Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Marku 11:1-33

11  Issa, meta kienu qed joqorbu lejn Ġerusalemm, lejn Betfaġe u Betanja+ ħdejn il-Muntanja taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu+  u qalilhom: “Morru fir-raħal li qed taraw quddiemkom, u malli tidħlu fih issibu felu marbut, li ebda bniedem għadu ma qagħad bil-qiegħda fuqu; ħolluh u ġibuh.+  U jekk xi ħadd jgħidilkom, ‘Għala qed tagħmlu dan?’ għidulu, ‘Il-Mulej għandu bżonnu, u ma jdumx ma jerġaʼ jibagħtu lura hawnhekk.’”+  Għalhekk, telqu u sabu l-felu marbut barra ħdejn il-bieb, fit-triq tal-ġenb, u ħallewh.+  Imma xi wħud minn dawk li kienu hemmhekk bdew jgħidulhom: “Għalfejn qed tħollu l-felu?”+  Huma qalulhom bħalma kien qalilhom Ġesù; u dawn ħallewhom imorru.+  U ġabu l-felu+ għand Ġesù, u poġġewlu fuqu l-imnatar tagħhom, u hu qagħad bil-qiegħda fuqu.+  Ukoll, ħafna firxu l-imnatar tagħhom+ fit-triq, imma oħrajn qatgħu xi friegħi bil-weraq+ mill-għelieqi.+  U kemm dawk li kienu mexjin quddiem kif ukoll dawk li kienu mexjin wara bdew jgħajtu: “Salva, nitolbuk!+ Imbierek dak li jiġi f’isem Ġeħova!+ 10  Imbierka s-saltna li ġejja taʼ David missierna!+ Salva, nitolbuk, fl-ogħla postijiet tas-smewwiet!” 11  U daħal Ġerusalemm, fit-tempju; u ħares lejn l-affarijiet kollha taʼ madwaru, u, peress li kien diġà tard, ħareġ mat-tnax lejn Betanja.+ 12  L-għada, meta ħarġu minn Betanja, qabdu l-ġuħ.+ 13  U mill-bogħod lemaħ siġra tat-tin li kellha l-weraq, u mar jara jsibx xi ħaġa fiha. Imma, kif wasal ħdejha, ma sab xejn ħlief weraq, għax ma kienx l-istaġun tat-tin.+ 14  Għaldaqstant qalilha: “Ħa ma jiekol ħadd iktar frott minnek għal dejjem.”+ U d-dixxipli tiegħu kienu qed jisimgħuh. 15  Issa ġew Ġerusalemm. Hemmhekk daħal fit-tempju u beda jkeċċi ’l barra lil dawk li kienu qed ibigħu u jixtru fit-tempju, u qaleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u l-bankijiet taʼ dawk li kienu jbigħu l-ħamiem;+ 16  u ma ħalla lil ħadd mgħobbi b’xi ħaġa jgħaddi minn ġot-tempju, 17  imma hu baqaʼ jgħallem u jgħid: “M’huwiex miktub, ‘Dari tissejjaħ dar tat-talb+ għall-ġnus kollha’?+ Imma intom għamiltuha għar tal-ħallelin.”+ 18  U l-qassisin ewlenin u l-iskribi semgħu b’dan, u bdew jipprovaw jaraw kif jeqirduh;+ għax kienu jibżgħu minnu, peress li l-folla kollha kienet qed tiġi mbellha kontinwament bit-tagħlim tiegħu.+ 19  U meta kien isir il-ħin, kienu joħorġu mill-belt. 20  Imma huma u għaddejjin kmieni fil-għodu, raw is-siġra tat-tin diġà niexfa mill-għeruq.+ 21  Għalhekk, Pietru ftakar u qallu: “Rabbi, ara! Is-siġra tat-tin li sħitt nixfet.”+ 22  U Ġesù wieġeb u qalilhom: “Irid ikollkom fidi f’Alla. 23  Tassew ngħidilkom li kulmin jgħid lil din il-muntanja, ‘Intrefaʼ u nxteħet fil-baħar,’ u ma jiddubitax f’qalbu imma jkollu fidi li dak li jgħid se jseħħ, hekk iseħħlu.+ 24  Għalhekk ngħidilkom, Kulma tridu u titolbu għalih ħa jkollkom il-fidi li diġà qlajtuh, u tiħduh.+ 25  U meta tkunu weqfin titolbu, aħfru+ kulma għandkom kontra xi ħadd; sabiex Missierkom li hu fis-smewwiet ikun jistaʼ jaħfrilkom in-nuqqasijiet tagħkom.”+ 26*  —— 27  U għal darb’oħra ġew Ġerusalemm. U waqt li kien miexi fit-tempju resqu lejh il-qassisin ewlenin u l-iskribi u x-xjuħ+ 28  u bdew jgħidulu: “Int b’liema awtorità tagħmlu dan? Jew min tak din l-awtorità biex tagħmel dan?”+ 29  Qalilhom Ġesù: “Nagħmlilkom mistoqsija waħda. Wiġbuhieli, u jien ukoll ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dan.+ 30  Il-magħmudija+ taʼ Ġwanni kienet mis-sema jew mill-bnedmin? Wiġbuni.”+ 31  Għalhekk, bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: “Jekk ngħidulu, ‘Mis-sema,’ jgħidilna, ‘Mela għala m’emmintuhx?’+ 32  Imma ħa nissograw ngħidulu, ‘Mill-bnedmin’?”—Huma kienu jibżgħu mill-folla, għax kulħadd kien jemmen li Ġwanni veru kien profeta.+ 33  Għalhekk, wieġbu lil Ġesù u qalulu: “Ma nafux.” U Ġesù qalilhom: “Lanqas jien ma ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dan.”+

Noti taʼ taħt

Ara Mt 17:21, in-nota taʼ taħt.