarha b’ċint. Ħaffer ħofra għall-​magħsar taʼ l-​inbid, bnielha torri,+ u qabbilha lil xi bdiewa,+ u siefer.+  Issa, meta wasal iż-​żmien, bagħat ilsir għand il-​bdiewa biex jieħu ftit mill-​frott taʼ l-​għalqa tad-​dwieli mingħandhom.+  Imma huma qabduh, sawtuh, u bagħtuh b’idejh vojta.+  U reġaʼ bagħtilhom ilsir ieħor; u lil dan tawh fuq rasu u ddiżonorawh.+  U bagħat ieħor, u lil dan qatluh; u bagħat lil ħafna oħrajn, lil xi wħud sawtuhom u lil oħrajn qatluhom.  Kien baqagħlu ieħor, iben maħbub.+ Bagħathulhom l-​aħħar wieħed u qal, ‘Lil ibni jirrispettawh.’+  Imma dawk il-​bdiewa qalu bejniethom, ‘Dan il-​werriet.+ Ejjew noqtluh, u l-​wirt ikun tagħna.’+  Għalhekk, qabduh, qatluh,+ u tefgħuh ’il barra mill-​għalqa tad-​dwieli.+  X’se jagħmel sid l-​għalqa tad-​dwieli? Jiġi u jeqred lill-​bdiewa, u jagħti l-​għalqa tad-​dwieli+ lil ħaddieħor.+ 10  Qatt ma qrajtuha din l-​iskrittura, ‘Il-​ġebla+ li twarrbet mill-​bennejja, din saret il-​ġebla tax-​xewka ewlenija;+ 11  mingħand Ġeħova seħħ dan, u f’għajnejna din hi ħaġa meraviljuża’?”+ 12  Għal dan, bdew jipprovaw jaraw kif jaqbduh taħt idejhom, imma kienu jibżgħu mill-​folla, għax indunaw li meta qal it-​tixbiha kellu lilhom f’moħħu. Għalhekk, ħallewh u telqu.+ 13  Imbagħad bagħtulu lil xi wħud mill-​Fariżej u mill-​partitarji t’Erodi+ biex jaqbduh fi kliemu.+ 14  Malli waslu qalulu: “Għalliem, aħna nafu li int tgħid il-​verità u ma jimpurtak minn ħadd, għax ma tħarisx lejn kif il-​bnedmin jidhru minn barra, imma tgħallem it-​triq t’Alla fi qbil mal-​verità:+ Huwa skond il-​liġi li tħallas it-​taxxa fuq kull ras lil Ċesari jew le? 15  Għandna nħallsuha, jew m’għandniex?”+ Billi induna bl-​ipokrisija tagħhom qalilhom: “Għala tipprovawni? Ġibuli dinar* biex narah.”+ 16  Ġabuhulu, u qalilhom: “Din ix-​xbieha u l-​iskrizzjoni taʼ min huma?” Qalulu: “Taʼ Ċesari.”+ 17  Imbagħad Ġesù qalilhom: “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari,+ imma lil Alla dak li hu t’Alla.”+ U bdew jistagħġbu bih.+ 18  Issa resqu lejh xi Sadduċej, li jgħidu li m’hemmx irxoxt, u staqsewh:+ 19  “Għalliem, Mosè kitbilna li jekk xi ħadd imutlu ħuh u dan iħalli mara warajh imma ma jħallix tfal, ħu l-​mejjet+ għandu jieħu lill-​mara u jqajjem nisel minnha għal ħuh.+ 20  Kien hemm sebaʼ aħwa; u l-​ewwel wieħed iżżewweġ mara, imma meta miet ma ħalliex ulied.+ 21  U żżewwiġha t-​tieni wieħed, imma miet mingħajr ma ħalla wlied; u t-​tielet għamel l-​istess. 22  U s-​sebgħa li huma ma ħallew ebda nisel. Fl-​aħħar mietet il-​mara wkoll.+ 23  Fl-irxoxt, mart min minnhom se tkun? Għax is-​sebgħa ħaduha bħala marthom.”+ 24  Qalilhom Ġesù: “Mhux għalhekk intom żbaljati, għax la tafu l-​Iskrittura u lanqas il-​qawwa t’Alla?+ 25  Għax meta jqumu mill-​imwiet, la l-​irġiel ma jiżżewġu u lanqas in-​nisa ma jingħataw fiż-​żwieġ, imma jkunu bħall-​anġli fis-​smewwiet.+ 26  Imma dwar li l-​mejtin jiġu mqajmin, ma qrajtux fil-​ktieb taʼ Mosè, fir-​rakkont dwar l-​għollieqa, kif Alla qallu, ‘Jien l-​Alla t’Abraham u l-​Alla taʼ Iżakk u l-​Alla taʼ Ġakobb’?+ 27  Hu mhux Alla tal-​mejtin, imma tal-​ħajjin. Intom żbaljati ferm.”+ 28  Issa wieħed mill-​iskribi li kien ġie u semagħhom jiddibattu, billi kien jaf li kien wiġibhom tajjeb, staqsieh: “Liema hu l-​ewwel kmandament fosthom kollha?”+ 29  Wieġeb Ġesù: “L-​ewwel hu, ‘Ismaʼ, O Israel, Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed,+ 30  u ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.’+ 31  It-tieni hu dan, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’+ M’hemm ebda kmandament ieħor akbar minn dawn.” 32  Qallu l-​iskriba: “Għalliem, tajjeb għedt fi qbil mal-​verità, ‘Hu Wieħed, u m’hemmx ieħor għajru’;+ 33  u li tħobbu b’qalbek kollha u bl-​intellett kollu tiegħek u b’saħħtek kollha u li tħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek jiswew ferm iktar mill-​offerti tal-​ħruq kollha u s-​sagrifiċċji kollha.”+ 34  Għal dan, billi għaraf li kien wieġbu b’mod intelliġenti, Ġesù qallu: “M’intix ’il bogħod mis-​saltna t’Alla.” U ħadd ma kellu l-​kuraġġ jistaqsih iktar.+ 35  Madankollu, meta kien qed iwieġeb, Ġesù beda jgħid bħalma għallem fit-​tempju: “L-​iskribi kif jgħidu li l-​Kristu hu bin David?+ 36  David stess qal bl-​ispirtu qaddis,+ ‘Ġeħova qal lill-​Mulej tiegħi: “Oqgħod bil-​qiegħda fuq il-​lemin tiegħi sakemm inqiegħed l-​għedewwa tiegħek taħt saqajk.”’+ 37  David stess isejjaħlu ‘Mulej,’ allura kif jiġi li hu ibnu?”+ U l-​folla kbira kienet qed tieħu pjaċir tisimgħu.+ 38  U fit-​tagħlim tiegħu kompla jgħid: “Oqogħdu attenti mill-​iskribi+ li jridu jippassiġġaw bi lbiesi twal u jridu t-​tislim fis-​swieq 39  u s-​siġġijiet taʼ quddiem fis-​sinagogi u l-​iktar postijiet prominenti fl-​ikliet taʼ fil-​għaxija.+ 40  Huma qed jibilgħu djar+ ir-​romol u b’falzità joqogħdu jitolbu fit-​tul; dawn se jieħdu ġudizzju iktar iebes.”+ 41  U qagħad bil-​qiegħda fejn setaʼ jara l-​kaxxi tat-​teżor*+ u beda josserva l-​folla titfaʼ l-​flus fil-​kaxxi tat-​teżor; u ħafna nies għonja kienu qed jitfgħu ħafna muniti.+ 42  Issa ġiet armla fqira u tefgħet żewġ muniti żgħar, li għandhom valur żgħir ferm.+ 43  Għalhekk, sejjaħ lid-​dixxipli tiegħu lejh u qalilhom: “Tassew ngħidilkom li din l-​armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu l-​flus fil-​kaxxi tat-​teżor;+ 44  għax huma lkoll tefgħu miż-​żejjed tagħhom, imma hi, min-​nieqes tagħha, tefgħet kulma kellha, l-​għajxien kollu tagħha.”+

Noti taʼ taħt

Ara Mt 18:24, in-​nota taʼ taħt.
Milli jidher, dawn il-​kaxxi tal-​kontribuzzjonijiet kienu jvarjaw fl-​għamla. Xi wħud minnhom kienu qishom trumbetti, b’fetħiet żgħar fin-​naħa taʼ fuq.