Levitiku 25:1-55

25  U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè fuq il-​Muntanja Sinaj u jgħidlu:  “Kellem lil ulied Israel, u għidilhom, ‘Meta tidħlu fl-​art li qed nagħtikom,+ imbagħad l-​art trid tosserva Sabat lil Ġeħova.+  Sitt snin għandek tiżraʼ ż-​żerriegħa fl-​għalqa tiegħek, u sitt snin għandek tiżbor l-​għalqa tad-​dwieli tiegħek, u tiġbor il-​prodott taʼ l-​art.+  Imma fis-​sebaʼ sena għandu jkun hemm Sabat taʼ mistrieħ komplet għall-​art,+ Sabat lil Ġeħova. Tiżrax żerriegħa fl-​għalqa tiegħek, u tiżborx l-​għalqa tad-​dwieli tiegħek.  Taħsadx dak li jinbet miż-​żerriegħa tal-​ħsad tiegħek li tkun waqgħet, u taqtax l-​għeneb tad-​dielja mhix miżbura tiegħek. Għandu jkun hemm sena taʼ mistrieħ komplet għall-​art.  U dak li l-​art tipproduċi fis-​Sabat irid iservi bħala ikel, għalik u għall-​ilsir tiegħek u għall-​ilsira tiegħek u għall-​ħaddiem mikri tiegħek u għall-​frustier li jkun miegħek, dawk li qed jgħammru bħala barranin miegħek,  u għall-​annimal domestiku tiegħek u għall-​bhima salvaġġa li hemm f’artek. Il-​prodott kollu tagħha għandu jservi bħala ikel.  “‘U għodd għalik sebaʼ Sabatijiet taʼ snin, sebaʼ snin għal sebaʼ darbiet, u l-​jiem tas-​sebaʼ Sabatijiet taʼ snin iridu jammontaw għal disgħa u erbgħin sena għalik.  U ġiegħel li l-​qarn jinstemaʼ b’ton qawwi+ fis-​sebaʼ xahar, fl-​għaxra tax-​xahar;+ f’jum it-​tpattija+ għandkom iġġiegħlu li l-​qarn jinstemaʼ fl-​art kollha tagħkom. 10  U qaddsu l-​ħamsin sena u xandru l-​libertà* fl-​art lill-​abitanti kollha tagħha.+ Issir Ġublew+ għalikom, u morru lura kull wieħed lejn il-​proprjetà tiegħu u għandkom tmorru lura kull wieħed lejn il-​familja tiegħu.+ 11  Ġublew issir għalikom din il-​ħamsin sena.+ La għandkom tiżirgħu żerriegħa, la taħsdu dak li jinbet miż-​żerriegħa taʼ l-​art li tkun waqgħet, u lanqas taqtgħu l-​għeneb tad-​dwieli mhux miżburin tagħha.+ 12  Għax dan hu Ġublew. Għandu jsir xi ħaġa qaddisa għalikom. Mill-​għalqa tistgħu tieklu dak li tipproduċi l-​art.+ 13  “‘F’din is-​sena tal-​Ġublew għandkom tmorru lura kull wieħed lejn il-​proprjetà tiegħu.+ 14  Issa jekk tbigħ xi merkanzija lil sieħbek jew tixtri l-​proprjetà minn id sieħbek, tqarrqux b’xulxin.+ 15  Skond l-​għadd tas-​snin wara l-​Ġublew għandek tixtri l-​proprjetà mingħand sieħbek; skond l-​għadd tas-​snin taʼ l-​uċuħ tar-​rabaʼ għandu jbegħlek.+ 16  Iktar ma jkun kbir l-​għadd tas-​snin iktar għandu jżid il-​prezz tax-​xiri tagħha,+ u inqas ma jkunu s-​snin iktar għandu jnaqqas il-​prezz tax-​xiri tagħha, għaliex hu qed ibegħlek l-​għadd taʼ l-​uċuħ tar-​rabaʼ. 17  U ħadd minnkom m’għandu jqarraq b’sieħbu,+ u ibżaʼ minn Alla tiegħek,+ għaliex jien Ġeħova Alla tagħkom.+ 18  Għalhekk, wettqu l-​istatuti tiegħi u ħarsu d-​deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħi u wettquhom. Imbagħad żgur li tgħammru fuq l-​art fis-​sigurtà.+ 19  U l-​art tabilħaqq li tagħti l-​frott tagħha,+ u intom żgur li tieklu sakemm tixbgħu u tgħammru fuqha fis-​sigurtà.+ 20  “‘Imma jekk tgħidu: “X’se nieklu fis-​sebaʼ sena ladarba ma nistgħux niżirgħu żerriegħa jew niġbru l-​uċuħ tar-​rabaʼ tagħna?”+ 21  f’dan il-​każ jien żgur li nixħet fuqkom il-​barka tiegħi fis-​sitt sena, u l-​art tipproduċi l-​wiċċ tar-​rabaʼ tagħha għal tliet snin.+ 22  U fit-​tmien sena tiżirgħu ż-​żerriegħa u tieklu mill-​wiċċ tar-​rabaʼ taʼ qabel sad-​disaʼ sena. Sakemm jilħaq il-​wiċċ tar-​rabaʼ tagħha tieklu minn dak taʼ qabel. 23  “‘Għalhekk, l-​art m’għandhiex tinbiegħ għal dejjem,+ għaliex l-​art hi tiegħi.+ Għax għalija intom residenti barranin u immigranti.+ 24  U fl-​art kollha li tkun tagħkom, għandkom tħallu d-​dritt li l-​art tinxtara lura.+ 25  “‘Jekk ħuk jiftaqar u jkollu jbigħ ftit milli għandu, feddej li jiġi minnu mill-​qrib irid jiġi jixtri lura dak li biegħ ħuh.+ 26  U jekk xi ħadd ma jkollux qarib feddej u jagħmel il-​qligħ b’idu stess u jkollu biżżejjed biex jixtriha lura, 27  irid jikkalkula wkoll is-​snin minn meta biegħha u jrid jagħti lura l-​flus li jibqgħu żejda lir-​raġel li lilu jkun biegħha, u jmur lura lejn il-​proprjetà tiegħu.+ 28  “‘Imma jekk ma jkollux biżżejjed f’idu x’jagħtih lura, kulma biegħ irid jibqaʼ wkoll f’id min xtrah sas-​sena tal-​Ġublew;+ u jrid jingħata lura fil-​Ġublew, u hu jmur lura lejn il-​proprjetà tiegħu.+ 29  “‘Issa jekk raġel ibigħ dar abitabbli f’belt bis-​swar, id-​dritt tiegħu biex jixtriha lura jrid jibqaʼ validu sakemm tispiċċa s-​sena minn dakinhar li jkun biegħ; id-​dritt tiegħu biex jixtri lura+ għandu jibqaʼ validu sena sħiħa. 30  Imma jekk ma tinxtarax lura qabel ma s-​sena sħiħa tkun għaddietlu għalkollox, id-​dar li qiegħda fil-​belt li għandha sur trid tibqaʼ wkoll għal dejjem bħala l-​proprjetà taʼ min xtraha matul il-​ġenerazzjonijiet tiegħu. M’għandhiex tingħata lura fil-​Ġublew. 31  Madankollu, id-​djar taʼ l-​irħula li m’għandhomx sur madwarhom għandhom jitqiesu bħala parti mill-​kampanja tal-​pajjiż. Id-​dritt tax-​xiri lura+ għandu jibqaʼ validu għad-​dar, u fil-​Ġublew+ għandha tingħata lura. 32  “‘Inkwantu għall-​bliet tal-​Leviti, id-​dritt tax-​xiri lura tad-​djar fil-​bliet li huma tagħhom+ għandu jibqaʼ validu għal żmien indefinit għal-​Leviti.+ 33  U jekk Levita ma jixtrix lura d-​dar li jkun biegħ fil-​belt li hi tiegħu, id-​dar trid tingħata lura wkoll fil-​Ġublew;+ għaliex id-​djar fil-​bliet tal-​Leviti huma tagħhom f’nofs ulied Israel.+ 34  Iktar minn hekk, l-​għalqa fl-​art fejn jirgħu l-​bhejjem+ tal-​bliet tagħhom ma tistax tinbiegħ, għaliex hi tagħhom għal żmien indefinit. 35  “‘U jekk ħuk jiftaqar, u b’hekk ikun batut finanzjarjament maġenbek,+ għandek tgħinu,+ bħalma suppost tgħin lir-​resident barrani u lill-​immigrant,+ u b’hekk ħuk jibqaʼ jgħix miegħek. 36  Tiħux imgħax mingħandu u tisilfux biex tagħmel qligħ minn fuqu,+ imma ibżaʼ minn Alla tiegħek;+ u ħuk irid jibqaʼ jgħix miegħek. 37  Flusek tislifhomlux bl-​imgħax,+ u tagħtix l-​ikel tiegħek bi qligħ. 38  Jien Ġeħova Alla tagħkom, li ħriġtkom mill-​art taʼ l-​Eġittu biex nagħtikom l-​art taʼ Kangħan,+ biex nuri li jien Alla tagħkom.+ 39  “‘U jekk ħuk jiftaqar maġenbek u jkollu jbigħ lilu nnifsu lilek,+ tużahx bħala ħaddiem fix-​xogħol taʼ lsir.+ 40  Għandu jkun miegħek bħal ħaddiem mikri,+ bħal immigrant. Għandu jaqdik sas-​sena tal-​Ġublew. 41  U jrid joħroġ mingħandek, hu u wliedu miegħu, u jmur lura għand il-​familja tiegħu, u għandu jerġaʼ lura lejn il-​proprjetà taʼ missirijietu.+ 42  Għax huma l-​ilsiera tiegħi li ħriġthom mill-​art taʼ l-​Eġittu.+ M’għandhomx ibigħu lilhom infushom bil-​mod li jinbiegħ ilsir. 43  Tgħaffġux taħt saqajk b’tirannija,+ u ibżaʼ minn Alla tiegħek.+ 44  Imma jekk trid li jkollok ilsir u lsira tistaʼ tiħodhom mill-​ġnus li qegħdin madwarkom; mingħandhom tistgħu tixtru lsir u lsira. 45  U wkoll mingħand ulied l-​immigranti li qed jgħammru bħala barranin magħkom,+ mingħandhom tistgħu tixtru, u mingħand il-​familji tagħhom li qegħdin magħkom u li kienu twildulhom f’artkom; u jsiru tagħkom. 46  U tridu tgħadduhom bħala wirt lil uliedkom warajkom biex jirtuhom u jkunu tagħhom għal żmien indefinit.+ Tistgħu tużawhom bħala ħaddiema, imma lil ħutkom ulied Israel tgħaffġuhomx taħt saqajkom; tgħaffġux wieħed lill-​ieħor, b’tirannija.+ 47  “‘Imma jekk ir-​resident barrani jew l-​immigrant li hemm miegħek jistagħna, u ħuk jiftaqar maġenbu u jkollu jbigħ lilu nnifsu lir-​resident barrani jew lill-​frustier li hemm miegħek, jew lil xi membru tal-​familja tar-​resident barrani, 48  wara li jkun biegħ lilu nnifsu,+ id-​dritt tal-​fidwa jibqaʼ validu fil-​każ tiegħu.+ Wieħed minn ħutu jistaʼ jixtrih lura.+ 49  Jistaʼ jixtrih lura jew zijuh jew bin zijuh, jew jistaʼ jixtrih lura xi qarib ieħor mid-​demm,+ jiġifieri, wieħed mill-​familja tiegħu. “‘Jew jekk hu stess ikun stagħna, għandu jixtri lura lilu nnifsu.+ 50  U jikkalkula maʼ min xtrah mis-​sena li jkun inbigħ lilu sas-​sena tal-​Ġublew,+ u l-​flus mill-​bejgħ tiegħu jridu jkunu ekwivalenti għall-​għadd tas-​snin.+ Bil-​mod kif jiġu kalkulati l-​ġranet tax-​xogħol taʼ ħaddiem mikri għandu jiġi trattat.+ 51  Jekk ikun għad baqaʼ ħafna snin, skond kemm snin ikun baqaʼ, għandu jħallas il-​prezz tax-​xiri lura mill-​flus li ngħata meta nxtara. 52  Imma jekk ikun għad baqaʼ ftit snin sas-​sena tal-​Ġublew,+ irid jikkalkula għalih innifsu. Skond is-​snin tiegħu għandu jħallas il-​prezz tax-​xiri lura tiegħu. 53  Għandu jiġi trattat bħal ħaddiem li jkun mikri+ minn sena għal sena. U int trid tkun ċert li sidu ma jgħaffġux taħt saqajh b’tirannija.+ 54  Madankollu, jekk ma jkunx jistaʼ jixtri lura lilu nnifsu b’dawn il-​kundizzjonijiet, irid jingħata lura fis-​sena tal-​Ġublew,+ hu u wliedu miegħu. 55  “‘Għax tiegħi huma lsiera wlied Israel. Huma l-​ilsiera+ tiegħi li jien ħriġt mill-​art taʼ l-​Eġittu.+ Jien Ġeħova Alla tagħkom.+

Noti taʼ taħt

Jew, “il-​ħelsien [taʼ l-​ilsiera].”