Atti 12:1-25

12  Dik il-​ħabta s-​sultan Erodi* qabad taħt idejh lil xi wħud mill-​kongregazzjoni biex jaħqarhom.+  Lil Ġakbu, ħu Ġwanni,+ qatlu bis-​sejf.+  Meta ra li dan kien għoġob lil-​Lhud,+ arresta lil Pietru wkoll. (Inzerta li dawn kienu jiem il-​festa tal-​ħobż bla ħmira.)+  U qabdu, tefgħu l-​ħabs,+ u poġġa miegħu erbaʼ gruppi t’erbaʼ suldati l-​wieħed biex, grupp wara l-​ieħor, joqogħdu għassa miegħu, għax kellu l-​ħsieb li jressqu quddiem il-​poplu wara l-​Qbiż.+  Għaldaqstant, Pietru kien qed jinżamm il-​ħabs; imma kien qed isir ħafna talb+ bil-​ħeġġa lil Alla għalih mill-​kongregazzjoni.  Issa meta Erodi kien wasal biex iressqu quddiem il-​poplu, dak il-​lejl Pietru kien rieqed bejn żewġ suldati, marbut b’żewġ ktajjen, u quddiem il-​bieb tal-​ħabs kien hemm il-​gwardji għassa.  Imma, ara! L-​anġlu taʼ Ġeħova ġie ħdejh,+ u dawl idda fiċ-​ċella tal-​ħabs. Ta daqqa lil Pietru fuq ġenbu, qajmu,+ u qallu: “Qum malajr!” U l-​ktajjen waqgħu+ minn maʼ idejh.  L-anġlu+ qallu: “Tħażżem u aqfel is-​sandli.” U hekk għamel. Imbagħad qallu: “Ilbes il-​mantar tiegħek+ u ibqaʼ miexi warajja.”  U ħareġ u baqaʼ miexi warajh, imma ma kienx jaf li dak li kien qed jiġri permezz taʼ l-​anġlu kien veru. Fil-​fatt, ħaseb li kien qed jara viżjoni.+ 10  Għaddew mill-​ewwel u mit-​tieni għassa u waslu ħdejn ir-​rixtellu tal-​ħadid li kien jagħti għall-​belt, u dan infetħilhom waħdu.+ U wara li ħarġu, niżlu minn ġo triq, u f’daqqa waħda l-​anġlu telqu. 11  U Pietru ġie f’sensih u qal: “Issa naf tassew li Ġeħova bagħat l-​anġlu tiegħu+ u ħelisni+ minn id Erodi u minn dak kollu li kien qed jistenna l-​poplu Lhudi.” 12  U wara li qagħad jaħseb x’kien ġralu, mar id-​dar taʼ Marija omm Ġwanni, li kien jismu wkoll Marku,+ fejn kien hemm għadd ġmielu miġburin flimkien jitolbu. 13  Meta ħabbat fuq il-​bieb taʼ barra, ġiet qaddejja jisimha Roda biex tara min ġie. 14  Malli għarfet leħen Pietru, tant ferħet li ma fetħitlux il-​bieb, imma daħlet tiġri ’l ġewwa u qalet li Pietru kien qiegħed quddiem il-​bieb taʼ barra. 15  Qalulha: “Int qed tiġġennen.” Imma hi baqgħet tinsisti b’qawwa li hekk kien. Huma bdew jgħidu: “Dak l-​anġlu tiegħu.”+ 16  Sadanittant, Pietru baqaʼ hemmhekk iħabbat. U meta fetħu u rawh, baqgħu mbellhin. 17  Iżda hu għamlilhom sinjal+ b’idu biex jisktu u rrakkontalhom bid-​dettall kif Ġeħova ħarġu mill-​ħabs, u qalilhom: “Għidu dan lil Ġakbu+ u lill-​aħwa.” B’dan il-​kliem, ħareġ u mar post ieħor. 18  Meta sebaħ,+ is-​suldati tħawdu għall-​aħħar dwar x’setaʼ ġara minn Pietru. 19  Erodi+ fittxu bir-​reqqa u, meta ma sabux, interroga lill-​gwardji u ordna li jittieħdu għall-​kastig;+ u mil-​Lhudija niżel Ċesarija u qattaʼ xi żmien hemmhekk. 20  Issa kellu aptit jiġġieled kontra n-​nies taʼ Tir u taʼ Sidon. B’fehma waħda, dawn ippreżentaw ruħhom quddiemu u, wara li pperswadew lil Blastu, li kien jieħu ħsieb il-​kamra tas-​sodda tas-​sultan, bdew jitolbu għall-​paċi, għax pajjiżhom kien iġib l-​ikel+ minn pajjiż is-​sultan. 21  F’jum stabbilit, Erodi libes ilbies irjali u qagħad fuq it-​tron tal-​ġudizzju u beda jagħmlilhom diskors pubbliku. 22  U l-​ġemgħa tan-​nies bdiet tgħajjat: “Dan leħen t’alla, mhux taʼ bniedem!”+ 23  Minnufih l-​anġlu taʼ Ġeħova ħabat għalih,+ għax ma tax il-​glorja lil Alla;+ u ttiekel mid-​dud u miet. 24  Imma l-​kelma+ taʼ Ġeħova kompliet tikber u tixtered.+ 25  Wara li Barnaba+ u Sawl kienu wettqu bis-​sħiħ il-​ministeru t’għajnuna+ f’Ġerusalemm, marru lura u ħadu magħhom lil Ġwanni,+ li kien jismu wkoll Marku.

Noti taʼ taħt

Jiġifieri, Erodi Agrippa I.