Atti 5:1-42

5  Madankollu, wieħed raġel, jismu Ananija, flimkien maʼ martu Safira, biegħ biċċa proprjetà  u bil-​moħbi żamm parti mill-​prezz, u martu wkoll kienet taf b’dan, u ġab biss parti mill-​prezz u qegħedha f’riġlejn l-​appostli.+  Imma Pietru qallu: “Ananija, għala Satana+ mlielek qalbek biex tqarraq+ bl-​ispirtu qaddis+ u bil-​moħbi żżomm parti mill-​prezz taʼ l-​għalqa?  Mhux tiegħek kienet qabel ma begħtha, u wara li nbiegħet mhux kollox f’idejk baqaʼ? Għala fassalt għemil bħal dan f’qalbek? Int mhux bil-​bnedmin qarraqt,+ imma b’Alla.”+  Malli semaʼ dan il-​kliem, Ananija waqaʼ u miet.+ U waqaʼ biżaʼ kbir+ fuq kulmin semaʼ b’dan.  Imbagħad iż-​żgħażagħ qamu, keffnuh,+ ġarrewh ’il barra, u difnuh.  Issa wara xi tliet sigħat daħlet martu, u ma kinitx taf x’ġara.  Qalilha Pietru: “Għidli, intom daqshekk begħtuha l-​għalqa?” Qaltlu: “Iva, daqshekk.”  Għalhekk, Pietru qalilha: “Għala ftehemtu bejnietkom biex tgħaddu minn prova+ l-​ispirtu taʼ Ġeħova? Ara! Riġlejn dawk li difnu lil żewġek qegħdin fil-​bieb, u se jġorruk ’il barra.” 10  Minnufih waqgħet f’riġlejh u mietet.+ Meta daħlu ż-​żgħażagħ sabuha mejta, u ġarrewha ’l barra u difnuha maġenb żewġha. 11  Għaldaqstant waqaʼ biżaʼ kbir fuq il-​kongregazzjoni kollha u fuq kulmin semaʼ b’dan. 12  Iktar minn hekk, minn idejn l-​appostli baqgħu jseħħu ħafna sinjali u għeġubijiet fost in-​nies;+ u b’fehma waħda kienu jkunu kollha fil-​loġġa taʼ Salamun.+ 13  Tabilħaqq, lanqas ħadd mill-​oħrajn ma kellu l-​kuraġġ jingħaqad magħhom;+ madankollu, in-​nies kienu qed ifaħħruhom bil-​kbir.+ 14  Iktar minn hekk, dawk li kienu jemmnu fil-​Mulej baqgħu jiżdiedu, kotriet kemm taʼ rġiel u kemm taʼ nisa;+ 15  għaldaqstant kienu joħorġu lill-​morda saħansitra fit-​toroq prinċipali u jqegħduhom hemmhekk fuq sodod żgħar u mtieraħ, sabiex, kif ikun għaddej Pietru, għallinqas jaqaʼ d-​dell tiegħu fuq xi ħadd minnhom.+ 16  Ukoll, il-​folol mill-​bliet taʼ madwar Ġerusalemm baqgħu ġejjin flimkien, iġorru l-​morda u lil dawk imħabbtin bi spirti mhux nodfa, u kienu jitfejqu lkoll. 17  Imma l-​qassis il-​kbir u dawk kollha li kienu miegħu, is-​setta tas-​Sadduċej li kienet teżisti f’dak iż-​żmien, mimlijin għira qamu+ 18  u meddew idejhom fuq l-​appostli u tefgħuhom fil-​ħabs pubbliku.+ 19  Imma matul il-​lejl l-​anġlu+ taʼ Ġeħova fetħilhom il-​bibien tal-​ħabs,+ ħariġhom barra, u qalilhom: 20  “Morru, oqogħdu fit-​tempju, u ibqgħu għidu lin-​nies il-​kliem kollu dwar din il-​ħajja.”+ 21  Wara li semgħu dan, mas-​sebħ daħlu fit-​tempju u bdew jgħallmu. Issa meta waslu, il-​qassis il-​kbir u dawk li kienu miegħu sejħu flimkien lis-​Sinedriju u l-​assemblea kollha tax-​xjuħ taʼ wlied Israel+ u bagħtu jġibuhom mill-​ħabs. 22  Imma meta l-​uffiċjali waslu hemmhekk, ma sabuhomx fil-​ħabs. Għalhekk, marru lura u rrapportaw 23  u qalu: “Il-​ħabs sibnieh imsakkar bis-​sigurtà kollha u l-​għassiesa bil-​wieqfa ħdejn il-​bieb, imma meta ftaħna ma sibna lil ħadd ġewwa.” 24  Issa, meta semgħu dan il-​kliem, il-​kmandant tat-​tempju u l-​qassisin tħawdu għall-​aħħar dwar x’kien se jiġri minħabba dan.+ 25  Imma ġie wieħed raġel u qalilhom: “Ara! L-​irġiel li tfajtu l-​ħabs qegħdin fit-​tempju jgħallmu lin-​nies.”+ 26  Imbagħad il-​kmandant mar maʼ l-​uffiċjali tiegħu u ġabhom, imma mingħajr vjolenza, għax beżgħu+ li jiġu mħaġġrin min-​nies. 27  Għalhekk, ġabuhom u ġegħluhom joqogħdu fis-​sala tas-​Sinedriju. U l-​qassis il-​kbir staqsiehom 28  u qalilhom: “Aħna ordnajnielkom bis-​sħiħ+ biex ma tibqgħux tgħallmu f’dan l-​isem, imma ara, imlejtu lil Ġerusalemm bit-​tagħlim tagħkom,+ u intom deċiżi li ġġibu fuqna d-​demm+ taʼ dan il-​bniedem.” 29  Pietru u l-​appostli l-​oħrajn wieġbu u qalu: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.+ 30  L-Alla taʼ missirijietna qajjem+ lil Ġesù, li intom qtiltuh billi dendiltuh maʼ zokk.+ 31  Lil dan, Alla eżaltah fuq il-​lemin tiegħu+ bħala Aġent Ewlieni+ u Salvatur,+ biex jagħti l-​indiema+ lil Israel u l-​maħfra tad-​dnubiet.+ 32  U aħna xhieda taʼ dan,+ u wkoll irċivejna x-​xiehda taʼ l-​ispirtu qaddis+ li Alla ta lil dawk li jobduh bħala ħakkiem.” 33  Meta semgħu dan, irrabjaw ferm u xtaqu jeqirduhom.+ 34  Imma fis-​Sinedriju qam wieħed raġel, Fariżew li kien jismu Gamaljel,+ għalliem tal-​Liġi li kien stmat mill-​poplu kollu, u ordna biex l-​irġiel jittieħdu ftit barra.+ 35  U qalilhom: “Irġiel taʼ Israel,+ oqogħdu attenti x’bi ħsiebkom tagħmlu b’dawn l-​irġiel. 36  Per eżempju, ftit taż-​żmien ilu qam Tewda, li qal li hu xi ħaġa kbira,+ u għadd taʼ rġiel, madwar erbaʼ mija, ngħaqdu mal-​partit tiegħu.+ Imma ġie meqrud, u dawk kollha li kienu jobduh xterdu u ġew fix-​xejn. 37  Warajh qam Ġuda l-​Galilew fi żmien ir-​reġistrazzjoni,+ u ġibed xi nies għal warajh. Madankollu, dan il-​bniedem inqered ukoll, u dawk kollha li kienu jobduh xterdu barra l-​pajjiż. 38  Għalhekk, fiċ-​ċirkustanzi preżenti, ngħidilkom, Tindaħlulhomx lil dawn l-​irġiel, imma ħalluhom; (għax, jekk dan il-​ħsieb jew dan ix-​xogħol ġej mill-​bnedmin, għad jingħeleb;+ 39  imma jekk ġej minn Alla,+ ma tistgħux tegħlbuhom;)+ inkella għandkom mnejn tkunu fil-​fatt qed tiġġieldu kontra Alla.”+ 40  Għal dan, huma ħadu l-​parir tiegħu, u sejħu lill-​appostli, sawtuhom,+ u ordnawlhom biex ma jibqgħux jitkellmu f’isem Ġesù,+ u telquhom. 41  Għalhekk, dawn telqu minn quddiem is-​Sinedriju, henjin+ għax kienu tqiesu denji li jiġu diżonorati minħabba ismu.+ 42  U kuljum fit-​tempju u minn dar għal dar+ baqgħu jgħallmu+ u jxandru bla heda l-​aħbar tajba dwar il-​Kristu, Ġesù.+

Noti taʼ taħt