Levitiku 13:1-59

13  U Ġeħova kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom:  “Jekk raġel fil-​ġilda tiegħu joħroġlu xi raxx jew qoxra+ jew tebgħa u din issir il-​marda tal-​ġdiem fil-​ġilda tiegħu,+ irid jinġieb għand Aron, il-​qassis, jew għand wieħed minn uliedu l-​qassisin.+  U l-​qassis irid jara l-​ġerħa fil-​ġilda.+ Meta x-​xagħar fil-​ġerħa jibjad u l-​ġerħa tkun tidher li hi iktar fonda mill-​ġilda, din tkun il-​marda tal-​ġdiem. U l-​qassis irid jaraha, u jrid jiddikjarah mhux nadif.  Imma jekk it-​tebgħa tkun bajda fil-​ġilda tiegħu u ma tkunx tidher li hi iktar fonda mill-​ġilda u x-​xagħar taʼ ġo fiha ma jkunx bjad, il-​qassis irid iżomm kwarantina+ għal sebat ijiem lil dak li għandu din il-​ġerħa.  U l-​qassis irid jarah fis-​sebaʼ jum, u jekk minn kif tidher, il-​ġerħa tkun baqgħet kif kienet, il-​ġerħa ma tkunx infirxet fil-​ġilda, il-​qassis irid jerġaʼ jżommu kwarantina+ għal sebat ijiem oħra.  “U l-​qassis irid jarah it-​tieni darba fis-​sebaʼ jum, u jekk il-​ġerħa tkun iċċarat u l-​ġerħa ma tkunx infirxet fil-​ġilda, il-​qassis irid ukoll jiddikjarah nadif. Din kienet qoxra. U hu jrid jaħsel ħwejġu u jkun nadif.  Imma jekk il-​qoxra tkun bla dubju nfirxet fil-​ġilda wara li jkun deher quddiem il-​qassis biex tiġi stabbilita l-​purifikazzjoni tiegħu, irid jidher it-​tieni darba quddiem il-​qassis,+  u l-​qassis irid jarah; u jekk il-​qoxra tkun infirxet fil-​ġilda, il-​qassis irid jiddikjarah mhux nadif. Dan ikun ġdiem.+  “Jekk raġel toħroġlu l-​marda tal-​ġdiem irid jinġieb għand il-​qassis. 10  U l-​qassis irid jarah;+ u jekk ikun hemm raxx abjad fil-​ġilda u x-​xagħar jibjad minħabba fih u l-​ġerħa misluħa tal-​laħam il-​ħaj+ tkun fir-​raxx, 11  dan ikun ġdiem kroniku+ fil-​ġilda tiegħu; u l-​qassis irid jiddikjarah mhux nadif. M’għandux iżommu kwarantina,+ għax m’huwiex nadif. 12  Issa jekk il-​ġdiem bla dubju joħroġlu fil-​ġilda, u l-​ġdiem jiksi l-​ġilda kollha tal-​marid minn rasu sa saqajh kulfejn jistaʼ jara l-​qassis; 13  u l-​qassis ikun ra, u, ara, il-​ġdiem ksielu laħmu kollu, irid jiddikjara l-​ġerħa nadifa.* Kollha bjadet. Hu jkun nadif. 14  Imma dakinhar li jitfaċċa l-​laħam il-​ħaj fiha, hu ma jkunx nadif. 15  U l-​qassis+ irid jara l-​laħam il-​ħaj, u jrid jiddikjarah mhux nadif. Il-​laħam il-​ħaj m’huwiex nadif. Dan ikun ġdiem.+ 16  Jew jekk il-​laħam il-​ħaj jgħib u jsir abjad, hu jrid imur għand il-​qassis. 17  U l-​qassis irid jarah,+ u jekk il-​ġerħa tkun saret bajda, il-​qassis irid jiddikjara l-​ġerħa nadifa. Hu jkun nadif. 18  “Jekk fil-​laħam joħroġ xi musmar+ fil-​ġilda tiegħu u jfiq, 19  u minflok il-​musmar joħroġ raxx abjad jew tebgħa bajda ħamranija, hu jrid juri ruħu lill-​qassis. 20  U l-​qassis irid jara,+ u jekk tkun tidher li hi ’l isfel mill-​ġilda u x-​xagħar taʼ ġo fiha jkun bjad, il-​qassis irid jiddikjarah mhux nadif. Din tkun il-​marda tal-​ġdiem. Ħarġet fil-​musmar. 21  Imma jekk il-​qassis jaraha, u, ara, m’hemmx xagħar abjad fiha u m’hijiex iktar fonda mill-​ġilda u hi ċara, il-​qassis irid iżommu kwarantina+ għal sebat ijiem. 22  U jekk bla dubju tinfirex fil-​ġilda, il-​qassis irid jiddikjarah mhux nadif. Din tkun ġerħa. 23  Imma jekk it-​tebgħa tibqaʼ fejn kienet, ma tkunx infirxet, din tkun l-​infjammazzjoni+ tal-​musmar; u l-​qassis irid jiddikjarah nadif.+ 24  “Jew jekk ikun hemm ħarqa bin-​nar fil-​ġilda, u l-​laħam misluħ tal-​ħarqa jsir tebgħa bajda ħamranija jew bajda, 25  il-qassis irid jaraha; u jekk ix-​xagħar ikun sar abjad fit-​tebgħa u din tkun tidher li hi iktar fonda mill-​ġilda, dan ikun ġdiem. Ħareġ fil-​ħarqa, u l-​qassis irid jiddikjarah mhux nadif. Din hi l-​marda tal-​ġdiem. 26  Imma jekk il-​qassis jaraha, u, ara, ma jkunx hemm xagħar abjad fit-​tebgħa u din ma tkunx ’l isfel mill-​ġilda u tkun ċara, il-​qassis irid iżommu kwarantina għal sebat ijiem. 27  U l-​qassis irid jarah fis-​sebaʼ jum. Jekk bla dubju tinfirex fil-​ġilda, il-​qassis irid jiddikjarah mhux nadif. Din hi l-​marda tal-​ġdiem. 28  Imma jekk it-​tebgħa tibqaʼ fejn kienet, ma tkunx infirxet fil-​ġilda u tkun ċara, tkun raxx tal-​ħarqa; u l-​qassis irid jiddikjarah nadif, għaliex tkun infjammazzjoni tal-​ħarqa. 29  “Fil-​każ taʼ raġel jew mara, jekk lil xi ħadd minnhom toħroġlu ġerħa f’rasu jew fuq geddumu, 30  il-qassis+ irid jara l-​ġerħa; u jekk tkun tidher li hi iktar fonda mill-​ġilda, u x-​xagħar ikun isfar u skars fiha, il-​qassis irid jiddikjarah mhux nadif. Ix-​xagħar ma jkunx waqaʼ b’mod normali.+ Dan ikun ġdiem fir-​ras jew fil-​geddum. 31  Imma jekk il-​qassis jara l-​ġerħa fejn ix-​xagħar ma jkunx waqaʼ b’mod normali, u, ara, ma tkunx tidher li hi iktar fonda mill-​ġilda u ma jkunx hemm xagħar iswed fiha, il-​qassis irid iżomm kwarantina+ għal sebat ijiem+ lil dak li xagħru ma jkunx waqagħlu b’mod normali. 32  U l-​qassis irid jara l-​ġerħa fis-​sebaʼ jum; u jekk il-​ġerħa, fejn ix-​xagħar ma jkunx waqaʼ b’mod normali, ma tkunx infirxet, u ma jkunx ħareġ xagħar isfar fiha u ma jkunx jidher li din il-​ġerħa+ m’hijiex iktar fonda mill-​ġilda, 33  hu jrid jitqarweż, imma ma jqarwiżx il-​post fejn xagħru ma jkunx waqagħlu b’mod normali;+ u l-​qassis irid iżomm kwarantina għal sebat ijiem oħra lil dak li xagħru ma jkunx waqagħlu b’mod normali. 34  “U fis-​sebaʼ jum il-​qassis irid jara l-​post fejn ix-​xagħar ma jkunx waqaʼ b’mod normali; u jekk din il-​ġerħa ma tkunx infirxet fil-​ġilda, u ma tkunx tidher li hi iktar fonda mill-​ġilda, il-​qassis irid jiddikjarah nadif,+ u hu jrid jaħsel ħwejġu u jkun nadif. 35  Imma jekk din il-​ġerħa bla dubju tinfirex fil-​ġilda wara li tkun ġiet stabbilita l-​purifikazzjoni tiegħu, 36  il-qassis+ irid jarah; u jekk il-​ġerħa tkun infirxet fil-​ġilda, il-​qassis ma jkollux għalfejn jeżamina jekk hemmx xagħar isfar; hu ma jkunx nadif. 37  Imma jekk ikun jidher li l-​ġerħa baqgħet kif kienet u x-​xagħar iswed kiber fiha, din il-​ġerħa tkun fieqet. Hu jkun nadif, u l-​qassis irid jiddikjarah nadif.+ 38  “Fil-​każ taʼ raġel jew mara, jekk joħorġu xi tbajjaʼ+ fil-​ġilda tagħhom, tbajjaʼ bojod, 39  il-qassis+ irid jarahom; u jekk it-​tbajjaʼ fil-​ġilda jkunu bojod ċari, dan ma jkunx raxx taʼ ħsara. Ikun ħareġ fil-​ġilda u l-​individwu jkun nadif. 40  “Jekk raġel jaqagħlu x-​xagħar taʼ rasu+ jkun qargħi. Hu jkun nadif. 41  U jekk ix-​xagħar jaqagħlu min-​naħa taʼ fuq ġbinu, ikun tfartas minn quddiem. Hu jkun nadif. 42  Imma jekk toħroġ ġerħa bajda ħamranija fuq il-​parti bla xagħar tal-​qorriegħa jew taʼ fuq ġbinu, dan ikun ġdiem li ħareġ fil-​parti bla xagħar tal-​qorriegħa tiegħu jew taʼ fuq ġbinu. 43  U l-​qassis+ irid jarah; u jekk tkun żviluppat nefħa u ġerħa bajda ħamranija fil-​parti bla xagħar tal-​qorriegħa tiegħu jew taʼ fuq ġbinu, skond kif jidher il-​ġdiem fil-​ġilda, 44  hu jkun imġiddem. Ma jkunx nadif. Mhux nadif, hekk għandu jiddikjarah il-​qassis. Il-​ġerħa tiegħu tkun fuq rasu. 45  Fil-każ taʼ l-​imġiddem li għandu l-​ġerħa, ħwejġu għandhom ikunu mqattgħin,+ u x-​xagħar taʼ rasu għandu jkun imħabbel,+ u għandu jgħatti l-​mustaċċi+ u jgħajjat, ‘Mhux nadif, mhux nadif!’+ 46  Il-jiem kollha li l-​marda tkun fuqu ma jkunx nadif. Hu m’huwiex nadif. Għandu jgħammar maqtugħ minn kulħadd. ’Il barra mill-​kamp+ ikun il-​post fejn jgħammar. 47  “Jekk f’xi libsa toħroġ il-​marda tal-​ġdiem, sew jekk tkun libsa tas-​suf u sew jekk tkun libsa taʼ l-​għażel, 48  sew fit-​tul+ u sew fil-​wisaʼ tad-​drapp minsuġ* taʼ l-​għażel u tas-​suf, sew f’xi ġilda u sew f’xi ħaġa magħmula mill-​ġild,+ 49  u l-​biċċa l-​marida li tkun ħadra safranija jew ħamranija toħroġ fil-​libsa jew fil-​ġilda jew fit-​tul jew fil-​wisaʼ tad-​drapp minsuġ jew f’xi oġġett tal-​ġild, din tkun il-​marda tal-​ġdiem, u trid tintwera lill-​qassis. 50  U l-​qassis+ irid jara l-​biċċa l-​marida, u jrid iżomm kwarantina+ għal sebat ijiem il-​ħaġa li jkollha l-​biċċa l-​marida. 51  Meta jkun ra l-​biċċa l-​marida fis-​sebaʼ jum, li l-​marda tkun infirxet fil-​libsa jew fit-​tul jew fil-​wisaʼ tad-​drapp minsuġ+ jew fil-​ġilda, ikun xi jkun l-​użu li għalih issir il-​ġilda, il-​biċċa l-​marida tkun ġdiem bla fejqan.+ Din ma tkunx nadifa. 52  U jrid jaħraq il-​libsa jew id-​drapp minsuġ tas-​suf jew taʼ l-​għażel,+ jew kull oġġett tal-​ġild li fih toħroġ il-​marda, għaliex dan ikun ġdiem bla fejqan.+ Għandu jinħaraq fin-​nar. 53  “Imma jekk il-​qassis jara li l-​marda ma tkunx infirxet fil-​libsa jew fit-​tul jew fil-​wisaʼ tad-​drapp minsuġ jew f’xi oġġett tal-​ġild,+ 54  il-qassis irid jordna wkoll li għandhom jaħslu dik il-​ħaġa li jkollha l-​marda fiha, u jrid iżommha kwarantina għal sebat ijiem oħra. 55  U l-​qassis irid jara l-​biċċa l-​marida wara li tkun ġiet maħsula, u jekk il-​marda baqgħet tidher l-​istess, u madankollu l-​marda ma tkunx infirxet, din ma tkunx nadifa. Għandek taħraqha fin-​nar. Din tkun toqba f’roqgħa mherrija mis-​sewwa jew mill-​maqlub. 56  “Imma jekk il-​qassis ikun ra li l-​biċċa l-​marida tkun iċċarat wara li ġiet maħsula, irid imbagħad jaqtagħha barra mil-​libsa jew mill-​ġilda jew mid-​drapp minsuġ. 57  Madankollu, jekk tkun għadha tidher fil-​libsa jew fit-​tul jew fil-​wisaʼ tad-​drapp minsuġ+ jew f’xi oġġett tal-​ġild, tkun qed tfaqqas. Għandek taħraq+ fin-​nar hu x’inhu li fih ikun hemm il-​marda. 58  U l-​libsa jew id-​drapp minsuġ jew xi oġġett tal-​ġild li taħsel, meta l-​marda tkun għabet minn fuqhom, irid jiġi maħsul it-​tieni darba; u hu jkun nadif. 59  “Din hi l-​liġi dwar il-​marda tal-​ġdiem f’libsa tas-​suf jew taʼ l-​għażel,+ jew fit-​tul jew fil-​wisaʼ tad-​drapp minsuġ, jew f’xi oġġett tal-​ġild, sabiex tiġi dikjarata nadifa jew mhix nadifa.”

Noti taʼ taħt

Jew, “li ma titteħidx.”
Letteralment, “fil-​ħjut mimdudin u weqfin taʼ biċċa drapp.” Dawn jissejħu l-​medd u t-​tgħama.