Kolossin 4:1-18

4  Intom sidien, ibqgħu ttrattaw lill-​ilsiera tagħkom+ bil-​ġustizzja u bis-​sewwa, billi tafu li intom ukoll għandkom Sid fis-​sema.+  Ipperseveraw fit-​talb,+ u ibqgħu mqajmin spiritwalment waqt li titolbu b’radd il-​ħajr,+  waqt li fl-​istess ħin itolbu wkoll għalina,+ sabiex Alla jiftħilna bieb+ biex inxandru l-​kelma u ngħidu s-​sigriet sagru+ dwar il-​Kristu, li għalih, fil-​fatt, jien qiegħed marbut fil-​ħabs;+  sabiex nirrivelah kif imissni nagħmel.+  Ibqgħu mexjin bl-​għerf maʼ dawk li huma barra,+ u użaw il-​ħin bl-​aħjar mod.*+  Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa,+ imħawwar bil-​melħ,+ sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu+ lil kulħadd.  Tikiku,+ ħija l-​maħbub u ministru leali u lsir sieħbi fil-​Mulej, se jgħarrafkom kollox dwari.  Għalhekk qed nibagħthulkom, biex tkunu tafu dwarna u jfarrġilkom qlubkom.+  Miegħu qed nibgħat ukoll lil Oneżimu,+ ħija maħbub u leali, li hu wieħed minnkom. Dawn se jgħarrfukom b’kulma qed jiġri hawnhekk. 10  Aristarku,+ sieħbi fil-​ħabs, jibgħat iselli għalikom, kif ukoll Marku,+ il-​kuġin taʼ Barnaba, (li dwaru ħadtu ordnijiet biex tilqgħuh+ jekk xi darba jiġi għandkom,) 11  u Ġesù, li jgħidulu Ġustu; dawn huma miċ-​ċirkonċiżi. Huma biss jaħdmu miegħi għas-​saltna t’Alla, u għalija saru għajnuna li ssaħħaħni. 12  Epafra,+ li hu wieħed minnkom u lsir taʼ Kristu Ġesù, jibgħat iselli għalikom. Hu dejjem jistinka għalikom fit-​talb tiegħu, sabiex fl-​aħħarnett tkunu sħaħ+ u jkollkom konvinzjoni soda fir-​rieda kollha t’Alla. 13  Jien tabilħaqq nixhidlu li hu jitħabat ħafna għalikom u għal dawk f’Laodiċija+ u f’Ġerapoli. 14  Luqa,+ it-​tabib maħbub, iselli għalikom, u anki Dema.+ 15  Selluli għall-​aħwa f’Laodiċija, u għal Nimfa u għall-​kongregazzjoni li tiltaqaʼ f’darha.+ 16  U meta tkunu qrajtu din l-​ittra, araw li tinqara+ wkoll fil-​kongregazzjoni tal-​Laodikin u li intom taqraw ukoll dik taʼ Laodiċija. 17  Ukoll, għidu lil Arkippu:+ “Ħu ħsieb il-​ministeru li aċċettajt fil-​Mulej, u qis li twettqu.” 18  Din hi t-​tislija tiegħi, Pawlu, minn idi stess.+ Komplu żommu f’moħħkom l-​irbit tiegħi+ fil-​ħabs. Il-​qalb tajba mhix mistħoqqa tkun magħkom.

Noti taʼ taħt

Letteralment, “ixtru l-​ħin stabbilit.”