Dewteronomju 22:1-30

22  “M’għandekx tara l-​barri taʼ ħuk jew in-​nagħġa tiegħu mitlufin u tagħmel taʼ bir-​ruħek li ma rajthomx.+ Qis li tiħodhom lura għand ħuk.+  U jekk ħuk ma jkunx qribek u ma tkunx tafu, ħu l-​bhima għandek ġo darek, u tibqaʼ għandek sakemm ifittixha ħuk. U trid tagħtihielu lura.+  Hekk għandek tagħmel ukoll bil-​ħmar tiegħu, u hekk għandek tagħmel bil-​mantell tiegħu, u hekk għandek tagħmel bi kwalunkwe ħaġa li jitlef ħuk, li tintiliflu u li ssibha int. Ma tistax tagħmel taʼ bir-​ruħek li ma rajthomx.  “M’għandekx tara l-​ħmar taʼ ħuk jew il-​barri tiegħu jaqgħu fl-​art u tagħmel taʼ bir-​ruħek li ma rajthomx. Qis li tgħinu jqajjimhom.+  “Mara m’għandhiex tilbes il-​ħwejjeġ taʼ raġel, u raġel m’għandux jilbes il-​ħwejjeġ taʼ mara;+ għax kulmin jagħmel dawn l-​affarijiet ikun xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova Alla tiegħek.  “Jekk ikun hemm bejta għasafar bil-​frieħ+ jew bil-​bajd quddiemek fit-​triq, f’xi siġra jew fl-​art, u l-​omm tkun qiegħda fuq il-​frieħ jew fuq il-​bajd, tiħux l-​omm flimkien mal-​frieħ.+  Qis li titlaq l-​omm, imma l-​frieħ tistaʼ tiħodhom; sabiex jaħbatlek tajjeb, u ttawwal jiemek.+  “Jekk tibni dar ġdida, agħmel ċint mal-​bejt tiegħek,+ sabiex ma ġġibx il-​ħtija tad-​demm fuq darek għaliex jaqaʼ xi ħadd minn fuqu.  “Tiżrax l-​għalqa tad-​dwieli tiegħek b’żewġ tipi taʼ żerriegħa,+ li ma titlifx il-​prodott kollu taż-​żerriegħa li tiżraʼ u l-​prodott taʼ l-​għalqa tad-​dwieli għax ikollhom jingħataw f’idejn is-​santwarju. 10  “Taħratx b’barri u bi ħmar flimkien.+ 11  “Tilbisx drapp imħallat bis-​suf u bl-​għażel flimkien.+ 12  “Għandek tagħmel il-​ġmiemen fl-​erbat itruf taʼ l-​ilbies tiegħek li titgħatta bih.+ 13  “Jekk raġel jieħu mara u jkollu x’jaqsam magħha u jsir jobgħodha,+ 14  u jakkużaha b’għemejjel mistkerrhin u jġib isem ħażin+ fuqha u jgħid, ‘Din hi l-​mara li ħadt, u rsaqt lejha, u ma sibtx evidenza tal-​verġinità fiha,’+ 15  missier it-​tfajla u ommha jridu jaqbdu u jieħdu l-​evidenza tal-​verġinità tat-​tfajla għand ix-​xjuħ f’bieb il-​belt;+ 16  u missier it-​tfajla jrid jgħid lix-​xjuħ, ‘Lil binti tajtha lil dan ir-​raġel bħala martu, u sar jobgħodha.+ 17  U, ara, qed jakkużaha b’għemejjel mistkerrhin+ u jgħid: “Sibt li bintek m’għandhiex evidenza tal-​verġinità.”+ Issa din hi l-​evidenza tal-​verġinità taʼ binti.’ U jridu jifirxu l-​mantell quddiem ix-​xjuħ tal-​belt. 18  U x-​xjuħ+ taʼ din il-​belt jieħdu r-​raġel u jiddixxiplinawh.+ 19  U jwaħħluh multa taʼ mitt xekel fidda u jagħtuhom lil missier it-​tfajla, għaliex hu ġab isem ħażin fuq verġni taʼ Israel;+ u hi tibqaʼ martu. Ma jistax jiddivorzjaha tul jiemu kollha. 20  “Iżda, jekk din il-​ħaġa tkun il-​verità, li evidenza tal-​verġinità ma nstabitx fit-​tfajla,+ 21  iridu joħorġu lit-​tfajla fid-​daħla tad-​dar taʼ missierha, u l-​irġiel tal-​belt tagħha jridu jħaġġruha sakemm tmut, għaliex tkun wettqet bluha t’għajb+ f’Israel billi wettqet il-​prostituzzjoni f’dar missierha.+ Għalhekk, trid teqred il-​ħażen minn ġo nofsok.+ 22  “Jekk raġel isibuh mimdud maʼ mara li diġà jkollha sidha,+ it-​tnejn li huma mbagħad għandhom imutu flimkien, ir-​raġel li mtedd mal-​mara u l-​mara.+ Għalhekk, trid teqred il-​ħażen minn ġo Israel.+ 23  “Jekk ikun hemm tfajla verġni mgħarrsa maʼ raġel,+ u raġel ieħor isibha fil-​belt u jimtedd magħha,+ 24  oħorġuhom it-​tnejn li huma fil-​bieb taʼ dik il-​belt u ħaġġruhom sakemm imutu, it-​tfajla għar-​raġuni li ma werżqitx fil-​belt, u r-​raġel għar-​raġuni li umilja lil mart sieħbu.+ Għalhekk, trid teqred il-​ħażen minn ġo nofsok.+ 25  “Madankollu, jekk kien fl-​għalqa li r-​raġel sab lit-​tfajla li kienet mgħarrsa, u r-​raġel ħatafha u mtedd magħha, ir-​raġel li mtedd magħha għandu jmut hu biss, 26  u lit-​tfajla tagħmlilha xejn. It-​tfajla m’għandha ebda dnub li jistħoqqlu l-​mewt, għaliex sewwasew bħal meta raġel iqum għal sieħbu u joqtlu+ u jiħodlu ħajtu,* hekk isir f’dan il-​każ. 27  Għax hu sabha fl-​għalqa. It-​tfajla li kienet mgħarrsa werżqet, imma ma kien hemm ħadd li jeħlisha. 28  “Jekk raġel isib tfajla, verġni li mhix mgħarrsa, u jaħtafha u jimtedd magħha,+ u jinkixfu,+ 29  ir-raġel li mtedd magħha jrid jagħti ħamsin xekel fidda lil missier it-​tfajla,+ u hi ssir martu minħabba l-​fatt li umiljaha. Ma jistax jiddivorzjaha tul jiemu kollha.+ 30  “Ebda raġel m’għandu jieħu mart missieru, sabiex ma jikxifx djul missieru.+

Noti taʼ taħt

Letteralment, “ruħu.”