Atti 17:1-34

17  Issa għaddew minn Amfipoli u Apollonja u ġew Tessalonika,+ fejn kien hemm sinagoga tal-​Lhud.  Għalhekk, skond id-​drawwa tiegħu,+ Pawlu daħal għandhom, u għal tliet Sabatijiet irraġuna magħhom mill-​Iskrittura+  u spjega u ta prova permezz tar-​referenzi li kien meħtieġ li l-​Kristu jbati+ u mbagħad iqum mill-​imwiet,+ u qalilhom: “Dan hu l-​Kristu,+ dan Ġesù li qed inxandrilkom.”  B’riżultat taʼ dan, xi wħud minnhom emmnu+ u ssieħbu maʼ Pawlu u Sila,+ kif ukoll kotra kbira taʼ Griegi li kienu jqimu lil Alla u għadd ġmielu taʼ nisa mill-​kbarat.  Imma, billi ġiethom l-​għira,+ il-​Lhud ġabru magħhom xi rġiel mill-​agħar, minn dawk li jħobbu jitgħażżnu fis-​suq, ifformaw marmalja u qajmu rewwixta fil-​belt.+ Imbagħad attakkaw id-​dar taʼ Ġason+ biex jipprovaw iġibuhom quddiem il-​folla.  Meta ma sabuhomx, kaxkru lil Ġason u lil xi aħwa quddiem il-​ħakkiema tal-​belt u bdew jgħajtu: “Dawn l-​irġiel li qalbu d-​dinja taʼ taħt fuq+ qegħdin preżenti hawnhekk ukoll,  u Ġason laqagħhom bl-​ospitalità. U dawn l-​irġiel kollha qed jaġixxu kontra d-​digrieti+ taʼ Ċesari, għax jgħidu li hemm sultan ieħor,+ Ġesù.”  B’dan il-​kliem irnexxielhom ixewxu lill-​folla u lill-​ħakkiema tal-​belt;  u dawn, wara li ħadu biżżejjed flus mingħand Ġason u l-​oħrajn biex jagħmlu tajjeb għalihom, ħallewhom imorru. 10  Minnufih, bil-​lejl,+ l-​aħwa bagħtu lil Pawlu u lil Sila lejn Berea u, malli waslu, dawn daħlu fis-​sinagoga tal-​Lhud. 11  Issa dawn il-​Lhud kellhom moħħ nobbli iktar minn dawk f’Tessalonika, għax laqgħu l-​kelma bl-​akbar ħeġġa u kienu jeżaminaw bir-​reqqa+ l-​Iskrittura+ kuljum biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.+ 12  Għalhekk, ħafna minnhom emmnu, u għadd ġmielu taʼ Griegi, nisa rispettabbli+ u rġiel, emmnu wkoll. 13  Imma meta l-​Lhud f’Tessalonika saru jafu li l-​kelma t’Alla kienet qed tixxandar minn Pawlu f’Berea wkoll, marru hemmhekk biex ixewxu+ u jħawdu+ lill-​folol. 14  Minnufih l-​aħwa bagħtu lil Pawlu lejn id-​direzzjoni tal-​baħar;+ imma Sila u Timotju baqgħu hemmhekk. 15  Imbagħad dawk li kienu qed jakkumpanjaw lil Pawlu wassluh sa Ateni u telqu, wara li tahom ordni għal Sila u Timotju+ biex jiġu ħdejh malajr kemm jistaʼ jkun. 16  Issa waqt li Pawlu kien qed jistenniehom Ateni, l-​ispirtu tiegħu beda jitbaqbaq+ fih meta ra li l-​belt kienet mimlija idoli. 17  Għaldaqstant beda jirraġuna fis-​sinagoga mal-​Lhud+ u man-​nies l-​oħrajn li kienu jqimu lil Alla, u fis-​suq kuljum+ maʼ dawk li kienu jinzertaw hemmhekk. 18  Imma xi wħud mill-​filosfi+ Epikurin u Stojċi bdew jitkellmu u jargumentaw miegħu, u xi wħud kienu jgħidu: “Xi jrid jgħid dan il-​lablabi?”+ Oħrajn: “Donnu qed ixandar allat barranin.” Dan għaliex kien qed ixandar l-​aħbar tajba dwar Ġesù u l-​irxoxt.+ 19  Għalhekk, qabduh u ħaduh l-​Arjopagu* u qalulu: “Nistgħu nkunu nafu x’inhu dan it-​tagħlim ġdid+ li qed titkellem dwaru? 20  Għax int qed tintroduċi affarijiet strambi għal widnejna. Għalhekk, nixtiequ nkunu nafu x’inhuma dawn l-​affarijiet.”+ 21  Fil-fatt, in-​nies kollha t’Ateni u l-​barranin li kienu jżuruha f’xejn ma kienu jqattgħu l-​ħin liberu tagħhom għajr li jgħidu jew jisimgħu xi ħaġa ġdida. 22  Issa Pawlu waqaf f’nofs l-​Arjopagu+ u qal: “Irġiel t’Ateni, qed nara li intom f’kollox tidhru iktar devoti lejn l-​allat+ minn nies oħrajn. 23  Per eżempju, jien u għaddej osservajt bir-​reqqa l-​oġġetti taʼ qima tagħkom u sibt ukoll artal li fuqu kien hemm minqux ‘Lil Alla Mhux Magħruf.’ Għalhekk, lil dak li bla ma tafu qed tagħtuh devozzjoni, lil dan qed inxandrilkom. 24  L-Alla li għamel id-​dinja u kulma fiha, peress li Hu l-​Mulej tas-​sema u l-​art,+ ma jgħammarx f’tempji magħmulin bl-​idejn,+ 25  lanqas m’hu moqdi minn idejn il-​bnedmin bħallikieku jeħtieġ xi ħaġa,+ għax hu stess jagħti lil kulħadd il-​ħajja+ u n-​nifs+ u kollox. 26  U minn raġel wieħed+ għamel il-​ġnus+ kollha tal-​bnedmin, biex jgħammru fuq il-​wiċċ kollu taʼ l-​art,+ u b’digriet ordna ż-​żminijiet stabbiliti+ u l-​limiti fissi fejn jgħammru l-​bnedmin,+ 27  biex huma jfittxu ’l Alla,+ jekk iteftfu fid-​dlam għalih u jirnexxilhom isibuh,+ għalkemm, fil-​fatt, m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna. 28  Għax bih ngħixu u niċċaqalqu u neżistu,+ saħansitra bħalma qalu wħud mill-​poeti+ fostkom, ‘Għax aħna wkoll uliedu.’ 29  “Għalhekk, ladarba aħna wlied Alla,+ m’għandniex nimmaġinaw li d-​Divin+ hu bħad-​deheb jew il-​fidda jew il-​ġebel, bħal xi ħaġa skolpita bl-​arti u bl-​invenzjoni tal-​bniedem.+ 30  Veru, Alla għalaq għajnejh għal żminijiet taʼ injoranza bħal din,+ iżda issa qed jgħid lill-​bnedmin kullimkien li għandhom jindmu lkoll.+ 31  Għax hu stabbilixxa jum li fih bi ħsiebu jiġġudika+ l-​art abitata fis-​sewwa permezz taʼ bniedem li ħatar, u ta garanzija lill-​bnedmin kollha billi rxoxtah+ mill-​imwiet.” 32  Meta semgħu dwar l-​irxoxt tal-​mejtin, xi wħud bdew jiżżuffjettaw,+ waqt li oħrajn qalu: “Dwar dan nisimgħuk darb’oħra.” 33  B’hekk, Pawlu ħareġ minn ġo nofshom, 34  imma xi rġiel ngħaqdu miegħu u emmnu, u fosthom kien hemm ukoll Dijonisju, imħallef tal-​qorti taʼ l-​Arjopagu,+ u mara li kien jisimha Damari, u oħrajn magħhom.

Noti taʼ taħt

Għolja f’Ateni tal-​qedem, fejn kienet ukoll tiltaqaʼ l-​qorti suprema.