Esdra 6:1-22

6  Kien f’dan iż-​żmien li s-​Sultan Darju ħareġ ordni, u sar tiftix f’dar l-​arkivji+ tat-​teżori merfugħin hemmhekk f’Babilonja.  U f’Ekbatana, fil-​post fortifikat li kien fil-​provinċja tal-​Medja,+ instab romblu li fih kien hemm miktub messaġġ li jgħid hekk:  “Fl-​ewwel sena li beda jsaltan, is-​Sultan Ċiru+ ħareġ ordni dwar id-​dar t’Alla f’Ġerusalemm: Ħa tinbena mill-​ġdid id-​dar bħala l-​post fejn huma għandhom joffru s-​sagrifiċċji,+ u l-​pedamenti tagħha għandhom jiġu ssodati; l-​għoli tagħha jkun sittin kubitu, u l-​wisaʼ tagħha sittin kubitu,+  bi tliet filati ġebel li jitqiegħed f’postu billi jgerbuh,+ u filata waħda injam;+ u l-​ispiża għandha titħallas mid-​dar tas-​sultan.+  Barra minn hekk, ir-​reċipjenti tad-​deheb u tal-​fidda+ li Nebukadnessar+ kien ħareġ mit-​tempju t’Alla f’Ġerusalemm u ħadhom f’Babilonja, għandhom jinġiebu lura lejn il-​post, fejn kienu qabel, fid-​dar t’Alla.+  “Issa int, Tattenaj,+ gvernatur lil hinn mix-​Xmara,+ int Setar-bożnaj+ u sħabkom, il-​gvernaturi minuri+ li qegħdin lil hinn mix-​Xmara, żommu ’l bogħod minn hemm.+  Tindaħlux fix-​xogħol li qed isir fuq id-​dar t’Alla.+ Il-​gvernatur tal-​Lhud u x-​xjuħ tal-​Lhud se jibnu mill-​ġdid din id-​dar t’Alla f’postha.  U jien ħriġt ordni+ dwar x’għandkom tagħmlu maʼ dawn ix-​xjuħ tal-​Lhud biex jibnu mill-​ġdid din id-​dar t’Alla; u l-​ispiża għandha titħallas+ fil-​pront u bla waqfien lil dawn l-​irġiel b’saħħithom mit-​teżorerija+ rjali tat-​taxxi lil hinn mix-​Xmara.+  U kulma hu meħtieġ, jiġifieri, il-​barrin żgħar+ kif ukoll l-​imtaten+ u l-​ħrief+ għall-​offerti tal-​ħruq lill-​Alla tas-​sema, il-​qamħ,+ il-​melħ,+ l-​inbid,+ u ż-​żejt,+ skond ma jgħidulkom il-​qassisin li qegħdin f’Ġerusalemm, tonqsux li tagħtuhulhom kontinwament minn jum għall-​ieħor; 10  sabiex huma jippreżentaw kontinwament+ offerti li jogħġbu+ lill-​Alla tas-​smewwiet u jitolbu għall-​ħajja tas-​sultan u taʼ wliedu.+ 11  U ħriġt ukoll ordni li kulmin jikser+ dan id-​digriet jinqalaʼ travu+ mid-​dar tiegħu u hu jiġi mdendel+ miegħu, u daru ssir latrina pubblika minħabba dan.+ 12  U jalla l-​Alla li ġiegħel li ismu+ jgħammar fid-​dar tiegħu jxejjen lil kull sultan u poplu li jerfaʼ idu biex jikser din l-​ordni u jeqred+ id-​dar t’Alla, li qiegħda f’Ġerusalemm. Jien, Darju, noħroġ din l-​ordni. Ħa sseħħ minnufih.” 13  Imbagħad Tattenaj, il-​gvernatur lil hinn mix-​Xmara,+ Setar-bożnaj+ u sħabhom, għamlu minnufih dak li kien bagħat jgħidilhom is-​Sultan Darju. 14  U x-​xjuħ+ tal-​Lhud kienu qed jibnu+ u jimxu ’l quddiem b’riżultat taʼ l-​ipprofetizzar tal-​profeta Ħaggaj+ u taʼ Żakkarija,+ li nannuh kien Iddo,+ u bnewha u lestewha minħabba l-​ordni taʼ l-​Alla taʼ Israel+ u minħabba l-​ordni taʼ Ċiru,+ Darju,+ u Artaserse,+ is-​sultan tal-​Persja. 15  U din id-​dar lestewha sat-​tielet jum tax-​xahar qamri Adar,+ jiġifieri, fis-​sitt sena tar-​renju tas-​Sultan Darju. 16  U wlied Israel, il-​qassisin, il-​Leviti,+ u l-​bqija taʼ dawk li qabel kienu eżiljati+ inawguraw+ din id-​dar t’Alla bil-​ferħ. 17  U għall-​inawgurazzjoni tad-​dar t’Alla ppreżentaw mitt barri, mitejn muntun, erbaʼ mitt ħaruf, u bħala offerta għad-​dnub għal Israel kollu tnax-il bodbod, skond l-​għadd tat-​tribujiet taʼ Israel.+ 18  Imbagħad ħatru l-​qassisin fil-​gruppi tagħhom u l-​Leviti fit-​taqsimiet+ tagħhom għas-​servizz t’Alla f’Ġerusalemm, skond dak li hemm miktub fil-​ktieb taʼ Mosè.+ 19  U dawk li qabel kienu eżiljati ċċelebraw il-​Qbiż+ fl-​erbatax taʼ l-​ewwel xahar.+ 20  Peress li l-​qassisin u l-​Leviti kienu tnaddfu+ bħala grupp wieħed, ilkoll kemm huma kienu nodfa, u għalhekk qatlu l-​vittma+ tal-​Qbiż għal dawk kollha li qabel kienu eżiljati u għal ħuthom il-​qassisin u għalihom infushom. 21  Imbagħad kielu+ wlied Israel li kienu ġew lura mill-​Eżilju, u anki dawk kollha li kienu nfirdu min-​nuqqas taʼ ndafa+ tal-​ġnus taʼ l-​art u ngħaqdu magħhom biex ifittxu lil Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel.+ 22  U komplew jiċċelebraw bil-​ferħ il-​festa tal-​ħobż bla ħmira+ għal sebat ijiem; għax Ġeħova mliehom bl-​hena, u dawwar+ lejhom qalb is-​sultan taʼ l-​Assirja biex isaħħilhom idejhom fix-​xogħol tad-​dar taʼ l-​Alla l-​veru, l-​Alla taʼ Israel.

Noti taʼ taħt