Danjel 2:1-49

2  U fit-​tieni sena tar-​renju taʼ Nebukadnessar, Nebukadnessar ħolom xi ħolm;+ u beda jħossu inkwetat fl-​ispirtu tiegħu,+ u ma setaʼ jorqod b’xejn għax tarlu n-​ngħas.  Għalhekk, is-​sultan qalilhom biex isejħu lill-​qassisin li kienu jipprattikaw il-​maġija,+ lil dawk li kienu jsejħu lill-​ispirti, lis-​sħaħar, u lill-​Kaldin biex lis-​sultan jgħidulu l-​ħolm tiegħu.+ U dawn daħlu u waqfu quddiem is-​sultan.  Imbagħad is-​sultan qalilhom: “Ħlomt ħolma, u nħossni inkwetat fl-​ispirtu tiegħi biex inkun nafha din il-​ħolma.”  U l-​Kaldin qalu lis-​sultan bl-​Aramajk:*+ “O sultan, jalla tgħix għal dejjem.+ Għid lill-​qaddejja tiegħek x’inhi l-​ħolma, u aħna nagħtuk l-​interpretazzjoni tagħha.”+  Is-sultan wieġeb u qal lill-​Kaldin: “Il-​kelma li qed niddikjara jien hi: Jekk intom ma tgħidulix x’inhi l-​ħolma, u ma tagħtunix l-​interpretazzjoni tagħha, bċejjeċ issiru,+ u djarkom isiru latrini pubbliċi.+  Imma jekk turuni x’inhi l-​ħolma u tagħtuni l-​interpretazzjoni tagħha, għotjiet u rigal u ħafna dinjità tirċievu mingħandi.+ Għalhekk, uruni x’inhi l-​ħolma u agħtuni l-​interpretazzjoni tagħha.”  Huma wieġbu għat-​tieni darba u qalu: “Ħa jgħidilhom is-​sultan lill-​qaddejja tiegħu x’inhi l-​ħolma, u aħna nagħtuk l-​interpretazzjoni tagħha.”  Is-sultan wieġeb u qal: “Fil-​fatt, jien naf li qed tipprovaw tirbħu ż-​żmien, ladarba intom fhimtu li l-​kelma qed tiġi dikjarata minni.  Għax jekk ma tgħidulix x’inhi l-​ħolma, m’hemmx ħlief din is-​sentenza għalikom.+ Imma intom qbiltu li tgħidu kelma giddieba u żbaljata quddiemi,+ sakemm jitbiddlu ċ-​ċirkustanzi. Għalhekk, għiduli l-​ħolma, u jien inkun naf li intom tistgħu tagħtuni l-​interpretazzjoni tagħha.” 10  Il-Kaldin wieġbu quddiem is-​sultan u qalulu: “Ma jeżisti ebda bniedem fuq l-​art niexfa li hu kapaċi juri l-​kwistjoni tas-​sultan, ladarba ebda sultan grandjuż jew gvernatur ma talab ħaġa bħal din mingħand xi qassis li jipprattika l-​maġija jew xi ħadd li jsejjaħ lill-​ispirti jew xi Kaldew. 11  Imma dak li qed jitlob is-​sultan hu diffiċli, u ma jeżisti ħadd iktar li jistaʼ jurih quddiem is-​sultan ħlief l-​allat,+ li assolutament ma jgħammrux fost il-​bnedmin.”+ 12  Minħabba dan, is-​sultan irrabja u tmasħan bis-​sħiħ,+ u qal li kien se jeqred lill-​għorrief kollha taʼ Babilonja.+ 13  U ħarġet l-​ordni, u l-​għorrief kien għoddhom se jinqatlu; u fittxew lil Danjel u lil sħabu biex joqtluhom ukoll. 14  Imbagħad Danjel, min-​naħa tiegħu, kellem bi kliem għaqli u sensibbli+ lil Arjok, il-​kap tal-​gwardja persunali tas-​sultan, li kien ħareġ biex joqtol lill-​għorrief taʼ Babilonja. 15  Hu tkellem u qal lil Arjok, l-​uffiċjal tas-​sultan: “Għal liema raġuni ħarġet din l-​ordni ħarxa min-​naħa tas-​sultan?” Kien f’dan il-​ħin li Arjok għarraf lil Danjel b’din il-​kwistjoni.+ 16  Għalhekk, Danjel daħal u talab lis-​sultan biex jagħtih iż-​żmien partikulari sabiex jagħti l-​interpretazzjoni tagħha lis-​sultan.+ 17  Wara dan, Danjel mar lejn daru; u għarraf bil-​kwistjoni lil sħabu Ħananija, Misael, u Għażarija, 18  biex huma wkoll jitolbu l-​ħniena+ min-​naħa taʼ l-​Alla tas-​sema+ dwar dan is-​sigriet,+ sabiex lil Danjel u lil sħabu ma jeqirduhomx mal-​bqija taʼ l-​għorrief taʼ Babilonja.+ 19  Imbagħad, permezz taʼ viżjoni bil-​lejl, is-​sigriet ġie rivelat lil Danjel.+ Għaldaqstant, Danjel bierek+ lill-​Alla tas-​sema. 20  Danjel tkellem u qal: “Ħa jkun imbierek isem Alla+ minn dejjem għal dejjem, għax tiegħu huma l-​għerf u s-​setgħa.+ 21  U hu qed ibiddel iż-​żminijiet u l-​istaġuni,+ ineħħi slaten u jqiegħed slaten,+ jagħti l-​għerf lill-​għorrief u l-​għarfien lil dawk li għandhom id-​dixxerniment.+ 22  Hu qed jirrivela l-​affarijiet profondi u l-​affarijiet moħbijin,+ billi jaf x’hemm fid-​dlam;+ u miegħu jgħammar id-​dawl.+ 23  Lilek, O Alla taʼ missirijieti, qed infaħħar u rrodd ħajr,+ għaliex tajtni l-​għerf+ u s-​setgħa. U issa lili għarraftni b’dak li tlabniek, għax int għarraftna bil-​kwistjoni tas-​sultan.”+ 24  Għalhekk, Danjel daħal għand Arjok,+ li kien inħatar mis-​sultan biex jeqred lill-​għorrief taʼ Babilonja.+ Hu mar u qallu dan: “Teqred lil ħadd mill-​għorrief taʼ Babilonja. Daħħalni quddiem is-​sultan,+ biex nagħti l-​interpretazzjoni tagħha lis-​sultan.” 25  Kien f’dan il-​ħin li Arjok, bl-​għaġla, daħħal lil Danjel quddiem is-​sultan, u qallu dan: “Sibt raġel b’saħħtu, mill-​eżiljati+ taʼ Ġuda, li jistaʼ jagħti l-​interpretazzjoni tagħha lis-​sultan.” 26  Is-sultan wieġeb u qal lil Danjel, li kien jismu Beltesassar:+ “Kapaċi int biżżejjed biex tgħidli x’inhi l-​ħolma li rajt jien, u tagħtini l-​interpretazzjoni tagħha?”+ 27  Danjel wieġeb quddiem is-​sultan u qallu: “Is-​sigriet li s-​sultan qed jistaqsi dwaru, la l-​għorrief, la dawk li jsejħu lill-​ispirti, la l-​qassisin li jipprattikaw il-​maġija, u lanqas l-​astroloġi m’għandhom il-​ħila juruh lis-​sultan.+ 28  Madankollu, jeżisti Alla fis-​smewwiet li hu Dak li jirrivela s-​sigrieti,+ u hu għarraf lis-​Sultan Nebukadnessar x’għandu jseħħ fl-​aħħar parti tal-​jiem.+ Il-​ħolma tiegħek u l-​viżjonijiet li ġewk f’rasek fuq soddtok huma dawn: 29  “Inkwantu għalik, O sultan, fuq soddtok+ ġewk ħsibijietek rigward x’għandu jseħħ wara dan, u Dak li jirrivela s-​sigrieti għarrfek x’għandu jseħħ.+ 30  U inkwantu għalija, m’huwiex permezz taʼ xi għerf li għandi iktar minn ħaddieħor li hu ħaj li dan is-​sigriet qed jiġi rivelat lili,+ imma bil-​ħsieb li tingħata l-​interpretazzjoni lis-​sultan u li int tkun taf il-​ħsibijiet taʼ qalbek.+ 31  “Int, O sultan, kont qed tħares, u, ara, ċerta xbieha enormi. Din ix-​xbieha, li kienet kbira ħafna u li d-​dija tagħha kienet straordinarja, kienet wieqfa quddiemek, u d-​dehra tagħha kienet tal-​biżaʼ. 32  Din ix-​xbieha, rasha kienet tad-​deheb fin,+ sidirha u dirgħajha kienu tal-​fidda,+ żaqqha u koxxtejha kienu tar-​ram aħmar,+ 33  riġlejha kienu tal-​ħadid,+ u saqajha kienu parti tal-​ħadid u parti tat-​tafal maħdum.+ 34  Int bqajt tħares sakemm inqatgħet ġebla, mhux bl-​idejn,+ u laqtet ix-​xbieha fuq saqajha tal-​ħadid u tat-​tafal maħdum u farrkithom.+ 35  Dak il-​ħin il-​ħadid, it-​tafal maħdum, ir-​ram aħmar, il-​fidda, u d-​deheb tfarrku kollha f’daqqa, u saru bħall-​karfa mill-​qiegħa tad-​dris fis-​sajf,+ u r-​riħ ġarrhom lil hemm tant li assolutament ebda ħjiel tagħhom ma nstab.+ U l-​ġebla li laqtet ix-​xbieha saret muntanja kbira ħafna u mliet l-​art kollha.+ 36  “Din hi l-​ħolma, u l-​interpretazzjoni tagħha se ngħiduha quddiem is-​sultan.+ 37  Int, O sultan, sultan tas-​slaten, int li lilek l-​Alla tas-​sema tak is-​saltna,+ is-​setgħa, is-​saħħa, u d-​dinjità, 38  u li f’idek tak,+ kulfejn qed jgħammru wlied il-​bnedmin, il-​bhejjem tar-​rabaʼ u l-​ħlejjaq bil-​ġwienaħ fis-​smewwiet, u li għamlek ħakkiem fuqhom kollha, int innifsek int ir-​ras tad-​deheb.+ 39  “U warajk għad tqum saltna oħra+ inferjuri għalik;+ u saltna oħra, it-​tielet waħda, tar-​ram aħmar, li se taħkem fuq l-​art kollha.+ 40  “U inkwantu għar-​rabaʼ saltna,+ din tkun b’saħħitha daqs il-​ħadid.+ Ladarba l-​ħadid qed ifarrak u jitħan kull ħaġa oħra, hekk, bħall-​ħadid li jkisser, hi se tfarrak u tkisser lil dawn is-​saltniet kollha.+ 41  “U bħalma int rajt is-​saqajn u s-​swabaʼ tas-​saqajn li kienu parti tat-​tafal maħdum taʼ fuħħari u parti tal-​ħadid,+ hekk għad tkun maqsuma s-​saltna,+ imma se jkun fiha xi ftit mill-​ebusija tal-​ħadid, ladarba int rajt il-​ħadid imħallat mat-​tafal niedi.+ 42  U bħalma s-​swabaʼ tas-​saqajn kienu parti tal-​ħadid u parti tat-​tafal maħdum, is-​saltna għad tkun parti b’saħħitha u parti dgħajfa. 43  Bħalma int rajt il-​ħadid imħallat mat-​tafal niedi, hekk dawn għad jitħalltu maʼ wlied il-​bnedmin; imma ma jingħaqdux flimkien, wieħed maʼ l-​ieħor, sewwasew bħalma l-​ħadid ma jitħallatx mat-​tafal maħdum. 44  “U fi żmien dawn is-​slaten,+ l-​Alla tas-​sema+ jwaqqaf saltna+ li qatt ma tinqered.+ U din is-​saltna ma tgħaddix għal għand poplu ieħor.+ Hi se tfarrak u ttemm dawn is-​saltniet kollha,+ u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem,*+ 45  ladarba int rajt li mill-​muntanja nqatgħet ġebla, mhux bl-​idejn,+ u li din farrket il-​ħadid, ir-​ram aħmar, it-​tafal maħdum, il-​fidda, u d-​deheb.+ L-​Alla Grandjuż+ għarraf lis-​sultan x’għandu jseħħ wara dan.+ U l-​ħolma hi taʼ min jorbot fuqha, u l-​interpretazzjoni tagħha hi taʼ min jafdaha.”+ 46  Dak il-​ħin is-​Sultan Nebukadnessar inxteħet wiċċu fl-​art, u ta ġieħ lil Danjel, u ordna li jingħata rigal u inċens.+ 47  Is-sultan wieġeb lil Danjel u qallu: “Tassew li l-​Alla tagħkom hu Alla taʼ l-​allat,+ Sid is-​slaten,+ u Dak li jirrivela s-​sigrieti, għaliex int kellek il-​ħila tirrivela dan is-​sigriet.”+ 48  Għaldaqstant, is-​sultan għamel lil Danjel wieħed mill-​kbarat,+ u tah ħafna rigali kbar, u għamlu l-​ħakkiem fuq il-​provinċja taʼ Babilonja+ u l-​prefett ewlieni fuq l-​għorrief kollha taʼ Babilonja. 49  U Danjel, min-​naħa tiegħu, talab lis-​sultan, u dan ħatar lil Sidrak, Mesak, u Għabednego+ fuq l-​amministrazzjoni tal-​provinċja taʼ Babilonja, imma Danjel baqaʼ fil-​palazz+ tas-​sultan.

Noti taʼ taħt

Minn hawnhekk sat-​tmiem taʼ kapitlu 7 hu miktub bl-​Aramajk.
Letteralment, “żminijiet indefiniti.” Ara Ġen 3:22, in-​nota taʼ taħt.