Danjel 3:1-30

3  Is-Sultan Nebukadnessar għamel xbieha+ tad-​deheb, li l-​għoli tagħha kien sittin kubitu u l-​wisaʼ tagħha sitt kubiti. Hu waqqafha fil-​pjanura taʼ Dura fil-​provinċja taʼ Babilonja.+  U Nebukadnessar bħala sultan bagħat jiġmaʼ s-​satrapi,* il-​prefetti+ u l-​gvernaturi, il-​kunsillieri, it-​teżorieri, l-​imħallfin, il-​maġistrati,+ u l-​amministraturi kollha tal-​provinċji biex jiġu għall-​inawgurazzjoni+ tax-​xbieha li kien waqqaf is-​Sultan Nebukadnessar.  Dak iż-​żmien is-​satrapi,+ il-​prefetti u l-​gvernaturi, il-​kunsillieri, it-​teżorieri, l-​imħallfin, il-​maġistrati, u l-​amministraturi kollha tal-​provinċji kienu qed jinġemgħu għall-​inawgurazzjoni tax-​xbieha li kien waqqaf is-​Sultan Nebukadnessar, u qagħdu bil-​wieqfa quddiem ix-​xbieha li kien waqqaf Nebukadnessar.  U l-​ħabbâr+ kien qed jgħajjat b’leħen għoli: “Lilkom qed jintqal, O popli, ġnus, u ilsna,+  li x’ħin tisimgħu l-​ħoss tal-​qarn, tal-​fifra, taż-​żittru, taʼ l-​arpa trijangulari, taʼ l-​istrument tal-​korda, taż-​żaqq, u taʼ kull xorta taʼ strumenti mużikali,+ inżlu fl-​art u qimu x-​xbieha tad-​deheb li waqqaf is-​Sultan Nebukadnessar.  U kulmin ma jinżilx fl-​art u jqimha,+ se jiġi mitfugħ fil-​forn tan-​nar iħeġġeġ+ dak il-​ħin stess.”+  Għalhekk, x’ħin il-​popli kollha kienu qed jisimgħu l-​ħoss tal-​qarn, tal-​fifra, taż-​żittru, taʼ l-​arpa trijangulari, taʼ l-​istrument tal-​korda, u taʼ kull xorta taʼ strumenti mużikali, il-​popli,+ il-​ġnus, u l-​ilsna kollha niżlu fl-​art u bdew iqimu x-​xbieha tad-​deheb li kien waqqaf is-​Sultan Nebukadnessar.  Minħabba f’hekk, dak il-​ħin stess resqu xi Kaldin u akkużaw lil-​Lhud.+  Huma kellmu u qalu lis-​Sultan Nebukadnessar: “O sultan, jalla tgħix għal dejjem.+ 10  Int innifsek, O sultan, ħriġt l-​ordni li kull raġel li jismaʼ l-​ħoss tal-​qarn, tal-​fifra, taż-​żittru, taʼ l-​arpa trijangulari, taʼ l-​istrument tal-​korda, taż-​żaqq, u taʼ kull xorta taʼ strumenti mużikali,+ għandu jinżel fl-​art u jqim ix-​xbieha tad-​deheb; 11  u li kulmin ma jinżilx fl-​art u jqimha għandu jiġi mitfugħ fil-​forn tan-​nar iħeġġeġ.+ 12  Hemm xi Lhud li int ħtart fuq l-​amministrazzjoni tal-​provinċja taʼ Babilonja,+ jiġifieri, Sidrak, Mesak, u Għabednego; dawn l-​irġiel b’saħħithom xejn ma kkalkulawk, O sultan, m’humiex qed jaqdu lill-​allat tiegħek, u m’humiex iqimu x-​xbieha tad-​deheb li waqqaft int.”+ 13  Dak il-​ħin Nebukadnessar, fid-​dagħdigħa u l-​qilla li kellu,+ qalilhom biex iġibulu lil Sidrak, Mesak, u Għabednego.+ Għaldaqstant, dawn l-​irġiel inġiebu quddiem is-​sultan. 14  Nebukadnessar tkellem u qalilhom: “O Sidrak, Mesak, u Għabednego, veru li m’intomx taqdu lill-​allat tiegħi,+ u m’intomx tqimu x-​xbieha tad-​deheb li waqqaft jien?+ 15  Issa jekk intom lesti li malli tisimgħu l-​ħoss tal-​qarn, tal-​fifra, taż-​żittru, taʼ l-​arpa trijangulari, taʼ l-​istrument tal-​korda, taż-​żaqq, u taʼ kull xorta taʼ strumenti mużikali,+ tinżlu fl-​art u tqimu x-​xbieha li jien għamilt, tajjeb. Imma jekk ma tqimuhiex, dak il-​ħin stess tiġu mitfugħin fil-​forn tan-​nar iħeġġeġ. U liema alla jistaʼ jeħliskom minn taħt idejja?”+ 16  Sidrak, Mesak, u Għabednego wieġbu u qalu lis-​sultan: “O Nebukadnessar, aħna m’għandniex għalfejn inwiġbuk dwar dan.+ 17  Jekk għandu jsir hekk, Alla tagħna li lilu qed naqdu kapaċi jeħlisna. Mill-​forn tan-​nar iħeġġeġ u minn idek, O sultan, jeħlisna.+ 18  Imma jekk le, kun af, O sultan, li aħna ma naqdux lil allatek, u m’aħniex se nqimu x-​xbieha tad-​deheb li waqqaft int.”+ 19  Imbagħad Nebukadnessar imtela bil-​qilla, u l-​bixra taʼ wiċċu tbiddlet lejn Sidrak, Mesak, u Għabednego. Hu tkellem u ordna biex isaħħnu l-​forn sebaʼ darbiet iktar milli kienu jsaħħnuh is-​soltu. 20  U lil xi rġiel b’saħħithom li kienu mimlijin enerġija+ u li kienu fil-​qawwa militari tiegħu qalilhom biex jorbtu lil Sidrak, Mesak, u Għabednego, sabiex jixħtuhom fil-​forn tan-​nar iħeġġeġ.+ 21  Imbagħad, lil dawn l-​irġiel rabtuhom u tefgħuhom fil-​forn tan-​nar iħeġġeġ bil-​mantelli, bil-​ħwejjeġ, bil-​brieret, u bl-​ilbies l-​ieħor tagħhom. 22  Minħabba li l-​kelma tas-​sultan kienet ħarxa u l-​forn issaħħan iżżejjed, kienu l-​irġiel b’saħħithom li qabdu lil Sidrak, Mesak, u Għabednego li nqatlu mill-​fjammi tan-​nar. 23  Imma dawn l-​irġiel l-​oħrajn, it-​tlieta li huma, Sidrak, Mesak, u Għabednego, waqgħu marbutin f’nofs il-​forn tan-​nar iħeġġeġ.+ 24  Dak il-​ħin is-​Sultan Nebukadnessar beżaʼ u qam bl-​għaġla. Hu tkellem u qal lill-​uffiċjali għoljin tiegħu: “Mhux tlett irġiel tfajna marbutin f’nofs in-​nar?”+ Huma wieġbu lis-​sultan u qalulu: “Iva, O sultan.” 25  Hu wiġibhom u qalilhom: “Ara! Qed nara erbat irġiel mexjin maħlulin f’nofs in-​nar, u ma saritilhom ebda ħsara, u d-​dehra tar-​rabaʼ wieħed tixbah lil dik taʼ bin l-​allat.”+ 26  Imbagħad Nebukadnessar resaq lejn il-​bieb tal-​forn tan-​nar iħeġġeġ.+ Hu tkellem u qal: “Sidrak, Mesak, u Għabednego, qaddejja taʼ l-​Alla l-​Iktar Għoli,+ oħorġu u ejjew hawnhekk!” Dak il-​ħin Sidrak, Mesak, u Għabednego ħarġu ’l barra minn ġo nofs in-​nar. 27  U s-​satrapi, il-​prefetti, il-​gvernaturi, u l-​uffiċjali għoljin+ tas-​sultan li kienu miġburin hemmhekk kienu qed jaraw lil dawn l-​irġiel, li n-​nar ma kellu ebda setgħa fuq ġisimhom,+ u xagħra waħda minn rashom ma kinitx inħarqet,+ u saħansitra l-​mantelli tagħhom baqgħu l-​istess u huma lanqas biss kellhom fuqhom riħa taʼ ħruq. 28  Nebukadnessar tkellem u qal: “Ikun imbierek l-​Alla taʼ Sidrak, Mesak, u Għabednego,+ li bagħat l-​anġlu tiegħu+ u ħeles lill-​qaddejja tiegħu li fdaw fih+ u li marru kontra l-​kelma tas-​sultan u kienu lesti li jmutu, għaliex ma riedu jaqdu+ u jqimu+ assolutament lil ebda alla ieħor ħlief lil Alla tagħhom.+ 29  U jien qed noħroġ ordni+ li kwalunkwe poplu, ġens, jew ilsien li jgħid xi ħaġa ħażina kontra l-​Alla taʼ Sidrak, Mesak, u Għabednego għandu jiġi mqattaʼ bċejjeċ,+ u daru għandha ssir latrina pubblika,+ ladarba ma jeżistix alla ieħor bħalu li kapaċi jagħti ħelsien.”+ 30  Imbagħad is-​sultan għamel li Sidrak, Mesak, u Għabednego jirnexxu fil-​provinċja taʼ Babilonja.+

Noti taʼ taħt

Ara Esd 8:36, in-​nota taʼ taħt, “Is-​satrapi.”