Dewteronomju 2:1-37

2  “Imbagħad dorna u tlaqna lejn ix-​xagħri mit-​triq li tagħti għall-​Baħar l-​Aħmar, sewwasew bħalma kien qalli Ġeħova;+ u ħadna ħafna jiem biex induru madwar il-​Muntanja Segħir.  Fl-aħħar, Ġeħova qalli dan,  ‘Ilkom biżżejjed idduru madwar din il-​muntanja.+ Biddlu d-​direzzjoni lejn it-​tramuntana.  U ordna lin-​nies u għidilhom: “Se tgħaddu minn ħdejn il-​fruntiera taʼ ħutkom,+ ulied Għesaw,+ li qed jgħammru fis-​Segħir;+ u huma se jibżgħu minnkom,+ u intom tridu toqogħdu attenti ferm.  Tiġġildux kontrihom, għax ma se nagħtikom xejn minn arthom, lanqas daqs il-​wisaʼ taʼ qiegħ taʼ sieq; għaliex il-​Muntanja Segħir tajtha lil Għesaw biex tkun il-​proprjetà tiegħu.+  Kulu l-​ikel li tixtru mingħandhom bil-​flus; u ixorbu l-​ilma li tixtru mingħandhom bil-​flus.+  Għax Ġeħova Alla tiegħek bierkek f’kull għemil taʼ idek.+ Hu jaf tajjeb bil-​mixi tiegħek f’dan ix-​xagħri kbir. Matul dawn l-​erbgħin+ sena Ġeħova Alla tiegħek kien miegħek. Lanqas ħaġa waħda ma naqsitek.”’+  Għalhekk, għaddejna lil hinn minn ħutna, ulied Għesaw,+ li qed jgħammru fis-​Segħir, mit-​triq taʼ l-​Għaraba,+ minn Elat u minn Għesjon-geber.+ “Imbagħad dorna u għaddejna mit-​triq tax-​xagħri taʼ Mowab.+  U Ġeħova qalli, ‘Tinbixx lil Mowab jew tiggwerra kontrihom, għaliex ma se nagħtik xejn minn artu biex tkun il-​proprjetà tiegħek, għax Ar+ tajtha lil ulied Lot+ biex tkun il-​proprjetà tagħhom. 10  (L-Emin+ kienu jgħammru fiha qabel, poplu kbir u numeruż ħafna u taʼ nies twal bħall-​Għanakin.+ 11  U r-​Refajin+ ukoll kienu meqjusin bħall-​Għanakin,+ u l-​Mowabin kienu jsejħulhom Emin. 12  U qabel, il-​Ħorin+ kienu jgħammru fis-​Segħir, u wlied Għesaw+ ħadulhom il-​proprjetà tagħhom u qerduhom għalkollox minn quddiemhom u għammru minflokhom,+ sewwasew bħalma jrid jagħmel Israel lill-​art li tkun il-​proprjetà tiegħu u li Ġeħova żgur li se jagħtiha lilhom.) 13  Issa qumu u aqsmu l-​wied* taʼ Żered.’ Għaldaqstant qsamna l-​wied taʼ Żered.+ 14  U ż-​żmien li ħadna biex imxejna minn Kades-barnegħa sakemm qsamna l-​wied taʼ Żered kien tmienja u tletin sena, sakemm il-​ġenerazzjoni kollha tal-​gwerriera kienet intemmet minn nofs il-​kamp, sewwasew bħalma kien ħalfilhom Ġeħova.+ 15  U id+ Ġeħova kienet fuqhom biex iddejjaqhom, u b’hekk tneħħihom minn nofs il-​kamp, sakemm intemmew.+ 16  “U ġara li, malli l-​irġiel kollha tal-​gwerra kienu mietu minn nofs il-​poplu,+ 17  Ġeħova kompla jkellimni u jgħidli, 18  ‘Illum se tgħaddi mit-​territorju taʼ Mowab, jiġifieri, qrib Ar,+ 19  u tmur quddiem ulied Għammon. Tinbixhomx u tiġġilidx kontrihom, għax ma se nagħtik xejn mill-​art taʼ wlied Għammon biex tkun il-​proprjetà tiegħek, għax tajtha lil ulied Lot biex tkun il-​proprjetà tagħhom.+ 20  Din kienet titqies ukoll bħala art ir-​Refajin.+ (Ir-Refajin kienu jgħammru fiha qabel, u l-​Għammonin kienu jsejħulhom Żamżummin. 21  Dawn kienu poplu kbir u numeruż ħafna u nies twal bħall-​Għanakin;+ u Ġeħova qeridhom+ għalkollox minn quddiemhom, sabiex jiħdulhom il-​proprjetà tagħhom u jgħammru minflokhom; 22  preċiż bħalma għamel għal ulied Għesaw, li qed jgħammru fis-​Segħir,+ meta qered għalkollox lill-​Ħorin+ minn quddiemhom, sabiex jiħdulhom il-​proprjetà tagħhom u jgħammru minflokhom kif għadhom jagħmlu sa dan il-​jum. 23  U lill-​Għawwin,+ li kienu jgħammru fl-​irħula sa Gaża,+ il-​Kaftorin,+ li ħarġu minn Kaftor,+ qerduhom għalkollox, sabiex jgħammru minflokhom.) 24  “‘Qumu, itilqu u aqsmu l-​wied taʼ l-​Arnon.+ Ara! Tajtek f’idek lil Siħon,+ is-​sultan taʼ Ħesbon, l-​Amurri. Għalhekk, ibda ħu f’idejk artu, u ggwerra kontrih. 25  Illum nibda npoġġi t-​tkexkix u l-​biżaʼ minnek quddiem il-​popli taʼ taħt is-​smewwiet kollha, li se jisimgħu b’aħbarek; u tabilħaqq li se jinkwetaw u jkollhom uġigħ bħal dak tal-​ħlas minħabba fik.’+ 26  “Imbagħad bgħatt xi messaġġiera mix-​xagħri taʼ Kedemot+ għand Siħon,+ is-​sultan taʼ Ħesbon, bi kliem taʼ sliem,+ u għedtlu, 27  ‘Ħallini ngħaddi minn ġo artek. Fit-​triq biss se nimxi. Ma ndurx lejn il-​lemin jew lejn ix-​xellug.+ 28  L-ikel li tbegħli bil-​flus, niekol; u l-​ilma li tagħtini bil-​flus, nixrob. Biss ħallini ngħaddi bil-​mixi,+ 29  bħalma għamluli wlied Għesaw, li qed jgħammru fis-​Segħir,+ u l-​Mowabin,+ li qed jgħammru f’Ar, sakemm naqsam il-​Ġordan u nidħol fl-​art li qed jagħtina Ġeħova Alla tagħna.’+ 30  U Siħon, is-​sultan taʼ Ħesbon, ma ħalliniex ngħaddu minn artu, għax Ġeħova Alla tiegħek kien ħallieh isir stinat fl-​ispirtu tiegħu+ u jwebbes qalbu, sabiex jagħtih f’idejk bħalma hu llum.+ 31  “U Ġeħova qalli, ‘Ara! Bdejt nerħi f’idejk lil Siħon u lil artu. Ibda ħu artu f’idejk.’+ 32  Meta ħareġ Siħon, hu u l-​poplu kollu tiegħu, biex jitqabad magħna f’Ġaħas,+ 33  Ġeħova Alla tagħna rħihulna f’idejna,+ u b’hekk għelibna lilu+ u lil uliedu u lill-​poplu kollu tiegħu. 34  U dik il-​ħabta ħadna taħt idejna l-​bliet kollha tiegħu u qridna* lil kull belt,+ irġiel u nisa u tfal ċkejknin. Ma ħallejna lil ħadd ħaj. 35  Kienu biss l-​annimali domestiċi li ħadna għalina, flimkien mal-​priża tal-​bliet li konna ħadna taħt idejna.+ 36  Minn Għarogħer,+ li qiegħda biswit ix-​xatt tal-​wied taʼ l-​Arnon, u l-​belt li qiegħda fil-​wied, sa Gilegħad, ma kien hemm ebda belt bi swar għoljin wisq għalina.+ Ġeħova Alla tagħna rħiehom kollha f’idejna. 37  Biss int la mort ħdejn l-​art taʼ wlied Għammon,+ ix-​xatt kollu tal-​wied tal-​Ġabbok,+ la ħdejn il-​bliet tar-​reġjun muntanjuż, u lanqas ħdejn xi ħaġa li dwarha Ġeħova Alla tagħna kien ikkmanda.

Noti taʼ taħt

Ara Ġen 26:17, in-​nota taʼ taħt. F’versi 24 u 37 ukoll.
Jew, “iddedikajna għall-​qerda.” Ara Eżo 22:20, in-​nota taʼ taħt.