Dewteronomju 24:1-22

24  “Jekk raġel jieħu mara b’martu, irid iseħħ ukoll li jekk hi ma tkunx tingħoġob f’għajnejh għaliex ikun sab xi ħaġa indeċenti min-​naħa tagħha,+ irid jiktbilha ċertifikat tad-​divorzju+ u jagħtihulha f’idha u jibgħatha ’l barra minn daru.+  U hi toħroġ minn daru u titlaq u ssir mart raġel ieħor.+  Jekk l-​aħħar raġel isir jobgħodha u jiktbilha ċertifikat tad-​divorzju u jagħtihulha f’idha u jibgħatha ’l barra minn daru, jew jekk l-​aħħar raġel li ħadha bħala martu jmut,  l-ewwel sid tagħha li bagħatha ma jistax jerġaʼ jiħodha lura biex issir martu wara li tkun tniġġset;+ għax din hi xi ħaġa mistkerrha quddiem Ġeħova, u ġġegħelx l-​art li Ġeħova Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt tidneb.  “Jekk raġel ikun għadu kif iżżewweġ,+ m’għandux joħroġ fl-​armata, u lanqas ebda ħaġa oħra m’għandha tiġi sforzata fuqu. Għandu jibqaʼ meħlus f’daru għal sena sħiħa, u jrid iferraħ lill-​mara li jkun ħa.+  “Ħadd m’għandu jaħtaf bħala rahan+ mitħna taʼ l-​idejn jew il-​ġebla taʼ fuq tagħha, għaliex ikun qed jaħtaf ruħ* bħala rahan.  “Jekk raġel jinqabad jaħtaf+ lil xi ruħ minn ħutu, minn ulied Israel, u jittrattaha b’tirannija u jbigħha,+ dak li jkun ħatafha għandu jmut. U int trid tneħħi l-​ħażen minn ġo nofsok.+  “Oqgħod attent li fil-​marda tal-​ġdiem+ tieħu ħsieb sew u tagħmel skond kulma jgħallmukom il-​qassisin, il-​Leviti.+ Bħalma kkmandajthom jien, għandkom toqogħdu attenti+ li tagħmlu.  Għandek tiftakar f’dak li Ġeħova Alla tiegħek għamel lil Mirjam fit-​triq meta kontu ħerġin mill-​Eġittu.+ 10  “Jekk tislef lil sieħbek xi tip taʼ self,+ tidħolx f’daru biex tiħodlu dak li jkun ta bħala rahan.+ 11  Int għandek toqgħod barra, u r-​raġel li lilu qed tagħti s-​self għandu jġiblek ir-​rahan barra. 12  U jekk ir-​raġel ikun f’sitwazzjoni mwiegħra, tmurx torqod bir-​rahan tiegħu.+ 13  Qis li troddlu lura r-​rahan malli tinżel ix-​xemx,+ u hu jmur jorqod bil-​libsa tiegħu,+ u jbierkek;+ u dan ikun ifisser is-​sewwa għalik quddiem Ġeħova Alla tiegħek.+ 14  “Timbroljax lil ħaddiem mikri li jkun f’sitwazzjoni mwiegħra u li jkun fqir, sew jekk ikun minn ħutek u sew jekk ikun mir-​residenti barranin tiegħek li qegħdin f’artek, ’il ġewwa minn bwiebek.+ 15  Għandek tagħtih ħlasu dakinhar stess,+ u m’għandekx tħalli x-​xemx tinżel bla ma tagħtihulu, għaliex qiegħed f’sitwazzjoni mwiegħra u jixxennaq għal ħlasu għax għandu bżonnu; biex ma jgħajjatx lil Ġeħova kontrik,+ u dan ikun dnub min-​naħa tiegħek.+ 16  “Il-​missirijiet m’għandhomx jingħataw il-​mewt minħabba l-​ulied, u l-​ulied m’għandhomx jingħataw il-​mewt minħabba l-​missirijiet.+ Kull wieħed għandu jingħata l-​mewt għal dnubu stess.+ 17  “Tgħawwiġx il-​ġudizzju tar-​resident barrani+ jew tat-​tifel bla missier,+ u taħtafx il-​libsa taʼ xi armla bħala rahan.+ 18  Ftakar li int kont ilsir fl-​Eġittu, u Ġeħova Alla tiegħek fdiek minn hemmhekk.+ Huwa għalhekk li qed nikkmandak biex tagħmel din il-​ħaġa. 19  “Jekk taħsad il-​ħsad tiegħek fl-​għalqa tiegħek+ u tinsa qatta fl-​għalqa, tmurx lura biex iġġibha. Għandha tibqaʼ għar-​resident barrani, għat-​tifel bla missier, u għall-​armla;+ sabiex Ġeħova Alla tiegħek ibierkek f’kull għemil taʼ idek.+ 20  “Jekk tfarfar is-​siġra taż-​żebbuġ tiegħek, tmurx lura biex tlaqqat għalik dak li jifdal fil-​friegħi. Għandu jibqaʼ għar-​resident barrani, għat-​tifel bla missier, u għall-​armla.+ 21  “Jekk tiġbor l-​għeneb mill-​għalqa tad-​dwieli tiegħek, tmurx lura biex tiġbor għalik dak li jifdal. Għandu jibqaʼ għar-​resident barrani, għat-​tifel bla missier, u għall-​armla. 22  Ftakar li int kont ilsir fl-​art taʼ l-​Eġittu.+ Huwa għalhekk li qed nikkmandak biex tagħmel din il-​ħaġa.+

Noti taʼ taħt

Jew, “mezz t’għajxien.”