Atti 9:1-43

9  Imma Sawl, li kien għadu jhedded lid-​dixxipli+ tal-​Mulej u kellu xewqa kbira li joqtolhom,+ mar għand il-​qassis il-​kbir  u talbu jikteb xi ittri għas-​sinagogi f’Damasku, sabiex ikun jistaʼ jġib marbut lejn Ġerusalemm lil kulmin isib jagħmel parti mit-​Triq,+ kemm irġiel u kemm nisa.  Issa hu u jivvjaġġa qorob lejn Damasku, meta f’daqqa waħda idda madwaru dawl mis-​sema,+  u waqaʼ fl-​art u semaʼ leħen jgħidlu: “Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani?”+  Wieġeb: “Min int, Mulej?” Qallu: “Jien Ġesù, li int qed tippersegwita.+  Iżda, qum+ u idħol il-​belt, u jintqallek xi trid tagħmel.”  Issa l-​irġiel li kienu qed jivvjaġġaw miegħu+ baqgħu mbikkmin,+ għax fil-​fatt semgħu l-​ħoss taʼ leħen,+ imma ma raw lil ħadd.  Sawl qam mill-​art u, għalkemm għajnejh kienu miftuħin, ma beda jara xejn.+ Għalhekk, mexxewh minn idu u ħaduh Damasku.  U għal tlett ijiem ma ra xejn,+ u la kiel u lanqas xorob. 10  F’Damasku kien hemm wieħed dixxiplu jismu Ananija,+ u l-​Mulej qallu f’viżjoni: “Ananija!” Wieġbu: “Hawn jien, Mulej.” 11  Qallu l-​Mulej: “Qum, mur fit-​triq li jgħidulha d-​Dritta, u fid-​dar taʼ Ġuda staqsi għal raġel jismu Sawl, minn Tarsu.+ Għax, ara, qed jitlob, 12  u f’viżjoni ra raġel jismu Ananija dieħel u jqiegħed idejh fuqu biex jerġaʼ jieħu d-​dawl.”+ 13  Imma Ananija wieġeb: “Mulej, smajt mingħand ħafna dwar dan ir-​raġel, kemm għamel ħsara lill-​qaddisin tiegħek f’Ġerusalemm. 14  U hawnhekk għandu l-​awtorità mingħand il-​qassisin ewlenin biex jorbot lil kulmin isejjaħ ismek.”+ 15  Imma l-​Mulej qallu: “Mur, għax għalija dan ir-​raġel hu strument magħżul+ biex iwassal ismi quddiem il-​ġnus+ kif ukoll quddiem slaten+ u wlied Israel. 16  Għax se nurih ċar kemm irid isofri minħabba ismi.”+ 17  Għalhekk, Ananija telaq u daħal fid-​dar, u qiegħed idejh fuqu u qallu: “Sawl, ħija, il-​Mulej, l-​istess Ġesù li deherlek fit-​triq minfejn kont ġej, bagħatni sabiex int terġaʼ tieħu d-​dawl u timtela bl-​ispirtu qaddis.”+ 18  U minnufih waqaʼ bħal qxur minn għajnejh, u reġaʼ ħa d-​dawl; u qam u tgħammed, 19  u kiel u ssaħħaħ.+ Għal xi jiem qagħad mad-​dixxipli f’Damasku,+ 20  u minnufih beda jippriedka fis-​sinagogi dwar Ġesù,+ li Dan hu l-​Iben t’Alla. 21  Imma dawk kollha li semgħuh baqgħu mistagħġbin u kienu jgħidu: “Dan mhux ir-​raġel li f’Ġerusalemm ħarbat+ lil dawk li jsejħu dan l-​isem, u li kien ġie hawnhekk bl-​għan li jiħodhom marbutin għand il-​qassisin ewlenin?”+ 22  Imma Sawl baqaʼ jiżdied fil-​qawwa u, bil-​loġika li kien juża biex juri li dan hu l-​Kristu, kien ibellah lil-​Lhud li kienu joqogħdu Damasku.+ 23  Issa, wara ħafna jiem, il-​Lhud ftiehmu bejniethom biex jeħilsu minnu.+ 24  Madankollu, Sawl sar jaf bil-​komplott tagħhom kontrih. Imma, sabiex jeħilsu minnu, anki mal-​bibien tal-​belt kienu qed jagħmlu għassa stretta, kemm bi nhar u kemm bil-​lejl.+ 25  Għalhekk, id-​dixxipli tiegħu ħaduh u bil-​lejl niżżluh f’qoffa minn ġo tieqa fis-​sur.+ 26  Malli wasal Ġerusalemm+ beda jipprova jingħaqad mad-​dixxipli; imma kollha kienu jibżgħu minnu, għax m’emmnux li kien dixxiplu. 27  Għalhekk, Barnaba qabeż għalih+ u ħadu għand l-​appostli, u qalilhom bid-​dettall kif fit-​triq kien ra lill-​Mulej+ u kien kellmu,+ u kif f’Damasku+ kien tkellem bil-​qlubija f’isem Ġesù. 28  U baqaʼ magħhom, dieħel u ħiereġ Ġerusalemm, jitkellem bil-​qlubija f’isem il-​Mulej;+ 29  u kien jitkellem u jiddibatti mal-​Lhud li kienu jitkellmu bil-​Grieg. Imma dawn għamlu attentati biex jeħilsu minnu.+ 30  Meta l-​aħwa indunaw b’dan, niżżluh Ċesarija u bagħtuh lejn Tarsu.+ 31  Imbagħad, tabilħaqq, il-​kongregazzjoni+ fil-​Lhudija u l-​Galilija u s-​Samarija kollha ssaħħet u daħlet f’perijodu taʼ paċi; u baqgħet tiżdied waqt li mxiet fil-​biżaʼ taʼ Ġeħova+ u fil-​faraġ taʼ l-​ispirtu qaddis.+ 32  Issa hekk kif Pietru kien qed idur l-​inħawi kollha niżel ukoll għand il-​qaddisin li kienu joqogħdu Lidda.+ 33  Hemmhekk sab wieħed raġel li kien jismu Enea, li kien ilu tmien snin mixħut fuq sodda, għax kien paralizzat. 34  U Pietru qallu:+ “Enea, Ġesù Kristu jfejqek.+ Qum u ifrex soddtok.” U dak qam minnufih. 35  U dawk kollha li kienu jgħixu Lidda u fil-​pjanura tas-​Saron+ rawh u daru lejn il-​Mulej.+ 36  F’Ġaffa+ kien hemm waħda mid-​dixxipli jisimha Tabita, isem li meta jiġi tradott bil-​Grieg hu Dorka.* Hi kienet tagħmel ħafna għemejjel tajbin+ u tagħti ħafna għotjiet taʼ ħniena. 37  Imma inzerta li f’dawk il-​jiem mardet u mietet. Għalhekk, ħasluha u meddewha fil-​kamra taʼ fuq. 38  Peress li Lidda kienet qrib Ġaffa,+ meta d-​dixxipli semgħu li Pietru kien f’din il-​belt bagħtulu żewġt irġiel biex jitolbuh bil-​ħrara: “Jekk jogħġbok iddumx ma tiġi sa ħdejna.” 39  Għal dan il-​kliem, Pietru qam u mar magħhom. U meta wasal, tellgħuh fil-​kamra taʼ fuq; u r-​romol kollha ġew quddiemu jibku u juruh il-​ħafna lbiesi u mnatar+ li Dorka kienet tagħmel meta kienet magħhom.+ 40  Imbagħad Pietru ħareġ lil kulħadd ’il barra,+ niżel għarkopptejh, talab, dar lejn il-​ġisem, u qal: “Tabita, qum!” Hi fetħet għajnejha u, hekk kif lemħet lil Pietru, qamet bil-​qiegħda.+ 41  Hu taha idu, qajjimha,+ u sejjaħ lill-​qaddisin u lir-​romol u tahielhom ħajja.+ 42  Dan sar magħruf maʼ Ġaffa kollha, u ħafna saru jemmnu fil-​Mulej.+ 43  U baqaʼ Ġaffa+ għal ftit jiem mhux ħażin maʼ ċertu Xmun, li kien konzatur.+

Noti taʼ taħt

“Dorka” hu l-​istess bħal “Tabita” (bl-Aramajk); it-​tnejn ifissru “Għażżiela.”