Levitiku 19:1-37

19  U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu:  “Kellem lill-​ġemgħa kollha taʼ wlied Israel, u għidilhom, ‘Għandkom turu li intom qaddisin,+ għax jien, Ġeħova Alla tagħkom, qaddis.+  “‘Għandkom tibżgħu kull wieħed minnkom minn ommu u minn missieru,+ u għandkom tħarsu s-​Sabatijiet tiegħi.+ Jien Ġeħova Alla tagħkom.  Iddurux lejn allat bla siwi,+ u tagħmlux għalikom allat minn metall imdewweb.+ Jien Ġeħova Alla tagħkom.  “‘Issa jekk is-​sagrifiċċju li toffru lil Ġeħova jkun sagrifiċċju taʼ sħubija,+ għandkom toffruh bħala sagrifiċċju biex tiksbu l-​approvazzjoni għalikom.+  Dakinhar li toffru s-​sagrifiċċju tagħkom u eżatt l-​għada għandu jittiekel, imma dak li jifdal sat-​tielet jum għandu jinħaraq fin-​nar.+  Iżda, jekk jittiekel imqar ftit minnu fit-​tielet jum, din tkun ħaġa mniġġsa.+ Ma jiġix aċċettat b’approvazzjoni.+  U min jieklu jkollu jwieġeb għall-​iżball tiegħu,+ għaliex ikun kasbar xi ħaġa qaddisa taʼ Ġeħova; u din ir-​ruħ trid tinqataʼ minn mal-​poplu tagħha.  “‘U fi żmien il-​ħsad t’artkom, taħsadx għalkollox sa tarf l-​għalqa tiegħek, u tiġborx it-​tilqit tal-​ħsad tiegħek.+ 10  Ukoll, tiġborx dak li jifdal+ mill-​għalqa tad-​dwieli tiegħek, u tiġborx l-​għeneb imxerred taʼ l-​għalqa tad-​dwieli tiegħek. Għandek tħallihom+ għall-​magħkus u għar-​resident barrani. Jien Ġeħova Alla tagħkom. 11  “‘Tisirqux,+ u tqarrqux,+ u tittrattawx maʼ seħibkom bil-​qerq.+ 12  U taħilfux b’ismi fil-​gideb,+ u b’hekk tkasbar l-​isem t’Alla tiegħek. Jien Ġeħova. 13  Timbroljax lil għajrek,+ u tisraqx.+ Il-​ħlas taʼ ħaddiem mikri m’għandux jibqaʼ għandek il-​lejl kollu sa fil-​għodu.+ 14  “‘Tisħitx lit-​trux, u tqigħedx tfixkil quddiem l-​agħma;+ u ibżaʼ minn Alla tiegħek.+ Jien Ġeħova. 15  “‘Timxux bl-​inġustizzja fil-​ġudizzju. Tittrattax lill-​batut bil-​parzjalità,+ u tippreferix lil xi ħadd għax hu kbir.+ Għandek tiġġudika lil sieħbek bil-​ġustizzja. 16  “‘Tmurx ’l hawn u ’l hinn qalb il-​poplu tiegħek sabiex ixxerred il-​malafama.+ Tqumx kontra għajrek u titlob demmu.+ Jien Ġeħova. 17  “‘Tobgħodx lil ħuk f’qalbek.+ Għandek assolutament twiddeb lil sieħbek,+ sabiex ma tkunx ħati tad-​dnub flimkien miegħu. 18  “‘Tivvendikax ruħek+ u lanqas iżżomm f’qalbek għal ulied il-​poplu tiegħek;+ u ħobb lil għajrek bħalek innifsek.+ Jien Ġeħova. 19  “‘Għandkom tħarsu l-​istatuti tiegħi: L-​annimali domestiċi tiegħek tgħammarhomx m’annimali taʼ tip ieħor. Tiżrax l-​għalqa tiegħek b’żewġ tipi taʼ żerriegħa,+ u tilbisx libsa b’żewġ tipi taʼ ħajt, imħallat flimkien.+ 20  “‘Issa jekk raġel jimtedd maʼ mara u jkollu relazzjoni sesswali magħha,* meta hi tkun qaddejja mwiegħda lil raġel ieħor, u ma tkunx ġiet mifdija b’xi mod u lanqas ngħatat il-​ħelsien, għandu jingħata l-​kastig. M’għandhomx jingħataw il-​mewt, għaliex hi ma ġietx meħlusa. 21  U hu jrid iġib l-​offerta għall-​ħtija tiegħu lil Ġeħova fid-​daħla tat-​tinda tal-​laqgħa, muntun taʼ l-​offerta għall-​ħtija.+ 22  U l-​qassis jagħmel tpattija għalih bil-​muntun taʼ l-​offerta għall-​ħtija quddiem Ġeħova għad-​dnub li għamel; u d-​dnub li għamel jinħafirlu.+ 23  “‘U jekk tidħlu fl-​art, u tħawlu xi siġra għall-​ikel, il-​frott tagħha tridu wkoll tqisuh bħala li mhux safi bħallikieku mhux ċirkonċiż. Jibqaʼ mhux ċirkonċiż għalikom għal tliet snin. M’għandux jittiekel. 24  Imma fir-​rabaʼ sena l-​frott kollu tagħha+ jsir xi ħaġa qaddisa offruta matul festa taʼ ferħ lil Ġeħova.+ 25  U fil-​ħames sena tistgħu tieklu l-​frott tagħha sabiex ikollkom żjieda f’dak li tipproduċi.+ Jien Ġeħova Alla tagħkom. 26  “‘Tieklu xejn bid-​demm fih.+ “‘Tfittxux sinjali li bihom taqraw il-​futur,+ u tipprattikawx il-​maġija.+ 27  “‘Taqtgħux ix-​xagħar fil-​ġenb taʼ raskom qasir u fit-​tond, u tħassarx it-​tarf tad-​daqna tiegħek.+ 28  “‘Tqattgħux ġisimkom għal xi ruħ mejta,+ u tagħmlux tpinġija fuqkom. Jien Ġeħova. 29  “‘Tkasbarx lil bintek billi tagħmilha prostituta,+ sabiex l-​art ma tagħmilx prostituzzjoni u b’dan l-​art timtela bil-​morali laxki.+ 30  “‘Għandkom tħarsu s-​Sabatijiet tiegħi,+ u għandkom turu rispett profond lejn is-​santwarju tiegħi.+ Jien Ġeħova. 31  “‘Iddurux lejn il-​medji taʼ l-​ispirti,*+ u tikkonsultawx maʼ dawk li xogħolhom hu li jbassru l-​ġrajjiet,+ u b’hekk issiru mhux nodfa minħabba fihom. Jien Ġeħova Alla tagħkom. 32  “‘Quddiem ix-​xagħar griż għandek tqum,+ u uri konsiderazzjoni lejn il-​persuna taʼ raġel xiħ,+ u ibżaʼ minn Alla tiegħek.+ Jien Ġeħova. 33  “‘U jekk resident barrani jgħammar miegħek bħala barrani f’artkom, tittrattawhx ħażin.+ 34  Ir-resident barrani li jgħammar bħala barrani magħkom għandu jsir għalikom bħal wieħed imwieled fil-​pajjiż tagħkom; u trid tħobbu bħalek innifsek,+ għax intom sirtu residenti barranin fl-​art taʼ l-​Eġittu.+ Jien Ġeħova Alla tagħkom. 35  “‘Tagħmlux inġustizzja fil-​ġudizzju,+ fil-​qjies, fl-​użin,+ jew fil-​kejl tal-​likwidi. 36  Għandu jkollkom miżien eżatt,+ użin eżatt, efa eżatta u ħinn eżatt. Jien Ġeħova Alla tagħkom, li ħriġtkom mill-​art taʼ l-​Eġittu. 37  Għalhekk, ħarsu l-​istatuti kollha tiegħi u d-​deċiżjonijiet ġudizzjarji kollha tiegħi, u agħmluhom.+ Jien Ġeħova.’”

Noti taʼ taħt

Letteralment, “ikollu tixrid taʼ l-​isperma.”
Persuni użati bħala reċipjenti minn demonju tat-​teħbir. Ara At 16:16.