Atti 11:1-30

11  Issa l-​appostli u l-​aħwa li kienu fil-​Lhudija semgħu li n-​nies tal-​ġnus+ ukoll kienu laqgħu l-​kelma t’Alla.  Għalhekk, meta Pietru telaʼ Ġerusalemm, dawk li kienu jappoġġaw iċ-​ċirkonċiżjoni+ bdew jargumentaw miegħu  u jgħidulu li kien daħal għand irġiel mhux ċirkonċiżi u kiel magħhom.  Għal dan, Pietru beda jispjegalhom x’kien ġara bid-​dettall u qalilhom:  “Kont qed nitlob fil-​belt taʼ Ġaffa, u f’estasi rajt viżjoni, xi ħaġa nieżla qisha liżar kbir taʼ l-​għażel li kien qed jitniżżel mill-​erbat itruf tiegħu mis-​sema, u ġie eżatt ħdejja.  Meta ħarist fiss fih, innotajt u rajt ħlejjaq taʼ l-​art b’erbaʼ saqajn u bhejjem salvaġġi u annimali li jitkaxkru u għasafar tas-​sema.+  Smajt ukoll leħen jgħidli, ‘Qum, Pietru, oqtol u kul!’+  Imma jien għedt, ‘Żgur li le, Mulej, għax qatt ma daħlet f’ħalqi xi ħaġa mniġġsa jew mhix nadifa.’+  It-tieni darba l-​leħen mis-​sema wieġeb, ‘Tibqax issejjaħ imniġġes dak li naddaf Alla.’+ 10  Dan seħħ għat-​tielet darba, u kollox ittellaʼ mill-​ġdid fis-​sema.+ 11  Ukoll, ara! F’dak il-​waqt, fid-​dar fejn konna, ġew tlett irġiel li kienu ntbagħtu għandi minn Ċesarija.+ 12  Għalhekk, l-​ispirtu+ qalli biex immur magħhom bla ma niddubita xejn. U dawn is-​sitt aħwa ġew miegħi wkoll, u dħalna fid-​dar taʼ dak ir-​raġel.+ 13  “Dan qalilna kif f’daru kien ra quddiemu l-​anġlu li qallu, ‘Ibgħat xi rġiel Ġaffa biex iġibu lil Xmun, li jismu wkoll Pietru,+ 14  u b’dak li jgħidlek tiġi salvat, int u n-​nies kollha taʼ darek.’+ 15  Imma meta bdejt nitkellem, l-​ispirtu qaddis niżel fuqhom kif kien niżel fuqna fil-​bidu.+ 16  Għal dan, ftakart fil-​kliem li kien jgħid il-​Mulej, ‘Ġwanni, min-​naħa tiegħu, għammed bl-​ilma,+ imma intom titgħammdu bl-​ispirtu qaddis.’+ 17  Għalhekk, jekk Alla tahom l-​istess għotja b’xejn bħalma ta lilna li emminna fil-​Mulej Ġesù Kristu,+ jien min jien biex nistaʼ nfixkel lil Alla?”+ 18  Issa, meta semgħu dan, siktu,+ u gglorifikaw lil Alla+ u qalu: “Tabilħaqq, Alla ta l-​indiema li twassal għall-​ħajja lin-​nies tal-​ġnus ukoll.”+ 19  Dawk li kienu xterdu+ minħabba t-​tribulazzjoni li qamet minħabba Stiefnu baqgħu sejrin sal-​Feniċja+ u Ċipru+ u Antjokja, imma ma xandru l-​kelma lil ħadd ħlief lil-​Lhud.+ 20  Madankollu, fosthom kien hemm xi rġiel minn Ċipru u Ċirene li ġew Antjokja u bdew ikellmu lin-​nies+ li kienu jitkellmu bil-​Grieg u jxandrulhom l-​aħbar tajba tal-​Mulej Ġesù.+ 21  U id Ġeħova+ kienet magħhom, u għadd kbir li emmnu daru lejn il-​Mulej.+ 22  L-aħbar dwarhom waslet f’widnejn il-​kongregazzjoni li kien hemm Ġerusalemm, u bagħtu lil Barnaba+ saħansitra sa Antjokja. 23  Meta wasal u ra l-​qalb tajba mhix mistħoqqa+ t’Alla, feraħ+ u beda jinkuraġġihom ilkoll biex ikomplu fil-​Mulej b’qalb deċiża;+ 24  għax kien raġel tajjeb mimli bl-​ispirtu qaddis u l-​fidi. U kotra mdaqqsa żdiedet mal-​Mulej.+ 25  Imbagħad telaq lejn Tarsu+ biex ifittex bir-​reqqa lil Sawl+ 26  u, meta sabu, ġabu Antjokja. B’hekk ġara li għal sena sħiħa kienu jiltaqgħu flimkien fil-​kongregazzjoni, u għallmu folla ġmielha, u kien f’Antjokja li għall-​ewwel darba d-​dixxipli, bid-​direzzjoni divina, bdew jissejħu Kristjani.+ 27  Issa, f’dawn il-​jiem, xi profeti+ minn Ġerusalemm niżlu Antjokja. 28  Wieħed minnhom, jismu Agabu,+ qam u wera permezz taʼ l-​ispirtu li dalwaqt kien se jaqaʼ ġuħ kbir fuq l-​art abitata kollha;+ li, fil-​fatt, seħħ fi żmien Klawdju. 29  Għalhekk, id-​dixxipli ddeċidew li jibagħtu l-​għajnuna,+ kull wieħed skond ma kien jistaʼ,+ lill-​aħwa li kienu joqogħdu l-​Lhudija, 30  u dan għamluh, billi bagħtuha lill-​anzjani permezz taʼ Barnaba u Sawl.+

Noti taʼ taħt