Atti 7:1-60

7  Imma l-​qassis il-​kbir qallu: “Minnu dan?”  Stiefnu qal: “Irġiel, aħwa u missirijiet, isimgħu. L-​Alla tal-​glorja+ deher lil missierna Abraham waqt li dan kien fil-​Mesopotamja, qabel ma mar joqgħod f’Ħaran,+  u qallu, ‘Oħroġ minn artek u minn fost qrabatek u ejja fl-​art li nurik.’+  Imbagħad ħareġ mill-​art tal-​Kaldin u mar joqgħod f’Ħaran. U minn hemmhekk, wara li miet missieru,+ Alla ġiegħlu jiġi joqgħod f’din l-​art li issa qed tgħammru fiha intom.+  Iżda fiha ma tah l-​ebda proprjetà li tistaʼ tintiret, le, lanqas daqs rifsa taʼ sieq;+ imma, waqt li kien għadu bla tfal,+ wiegħdu li jagħtihielu bħala proprjetà,+ u lil nislu warajh.+  Iktar minn hekk, Alla qallu wkoll li d-​dixxendenti tiegħu se jkunu residenti barranin+ f’art barranija+ u n-​nies kellhom jagħmluhom ilsiera u jgħakksuhom għal erbaʼ mitt sena.+  ‘U lil dak il-​ġens li jkunu lsiera tiegħu niġġudikah,’+ qal Alla, ‘u wara dan joħorġu u jagħtuni servizz sagru f’dan il-​post.’+  “Tah ukoll il-​patt taċ-​ċirkonċiżjoni;+ u b’hekk sar missier Iżakk+ u għamillu ċ-​ċirkonċiżjoni fit-​tmien jum,+ u Iżakk nissel lil Ġakobb, u Ġakobb lit-​tnax-il patrijarka.+  U l-​patrijarki għeru+ għal Ġużeppi u bigħuh fl-​Eġittu.+ Imma Alla kien miegħu,+ 10  u ħelsu mit-​tribulazzjonijiet kollha tiegħu u tah li jsib il-​ħniena u juri l-​għerf quddiem il-​Fargħun, is-​sultan taʼ l-​Eġittu. U l-​Fargħun ħatru biex jiggverna lill-​Eġittu u lil daru kollha.+ 11  Imma waqaʼ ġuħ kbir fl-​art kollha taʼ l-​Eġittu u taʼ Kangħan, saħansitra tribulazzjoni kbira; u missirijietna ma sabux ikel.+ 12  Imma Ġakobb semaʼ li kien hemm l-​ikel fl-​Eġittu+ u bagħat lil missirijietna hemmhekk l-​ewwel darba.+ 13  U t-​tieni darba Ġużeppi għarraf lil ħutu min kien;+ u l-​Fargħun sar jaf lir-​razza taʼ Ġużeppi.+ 14  Għalhekk, Ġużeppi bagħat għal missieru Ġakobb u għal qrabatu kollha minn dak il-​post,+ b’kollox ħamsa u sebgħin* ruħ.+ 15  Ġakobb niżel l-​Eġittu,+ fejn miet,+ u hekk ukoll missirijietna,+ 16  u ttieħdu Sikem+ u tqiegħdu fil-​qabar+ li Abraham kien xtara bil-​prezz taʼ somma flus tal-​fidda mingħand ulied Ħamor f’Sikem.+ 17  “Hekk kif kien riesaq iż-​żmien biex titwettaq il-​wegħda li Alla kien stqarr lil Abraham bi kliem ċar, il-​poplu kiber u żdied fl-​Eġittu,+ 18  sakemm fl-​Eġittu telaʼ sultan differenti li ma kienx jaf b’Ġużeppi.+ 19  Dan is-​sultan uża l-​makakkerija kontra r-​razza tagħna+ u sforza inġustament lill-​missirijiet biex jabbandunaw lit-​trabi tagħhom, sabiex ma jitħallewx ħajjin.+ 20  F’dak iż-​żmien partikulari twieled Mosè,+ li kien sabiħ ħafna anki f’għajnejn Alla.+ U għal tliet xhur ħadu ħsiebu f’dar missieru. 21  Imbagħad meta telquh, bint il-​Fargħun refgħetu u rabbietu bħallikieku kien binha stess.+ 22  Għaldaqstant, Mosè kien istruwit fl-​għerf kollu+ taʼ l-​Eġizzjani. Fil-​fatt, kien setgħan fi kliemu+ u f’għemilu. 23  “Issa, meta kien wasal biex jagħlaq l-​erbgħin sena, f’qalbu ħass li għandu jmur jara lil ħutu, ulied Israel.+ 24  X’ħin ra wieħed qed jiġi trattat inġustament, iddefendieh u, billi qatel lill-​Eġizzjan, għamel vendetta għal dak li kien qed jiġi maħqur.+ 25  Ħaseb li ħutu kienu se jifhmu li Alla kien qed jagħtihom is-​salvazzjoni permezz tiegħu,+ imma ma fehmux. 26  U l-​għada deher quddiemhom waqt li kienu qed jiġġieldu, u pprova jerġaʼ jagħmilhom paċi+ u qalilhom, ‘Irġiel, intom aħwa. Għala qed tittrattaw lil xulxin inġustament?’+ 27  Imma dak li kien qed jittratta lil sieħbu inġustament imbottah u qallu, ‘Min ħatrek ħakkiem u mħallef fuqna?+ 28  Ma tridx toqtolni bħalma qtilt lill-​Eġizzjan il-​bieraħ, hux?’+ 29  Għal dan il-​kliem, Mosè ħarab u sar resident barrani fl-​art taʼ Midjan,+ fejn sar il-​missier taʼ żewġ subien.+ 30  “U meta għaddew erbgħin sena, deherlu anġlu fix-​xagħri tal-​Muntanja Sinaj f’nar iħeġġeġ ġo għollieqa.+ 31  Issa x’ħin ra dan, Mosè baqaʼ mgħaġġeb bid-​dehra.+ Imma hekk kif kien riesaq biex jara mill-​viċin, ġie leħen Ġeħova, 32  ‘Jien l-​Alla taʼ missirijietek, l-​Alla t’Abraham u taʼ Iżakk u taʼ Ġakobb.’+ Jitriegħed bil-​biżaʼ, Mosè ma ssograx jersaq iktar viċin. 33  Qallu Ġeħova, ‘Neħħi s-​sandli minn saqajk, għax il-​post li int wieqaf fuqu hu art qaddisa.+ 34  Tabilħaqq, jien rajt it-​trattament inġust tan-​nies tiegħi li qegħdin l-​Eġittu,+ u smajt il-​krib tagħhom+ u nżilt neħlishom.+ U issa ejja ħa nibagħtek lejn l-​Eġittu.’+ 35  Lil dan Mosè, li kienu ċaħduh billi qalulu, ‘Min ħatrek ħakkiem u mħallef?’+ lilu bagħat Alla+ bħala ħakkiem u ħellies permezz taʼ l-​anġlu li deherlu fl-​għollieqa. 36  Dan ir-​raġel ħariġhom+ wara li għamel għeġubijiet u sinjali fl-​Eġittu+ u fil-​Baħar l-​Aħmar+ u fix-​xagħri għal erbgħin sena.+ 37  “Dan hu l-​istess Mosè li qal lil ulied Israel, ‘Alla jqajmilkom minn fost ħutkom profeta bħali.’+ 38  Hu+ dak li kien fost il-​kongregazzjoni+ fix-​xagħri maʼ l-​anġlu,+ li kellmu fuq il-​Muntanja Sinaj, u maʼ missirijietna, u li ngħata dikjarazzjonijiet sagri+ ħajjin biex jagħtihomlkom. 39  Kien lilu li missirijietna ma ridux jobdu, u warrbuh+ u fi qlubhom daru lura lejn l-​Eġittu+ 40  billi qalu lil Aron, ‘Agħmlilna allat biex jimxu qabilna. Għax dan Mosè, li ħariġna mill-​art taʼ l-​Eġittu, ma nafux xi ġralu.’+ 41  Għalhekk, f’dawk il-​jiem+ għamlu għoġol u offrew sagrifiċċju lill-​idolu u bdew jieħdu pjaċir b’xogħol idejhom.+ 42  Għalhekk, Alla tahom dahru u telaqhom+ biex jagħtu servizz sagru lill-​armata tas-​sema, bħalma hu miktub fi ktieb il-​profeti,+ ‘Intom mhux lili offrejtu vittmi u sagrifiċċji għal erbgħin sena fix-​xagħri, hux hekk, O dar taʼ Israel?+ 43  Imma rfajtu t-​tinda taʼ Molok+ u l-​kewkba+ taʼ l-​alla Refan, il-​figuri li għamiltu biex tqimuhom. Għaldaqstant neżiljakom+ lil hinn minn Babilonja.’ 44  “Missirijietna kellhom it-​tinda tax-​xiehda fix-​xagħri, bħalma Alla ordna lil Mosè meta qallu biex jagħmilha skond il-​mudell li kien ra.+ 45  U missirijietna, li wirtuha, daħħluha flimkien maʼ Ġożwè+ fl-​art tal-​ġnus,+ li Alla keċċa minn quddiem missirijietna.+ Hemmhekk baqgħet sa jiem David. 46  Dan ġie approvat+ f’għajnejn Alla u talab biex ikollu l-​privileġġ li lill-​Alla taʼ Ġakobb jipprovdilu fejn joqgħod.+ 47  Madankollu, kien Salamun li bnielu dar.+ 48  Iżda, l-​Iktar Għoli ma jgħammarx fi djar magħmulin bl-​idejn;+ bħalma jgħid il-​profeta, 49  ‘Is-​sema t-​tron tiegħi,+ u l-​art il-​banketta għal saqajja.+ Liema xorta taʼ dar tibnuli? jgħid Ġeħova. Jew liema hu l-​post għall-​mistrieħ tiegħi?+ 50  Mhux idi għamlet dan kollu?’+ 51  “Irġiel stinati li m’intomx ċirkonċiżi fi qlubkom+ u f’widnejkom, intom dejjem tirreżistu l-​ispirtu qaddis; bħalma għamlu missirijietkom, hekk tagħmlu intom.+ 52  Lil liema wieħed mill-​profeti ma ppersegwitawx missirijietkom?+ Iva, huma qatlu+ lil dawk li ħabbru minn qabel il-​miġja tal-​Ġust,+ li issa intom sirtu t-​tradituri u l-​qattilin tiegħu,+ 53  intom li rċivejtu l-​Liġi kif ngħatat mill-​anġli+ imma ma żammejtuhiex.” 54  Malli semgħu dan, intlaqtu fil-​laħam il-​ħaj+ u bdew jgħażżu+ snienhom għalih. 55  Imma billi kien mimli bl-​ispirtu qaddis, ħares fiss lejn is-​sema u ra l-​glorja t’Alla u lil Ġesù fuq il-​leminija t’Alla+ 56  u qal: “Ara! Qed nara s-​smewwiet miftuħin+ u Bin il-​bniedem+ fuq il-​leminija t’Alla.”+ 57  Għal dan, infexxew jgħajtu kemm jifilħu u poġġew idejhom fuq widnejhom+ u ġrew għal fuqu b’fehma waħda. 58  U wara li tefgħuh barra l-​belt,+ bdew iwaddbulu l-​ġebel.+ U x-​xhieda+ tefgħu ħwejjiġhom f’riġlejn żagħżugħ jismu Sawl.+ 59  U baqgħu jwaddbu l-​ġebel lil Stiefnu hu u jitlob bil-​ħrara u jgħid: “Mulej Ġesù, ilqaʼ l-​ispirtu tiegħi.”+ 60  Imbagħad niżel għarkopptejh u għajjat b’leħen qawwi: “Ġeħova, takkużahomx b’dan id-​dnub.”+ U wara li qal dan, raqad fil-​mewt.

Noti taʼ taħt

Ara Ġen 46:20, 27, in-​noti taʼ taħt.