Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Luqa 8:1-56

8  Ftit wara, beda jivvjaġġa minn belt għal belt u minn raħal għal raħal, jippriedka u jxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla.+ U miegħu kien hemm it-tnax,  u ċerti nisa+ li kien fejjaqhom mill-ispirti mill-agħar u mill-mard, Marija li jgħidulha l-Maddalena u li minnha kienu ħarġu sebaʼ demonji,+  u Ġwanna+ mart Ħuża, li kien jieħu ħsieb dar Erodi, u Susanna u ħafna nisa oħrajn, li kienu jaqduhom minn dak li kellhom.  Issa, meta nġabret folla kbira maʼ dawk li kienu marru ħdejh minn belt wara l-oħra, hu kellimhom permezz taʼ tixbiha:+  “Wieħed raġel ħareġ jiżraʼ ż-żerriegħa tiegħu. U waqt li kien qed jiżraʼ, ftit minnha waqgħet fil-ġenb tat-triq u ntrifset, u l-għasafar tas-sema kiluha.+  Ftit minnha ġiet fuq il-blat, u, wara li nibtet, nixfet għax ma kellhiex tira.+  Ftit minnha waqgħet qalb ix-xewk, u x-xewk li kiber magħha ħonoqha.+  Ftit minnha waqgħet f’ħamrija tajba, u, wara li nibtet, għamlet frott għal mitt darba.”+ Kif qal dan, għolla leħnu u qal: “Min għandu widnejn biex jismaʼ, ħa jismaʼ.”+  Imma d-dixxipli tiegħu bdew jistaqsuh x’kienet tfisser din it-tixbiha.+ 10  Qalilhom: “Lilkom hu mogħti li tifhmu s-sigrieti sagri tas-saltna t’Alla, imma lill-oħrajn inkellimhom bit-tixbihat,+ sabiex, għalkemm iħarsu, iħarsu għalxejn, u, għalkemm jisimgħu, ma jifhmux.+ 11  Issa t-tixbiha+ tfisser dan: Iż-żerriegħa hi l-kelma t’Alla.+ 12  Dawk fil-ġenb tat-triq huma dawk li jkunu semgħu,+ imbagħad jiġi x-Xitan+ u jiħdilhom il-kelma minn qlubhom biex ma jemmnux u jiġu salvati.+ 13  Dawk taʼ fuq il-blat huma dawk li meta jisimgħu l-kelma jilqgħuha bil-ferħ, imma dawn m’għandhomx għeruq; jemmnu għal xi żmien, imma fi żmien taʼ prova jaqgħu.+ 14  Rigward dawk li waqgħu qalb ix-xewk, dawn huma dawk li jkunu semgħu, imma, peress li jinġarru mill-ansjetajiet u mir-rikkezzi u mill-pjaċiri+ taʼ din il-ħajja, jinħonqu għalkollox u ma jwasslu xejn għall-perfezzjoni.+ 15  Rigward dawk li waqgħu f’ħamrija tajba, dawn huma dawk li, wara li jisimgħu l-kelma b’qalb+ nobbli u tajba, iżommuha u jagħtu l-frott bis-sabar.+ 16  “Ħadd ma jixgħel musbieħ u jgħattih b’xi reċipjent jew ipoġġih taħt is-sodda, imma jpoġġih fuq gandlier, biex dawk li jidħlu ġewwa jaraw id-dawl.+ 17  Għax m’hemm xejn mistur+ li mhux se jintwera, u m’hemm xejn moħbi bil-għaqal li qatt m’hu se jsir magħruf u li qatt m’hu se joħroġ fil-beraħ.+ 18  Għalhekk, oqogħdu attenti kif tisimgħu; għax kulmin għandu, jingħatalu iktar,+ imma kulmin m’għandux, jittiħidlu saħansitra dak li jimmaġina li għandu.”+ 19  Issa ommu u ħutu+ ġew fejn kien hu, imma ma setgħux jersqu ħdejh minħabba l-folla.+ 20  Madankollu, xi ħadd qallu: “Ommok u ħutek qegħdin barra u jridu jarawk.”+ 21  Hu wieġeb u qalilhom: “Ommi u ħuti huma dawn li jisimgħu l-kelma t’Alla u jagħmluha.”+ 22  Jum minnhom hu u d-dixxipli tiegħu telgħu f’dgħajsa u qalilhom: “Ejja naqsmu għan-naħa l-oħra taʼ l-għadira.” Għalhekk, telqu.+ 23  Imma huma u sejrin marret għajnu bih. Issa qam riefnu qawwi fuq l-għadira, u beda jidħlilhom ħafna ilma u kienu fil-periklu.+ 24  Fl-aħħar resqu lejh u qajmuh u qalulu: “Mgħallem, Mgħallem, se nintilfu!”+ Hu qam u ċanfar+ ir-riħ u l-furja taʼ l-ilma, u dawn battew, u waqgħet kalma. 25  Imbagħad qalilhom: “Fejn hi l-fidi tagħkom?” Imma huma nħakmu minn biżaʼ kbir, u mistagħġbin bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, għax jordna saħansitra lill-irjieħ u l-ilma, u dawn jobduh?”+ 26  U waslu fix-xatt taʼ l-art tal-Gerasin, li qiegħda faċċata tal-Galilija.+ 27  Issa, malli niżel l-art, iltaqaʼ miegħu raġel mill-belt li kellu d-demonji. U dan kien ilu żmien twil ma jilbes ħwejjeġ fuqu, u ma kienx joqgħod id-dar imma qalb l-oqbra.+ 28  Malli lemaħ lil Ġesù, għajjat u nxteħet quddiemu u b’leħen għoli qallu:  “X’għandi x’naqsam miegħek,+ Ġesù, Bin Alla l-Iktar Għoli? Nitolbok, titturmentanix.”+ 29  (Għax hu kien ordna lill-ispirtu mhux nadif biex joħroġ mir-raġel li kien ilu maħkum minnu żmien twil.+ Għal darba wara l-oħra dan kien ġie marbut bil-ktajjen maʼ saqajh u idejh u mgħasses sew, imma kien ikisser l-irbit u jittieħed mid-demonju fl-imwarrab.) 30  Staqsieh Ġesù: “X’jismek?” Qallu: “Leġjun,” għax kienu daħlu fih ħafna demonji.+ 31  U bdew jitolbuh bil-ħrara+ biex ma jordnalhomx imorru fl-abbiss.+ 32  Issa fuq il-muntanja kien hemm merħla kbira taʼ ħnieżer+ jirgħu; għalhekk, talbuh bil-ħrara biex iħallihom jidħlu fihom.+ U hu ħalliehom. 33  Imbagħad id-demonji ħarġu mir-raġel u daħlu fil-ħnieżer, u l-merħla qabżet minn fuq l-irdum għal ġo l-għadira u għerqet.+ 34  Imma meta r-rgħajja raw dak li ġara, ħarbu u xerrdu l-aħbar mal-belt u l-kampanja.+ 35  Imbagħad in-nies ġew jaraw x’kien ġara, u ġew ħdejn Ġesù u sabu r-raġel, li minnu kienu ħarġu d-demonji, liebes u b’moħħu f’loku, bil-qiegħda ħdejn saqajn Ġesù; u mtlew bil-biżaʼ.+ 36  Dawk li raw x’kien ġara qalulhom kif tfejjaq ir-raġel maħkum mid-demonji.+ 37  Għalhekk, il-kotra kollha mill-inħawi taʼ l-art tal-Gerasin talbuh jitbiegħed minnhom, għax inħakmu minn biżaʼ kbir.+ Imbagħad telaʼ fid-dgħajsa u telaq. 38  Madankollu, ir-raġel li minnu kienu ħarġu d-demonji beda jitolbu bil-ħniena biex jibqaʼ miegħu; imma hu bagħtu u qallu:+ 39  “Mur lura d-dar, u ibqaʼ rrakkonta x’għamel miegħek Alla.”+ Għaldaqstant, dan telaq u xandar mal-belt kollha x’għamel miegħu Ġesù.+ 40  Meta Ġesù wasal lura, il-folla laqgħetu b’qalb tajba, għax kulħadd kien qed jistennieh.+ 41  Imma, ara! Ġie raġel li kien jismu Ġajru, u dan kien uffiċjal li jippresiedi fis-sinagoga. U nxteħet f’riġlejn Ġesù u beda jitolbu bil-ħrara biex imur għandu,+ 42  għax l-unika tifla li kellu, taʼ madwar tnax-il sena, kienet qed tmut.+ Hu u sejjer, il-folol bdew irossu fuqu.+ 43  U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena tbati bi tnixxija taʼ demm+ u ħadd ma setaʼ jfejjaqha;+ 44  din resqet minn warajh u messitlu t-tarf+ tal-libsa,+ u t-tnixxija tad-demm waqfitilha minnufih.+ 45  Għalhekk, Ġesù qal: “Min messni?”+ Meta kulħadd beda jiċħad, Pietru qallu: “Mgħallem, il-folol qed jagħfsu fuqek u jrossuk.”+ 46  Iżda Ġesù qal: “Xi ħadd messni, għax ħassejt li ħarġet qawwa+ minni.”+ 47  Meta rat li kien induna biha, il-mara ġiet b’rogħda fuqha, inxteħtet quddiemu, u qalet quddiem kulħadd għala messitu u kif tfejqet minnufih.+ 48  Imma hu qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek;+ mur fil-paċi.”+ 49  Waqt li kien għadu jitkellem, ġie rappreżentant taʼ l-uffiċjal li jippresiedi fis-sinagoga u qal: “Bintek mietet; tħabbtux iktar lill-għalliem.”+ 50  Malli semaʼ dan, Ġesù wieġbu: “Tibżax, biss uri l-fidi,+ u hi tiġi salvata.” 51  Meta wasal id-dar ma ħalla lil ħadd jidħol miegħu ħlief lil Pietru u lil Ġwanni u lil Ġakbu u lil missier u omm it-tifla.+ 52  Imma n-nies kollha kienu qed jibku u jħabbtu fuq sidirhom bin-niket minħabba fiha. Għalhekk, qal: “Tibqgħux tibku,+ għax mhix mejta imma rieqda.”+ 53  Għal dan, bdew jiddieħqu bih, għax kienu jafu li kienet mietet.+ 54  Imma qabadha minn idha u b’leħen għoli qalilha: “Tifla, qum!”+ 55  U l-ispirtu tagħha+ ġie lura, u qamet+ minnufih, u ordna li tingħata xi ħaġa x’tiekol.+ 56  Il-ġenituri tagħha ma kinux jafu x’se jaqbdu jagħmlu bil-ferħ; imma hu qalilhom biex ma jgħidu lil ħadd x’kien ġara.+

Noti taʼ taħt