Atti 26:1-32

26  Agrippa+ qal lil Pawlu: “Tistaʼ titkellem għalik innifsek.” Imbagħad Pawlu għolla idu,+ beda d-​difiża tiegħu, u qal:+  “Sultan Agrippa, jien inħossni hieni li d-​difiża tiegħi dwar dak kollu li l-​Lhud qed jakkużawni+ bih se nagħmilha quddiemek illum,  speċjalment għax int espert fid-​drawwiet+ kollha tal-​Lhud kif ukoll fil-​kontroversji tagħhom. Għalhekk, nitolbok bil-​ħniena biex tismagħni bil-​paċenzja.  “Tabilħaqq, rigward il-​mod taʼ ħajja+ li bdejt ngħix sa minn żgħożiti fost ġensi u f’Ġerusalemm, il-​Lhud kollha  li kienu midħla tiegħi sa mill-​bidu jafu, jekk iridu jixhdu, li skond it-​tagħlim l-​iktar strett+ tar-​reliġjon tagħna jien għext bħala Fariżew.+  Iżda issa ninsab imsejjaħ għal ġudizzju minħabba t-​tama+ tal-​wegħda+ li Alla għamel lil missirijietna;  meta fil-​fatt it-​tnax-il tribù tagħna qed jittamaw li jiksbu t-​twettiq taʼ din il-​wegħda billi b’ħeġġa kbira jagħtuh servizz sagru lejl u nhar.+ Dwar din it-​tama jien akkużat+ mil-​Lhud, O sultan.  “Għala qed tiġġudikawha bħala xi ħaġa li ma titwemminx, li Alla jqajjem il-​mejtin?+  Veru, jien stess fija nnifsi kont naħseb li għandi nagħmel ħafna oppożizzjoni kontra l-​isem taʼ Ġesù n-​Nazzarenu; 10  u fil-​fatt hekk għamilt f’Ġerusalemm, u lil ħafna mill-​qaddisin tfajthom il-​ħabs,+ billi kont ngħatajt awtorità mill-​qassisin ewlenin;+ u meta kienu jingħataw il-​mewt, kont nivvota kontrihom. 11  Bosta drabi kont nikkastigahom fis-​sinagogi+ kollha biex nipprova nġegħelhom jiċħdu t-​twemmin tagħhom; u peress li kont mitluf bir-​rabja kbira li kelli għalihom, wasalt sal-​punt li nippersegwitahom saħansitra fi bliet oħra. 12  “Waqt li kont għaddej b’dan u kont qed nivvjaġġa lejn Damasku+ b’awtorità u ordnijiet mingħand il-​qassisin ewlenin, 13  O sultan, f’nofsinhar, jien u sejjer rajt dawl qawwi iktar mid-​dija tax-​xemx jiddi mis-​sema madwari u madwar dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħi.+ 14  U meta waqajna lkoll fl-​art smajt leħen jgħidli bil-​lingwa Ebrajka, ‘Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani? Jekk tibqaʼ toqmos kontra n-​niggieża se tweġġaʼ.’+ 15  Imma jien għedt, ‘Min int, Mulej?’ U l-​Mulej qalli, ‘Jien Ġesù, li int qed tippersegwita.+ 16  Madankollu, qum u ieqaf fuq saqajk.+ Għax għalhekk dhertlek, biex nagħżlek bħala qaddej u xhud+ kemm taʼ dak li rajt u kemm taʼ dak li għad irrid nurik dwari; 17  waqt li neħilsek minn dan il-​poplu u mill-​ġnus, li qed nibagħtek għandhom,+ 18  biex tiftħilhom għajnejhom,+ iddawwarhom mid-​dlam+ għad-​dawl+ u mill-​awtorità taʼ Satana+ lejn Alla, u b’hekk jirċievu l-​maħfra tad-​dnubiet+ u wirt+ fost dawk imqaddsin+ bil-​fidi tagħhom fija.’ 19  “Għaldaqstant, Sultan Agrippa, ma stajtx ma nobdix id-​dehra mis-​sema,+ 20  u ħadt il-​messaġġ l-​ewwel lil dawk f’Damasku,+ imbagħad lil dawk f’Ġerusalemm,+ u l-​pajjiż kollu tal-​Lhudija, u lill-​ġnus+ biex jindmu u jduru lejn Alla billi jagħmlu għemejjel li jixirqu lill-​indiema.+ 21  Minħabba dan, xi Lhud ħatfuni taħt idejhom fit-​tempju u pprovaw joqtluni.+ 22  Madankollu, bl-​għajnuna+ li ksibt mingħand Alla, jien għadni sa llum nixhed kemm liż-​żgħar u kemm lill-​kbar, u ma ngħid xejn ħlief dak li l-​Profeti+ kif ukoll Mosè+ qalu li se jseħħ, 23  li l-​Kristu kellu jbati+ u, bħala l-​ewwel wieħed li jiġi rxoxtat+ mill-​imwiet, kien se jxandar id-​dawl+ kemm lil dan il-​poplu kif ukoll lill-​ġnus.”+ 24  Issa waqt li fid-​difiża tiegħu kien qed jgħid dan, Festu qallu b’leħen għoli: “Pawlu, int qed tiġġennen!+ Ħafna tagħlim qed iġennek!” 25  Imma Pawlu qallu: “M’iniex qed niġġennen, Wisq Eċċellenti Festu, imma b’moħħ f’loku qed ngħid il-​verità. 26  Fir-realtà, is-​sultan li qed nitkellem miegħu bil-​libertà tal-​kelma jafhom tajjeb dawn l-​affarijiet; għax jien persważ li xejn minnhom ma jaħrab l-​attenzjoni tiegħu, għax dan ma sarx f’xi rokna.+ 27  Int, Sultan Agrippa, temminhom il-​Profeti? Jien naf li temminhom.”+ 28  Imbagħad Agrippa qal lil Pawlu: “Dalwaqt tipperswadini biex insir Kristjan.” 29  Għal dan, Pawlu qallu: “Nitlob lil Alla li, sew jekk dalwaqt u sew jekk wara ħafna żmien, mhux int biss imma wkoll dawk kollha li qed jisimgħuni llum isiru bħali, ħlief għal dan l-​irbit.” 30  U s-​sultan qam, u qamu wkoll il-​gvernatur u Berniċe u l-​irġiel li kienu bil-​qiegħda magħhom. 31  Huma u sejrin bdew jitkellmu bejniethom u jgħidu: “Dan ir-​raġel m’hu qed jagħmel xejn li jistħoqqlu l-​mewt+ jew l-​irbit.” 32  Iktar minn hekk, Agrippa qal lil Festu: “Kieku dan ir-​raġel m’appellax+ għal quddiem Ċesari, setaʼ nħeles.”

Noti taʼ taħt