Luqa 24:1-53

24  Madankollu, fl-​ewwel jum tal-​ġimgħa, marru kmieni ħafna lejn il-​qabar u ħadu magħhom il-​fwejjaħ aromatiċi li kienu ħejjew.+  Imma sabu l-​ġebla mgerba minn quddiem il-​qabar tat-​tifkira,+  u meta daħlu ma sabuhx il-​ġisem tal-​Mulej Ġesù.+  Waqt li kienu mifxulin minħabba dan, ara, ġew ħdejhom żewġt irġiel bi lbies jiddi.+  Peress li n-​nisa bdew jibżgħu u baqgħu b’wiċċhom imniżżel lejn l-​art, l-​irġiel qalulhom: “Għala qed tfittxu l-​Ħaj fost il-​mejtin?  [[Mhux qiegħed hawnhekk, imma ġie mqajjem.]]+ Ftakru kif kellimkom waqt li kien għadu l-​Galilija,+  meta qal li Bin il-​bniedem irid jingħata f’idejn il-​midinbin, dawn isammruh maʼ zokk, iżda fit-​tielet jum iqum.”+  Għalhekk, huma ftakru kliemu+  u reġgħu lura mill-​qabar tat-​tifkira u qalu dan kollu lill-​ħdax u lill-​oħrajn kollha.+ 10  Huma kienu Marija l-​Maddalena, u Ġwanna,+ u Marija omm Ġakbu. Anki l-​bqija tan-​nisa+ li kienu magħhom kienu qed jgħidu l-​istess ħaġa lill-​appostli. 11  Madankollu, dan il-​kliem ma kienx jagħmel sens għalihom u m’emmnuhomx.+ 12  [[Imma Pietru qam u ġera lejn il-​qabar tat-​tifkira, ittawwal ġewwa, u ra li l-​faxex biss kien hemm. Għalhekk, telaq minn hemm jhewden fuq dak li ġara.]] 13  Imma, ara! Dakinhar stess tnejn minnhom kienu qed jivvjaġġaw lejn raħal jismu Għemmaws, li kien xi ħdax-il kilometru* ’l bogħod minn Ġerusalemm, 14  u kienu qed jitkellmu bejniethom dwar kulma+ kien ġara. 15  Issa huma u jitkellmu u jiddiskutu, Ġesù nnifsu resaq lejhom+ u beda miexi magħhom; 16  imma għajnejhom kienu miżmumin biex ma jagħrfuhx.+ 17  Qalilhom: “Fuqiex qed tiddiskutu bejnietkom intom u mexjin?” U waqfu b’wiċċhom imnikket. 18  Wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Int xi barrani li qed tgħix għalik waħdek f’Ġerusalemm, u b’hekk ma tafx x’ġara fiha f’dawn il-​jiem?” 19  U qalilhom: “X’ġara?” Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù n-​Nazzarenu,+ li sar profeta+ setgħan fl-​għemil u fil-​kliem quddiem Alla u l-​poplu kollu; 20  u kif il-​qassisin ewlenin u l-​ħakkiema tagħna qatgħuhielu għall-​mewt u sammruh maʼ zokk.+ 21  Imma aħna konna qed nittamaw li dan ir-​raġel kien dak li kellu jeħles lil Israel;+ iva, u fuq kollox, illum it-​tielet jum minn meta ġara dan. 22  Iktar minn hekk, xi nisa+ minn fostna wkoll għaġġbuna, għax marru kmieni ħdejn il-​qabar tat-​tifkira 23  u ma sabuhx il-​ġisem tiegħu, u ġew jgħidulna li f’dehra sopranaturali kienu raw ukoll l-​anġli li qalulhom li kien ħaj. 24  Jerġaʼ, xi wħud minn magħna telqu lejn il-​qabar tat-​tifkira;+ u sabu kollox eżatt kif kienu qalu n-​nisa, imma lilu ma rawhx.” 25  Għalhekk, qalilhom: “Kemm intom boloh u ddumu biex temmnu dak kollu li qalu l-​profeti!+ 26  Ma kellux il-​Kristu jsofri+ dan u jidħol fil-​glorja tiegħu?”+ 27  U beda minn Mosè+ u l-​Profeti+ kollha jfissrilhom dak li kien hemm miktub fuqu fl-​Iskrittura kollha. 28  Fl-aħħar waslu qrib ir-​raħal fejn kienu sejrin, u hu għamilha taʼ bir-​ruħu li se jibqaʼ sejjer. 29  Imma huma sforzawh u qalulu: “Ibqaʼ magħna, għax sar ħafna ħin u l-​jum kważi spiċċa.” Għaldaqstant daħal u baqaʼ magħhom. 30  U waqt li kien qed jiekol magħhom, qabad il-​ħobża, berikha, qasamha u beda jnewwilhielhom.+ 31  Għal dan, għajnejhom infetħu għalkollox u għarfuh; u għab minn quddiemhom.+ 32  U qalu lil xulxin: “Ma kinux qlubna mkebbsin fina meta beda jkellimna fit-​triq, hu u jispjegalna ċar l-​Iskrittura?” 33  U dak il-​ħin stess qamu u marru lura Ġerusalemm, u sabu lill-​ħdax u lil dawk li kienu magħhom miġburin flimkien, 34  u dawn qalulhom: “Il-​Mulej il-​veru ġie mqajjem u deher lil Xmun!”+ 35  Issa huma rrakkontawlhom xi ġralhom fit-​triq u kif għarfuh meta qasam il-​ħobża.+ 36  Waqt li kienu qed jitkellmu dwar dan, hu stess ġie f’nofshom [[u qalilhom: “Is-​sliem għalikom.”]] 37  Imma peress li kienu mwerwrin u mbeżżgħin,+ kienu qed jimmaġinaw li raw xi spirtu. 38  Għalhekk, qalilhom: “Għala qed titħawdu, u għala qed tiddubitaw fi qlubkom? 39  Araw idejja u saqajja, kif dan hu jien; missuni+ u araw, għax spirtu m’għandux laħam u għadam+ kif qed taraw li għandi jien.” 40  [[U hu u jgħid dan, uriehom idejh u saqajh.]] 41  Waqt li kienu għadhom m’humiex qed jemmnu+ minħabba l-​ferħ li kellhom u kienu għadhom mgħaġġbin, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa x’niekol hemmhekk?”+ 42  U tawh biċċa ħuta mixwija;+ 43  u ħadha u kielha+ quddiem għajnejhom. 44  Imbagħad qalilhom: “Dan hu l-​kliem li għedtilkom waqt li kont għadni magħkom,+ li kulma hemm miktub dwari fil-​liġi taʼ Mosè u fil-​Profeti+ u fis-​Salmi+ jrid jitwettaq.” 45  Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-​Iskrittura+ 46  u qalilhom: “Hekk hu miktub li l-​Kristu kellu jbati u jqum mill-​imwiet fit-​tielet jum,+ 47  u f’ismu l-​indiema għall-​maħfra tad-​dnubiet+ kellha tiġi pridkata fil-​ġnus kollha;+ billi tibdew minn Ġerusalemm+ 48  intom tridu tkunu xhieda+ taʼ dan. 49  U, ara! Qed nibgħat fuqkom dak li hu mwiegħed minn Missieri. Iżda, ibqgħu fil-​belt sakemm titlibbsu b’qawwa mill-​għoli.”+ 50  U ħariġhom sa ħdejn Betanja, u refaʼ idejh ’il fuq u berikhom.+ 51  Hu u jberikhom, infired minnhom u beda jintrefaʼ ’l fuq lejn is-​sema.+ 52  U, wara li mielu quddiemu, marru lura lejn Ġerusalemm mimlijin ferħ kbir.+ 53  U kontinwament kienu joqogħdu fit-​tempju jbierku lil Alla.+

Noti taʼ taħt

Jew, “sebaʼ mili [Rumani] u nofs.” Qabbel Mt 5:41, in-​nota taʼ taħt.