Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Imħallfin 6:1-40

6  Imbagħad ulied Israel bdew jagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.+ Għalhekk, Ġeħova tahom f’id Midjan+ għal sebaʼ snin.  U id Midjan bdiet tiddomina lil Israel.+ Minħabba Midjan ulied Israel inqdew bl-imħażen taħt l-art li kienu fil-muntanji, u bl-għerien u bil-postijiet diffiċli biex jintlaħqu.+  U ġara li, jekk ulied Israel kienu jiżirgħu,+ Midjan u Għamalek+ u n-nies tal-lvant+ kienu jitilgħu, iva, kienu jitilgħu kontrihom.  U kienu jikkampjaw kontrihom u jeqirdu l-uċuħ tar-rabaʼ tul it-triq kollha sa Gaża, u ma kienu jħallu ebda ikel jew nagħġa jew barri jew ħmar f’Israel.+  Għax huma kienu jiġu bil-bhejjem u bit-tined tagħhom. Kienu jiġu kotrana daqs il-ġurati,+ u huma u l-iġmla tagħhom kienu bla għadd;+ u kienu jiġu fl-art biex jeqirduha.+  U Israel sar batut ħafna minħabba Midjan; u wlied Israel bdew isejħu lil Ġeħova għall-għajnuna.+  U ġara li peress li wlied Israel sejħu lil Ġeħova għall-għajnuna minħabba Midjan,+  Ġeħova bagħat raġel, profeta,+ għand ulied Israel u qalilhom: “Hekk qal Ġeħova l-Alla taʼ Israel, ‘Kont jien li tellajtkom mill-Eġittu,+ u b’hekk ħriġtkom mid-dar taʼ l-ilsiera.+  Għalhekk, ħlistkom minn id l-Eġittu u minn id dawk kollha li ħaqrukom u keċċejthom minn quddiemkom u tajtkom arthom.+ 10  Iktar minn hekk, għedtilkom: “Jien Ġeħova Alla tagħkom.+ Tibżgħux mill-allat taʼ l-Amurrin+ li qed tgħammru f’arthom.”+ U intom ma smajtux minn leħni.’”+ 11  Iktar tard ġie l-anġlu taʼ Ġeħova+ u qagħad bil-qiegħda taħt is-siġra l-kbira f’Għofra, li kienet taʼ Ġowas l-Abi-għeżri,+ waqt li ibnu Gidegħon+ kien qed jidres il-qamħ fil-magħsar taʼ l-inbid sabiex ineħħih malajr minn quddiem għajnejn Midjan. 12  U l-anġlu taʼ Ġeħova deherlu u qallu: “Ġeħova hu miegħek,+ O qalbieni u setgħan.” 13  Għal dan, Gidegħon qallu: “Skużani, sidi, imma jekk Ġeħova hu magħna, allura għala ġie dan kollu fuqna,+ u fejn huma l-atti taʼ l-għaġeb kollha tiegħu+ li rrakkontawlna missirijietna,+ meta qalulna, ‘Ġeħova ma tellagħniex mill-Eġittu?’+ U issa Ġeħova abbandunana,+ u qed jagħtina f’id Midjan.” 14  Għal dan, Ġeħova ħares lejh u qal: “Mur b’din il-qawwa tiegħek,+ u int se ssalva lil Israel minn id Midjan.+ Mhux jien qed nibagħtek?”+ 15  Imma hu qallu: “Skużani, Ġeħova. Biex se nsalva lil Israel?+ Ara! Il-familja tiegħi* hi l-inqas waħda f’Manasse, u jien l-iżgħar wieħed f’dar missieri.”+ 16  Madankollu, Ġeħova qallu: “Għax se nkun miegħek,+ u int toqtol lil Midjan+ bħallikieku raġel wieħed.” 17  Għal dan, hu qallu: “Issa jekk jien approvat f’għajnejk,+ wettaqli wkoll sinjal li juri li huwa int li qed titkellem miegħi.+ 18  Jekk jogħġbok, tiċċaqlaqx minn hawnhekk sakemm niġi ħdejk+ u nkun ġibt l-għotja tiegħi u qegħedtha quddiemek.”+ Għaldaqstant, dak qallu: “Jien, min-naħa tiegħi, se nibqaʼ bil-qiegħda hawnhekk sakemm tiġi lura.” 19  U Gidegħon daħal u ħejja gidi+ u efa dqiq bħala ħobż bla ħmira.+ Il-laħam poġġieh fil-qoffa, u l-brodu poġġieh fil-borma, u mbagħad ħadhomlu taħt is-siġra l-kbira u servieh. 20  L-anġlu taʼ l-Alla l-veru issa qallu: “Ħu l-laħam u l-ħobż bla ħmira u qegħedhom fuq il-blata l-kbira hemmhekk,+ u ferraʼ l-brodu.” U hu hekk għamel. 21  Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova medd it-tarf tal-bastun li kellu f’idu u mess il-laħam u l-ħobż bla ħmira, u beda tielaʼ n-nar mill-blata u belaʼ l-laħam u l-ħobż bla ħmira.+ U l-anġlu taʼ Ġeħova għab minn quddiemu. 22  Għaldaqstant, Gidegħon irrealizza li dan kien l-anġlu taʼ Ġeħova.+ Minnufih Gidegħon qal: “Jaħasra, Sovran Mulej Ġeħova, għax jien rajt l-anġlu taʼ Ġeħova wiċċ imbwiċċ!”+ 23  Imma Ġeħova qallu: “Ħa jkollok is-sliem.+ Tibżax.+ M’intix se tmut.”+ 24  Għalhekk, Gidegħon bena artal+ hemmhekk lil Ġeħova, u dan għadu jissejjaħ+ Ġeħova-sliem sa llum. Dan għadu f’Għofra+ taʼ l-Abi-għeżrin. 25  U ġara dak il-lejl li Ġeħova qallu: “Ħu l-barri ż-żgħir, il-barri taʼ missierek, jiġifieri, it-tieni barri żgħir taʼ sebaʼ snin, u ġarraf l-artal taʼ Bagħal+ li għandu missierek, u qaċċat l-arblu sagru li hemm ħdejh.+ 26  U ibni artal lil Ġeħova Alla tiegħek fil-quċċata taʼ dan il-post taʼ sigurtà, bir-ringiela tal-ġebel, u ħu t-tieni barri żgħir u offrih bħala offerta tal-ħruq fuq il-biċċiet taʼ l-injam taʼ l-arblu sagru li se tqaċċat.” 27  Għaldaqstant, Gidegħon ħa għaxart irġiel mill-qaddejja tiegħu u għamel sewwasew bħalma qallu Ġeħova;+ imma ġara li, billi beżaʼ wisq min-nies taʼ dar missieru u mill-irġiel tal-belt biex jagħmel dan bi nhar, hu għamel dan bil-lejl.+ 28  Meta l-irġiel tal-belt qamu kmieni fil-għodu bħas-soltu, iva, ara, l-artal taʼ Bagħal kien imġarraf u l-arblu sagru+ li kien ħdejh kien imqaċċat, u t-tieni barri żgħir kien ġie offrut fuq l-artal li kien inbena. 29  U bdew jgħidu lil xulxin: “Min għamel dan?” U marru jistħarrġu u jfittxu. Fl-aħħar qalu: “Gidegħon bin Ġowas għamel dan.” 30  Għalhekk, l-irġiel tal-belt qalu lil Ġowas: “Oħroġ lil ibnek biex imut,+ għax ġarraf l-artal taʼ Bagħal u qaċċat l-arblu sagru li kien ħdejh.” 31  Għal dan, Ġowas+ qal lil dawk kollha li kienu qed jiħduha kontrih:+ “Se tiddefendu lil Bagħal biex taraw jekk intom stess tistgħux issalvawh? Min jiddefendih imissu jingħata l-mewt dal-għodu stess.+ Jekk inhu Alla,+ ħa jiddefendi ruħu waħdu,+ għax xi ħadd ġarraf l-artal tiegħu.” 32  U dakinhar beda jsejjaħlu Ġerubbagħal,*+ għax qal: “Ħa jiddefendi ruħu għan-nom tiegħu stess Bagħal, għax xi ħadd ġarraf l-artal tiegħu.”+ 33  U Midjan kollu+ u Għamalek+ u n-nies tal-lvant+ inġabru flimkien ħaġa waħda+ u qasmu għan-naħa l-oħra u kkampjaw fil-pjanura l-baxxa taʼ Ġeżragħel.+ 34  U l-ispirtu taʼ Ġeħova+ ġie fuq Gidegħon u hu daqq il-qarn,+ u l-Abi-għeżrin+ issejħu flimkien għal warajh. 35  U bagħat messaġġiera+ f’Manasse kollu, u huma wkoll issejħu flimkien għal warajh. Bagħat ukoll messaġġiera f’Aser u Żebulun u Naftali, u huma telgħu jiltaqgħu miegħu. 36  Imbagħad Gidegħon qal lill-Alla l-veru: “Jekk int se ssalva lil Israel permezz tiegħi, bħalma wegħedt,+ 37  ara, jien inżomm ġeżża suf mikxufa fuq il-qiegħa tad-dris. Jekk in-nida taqaʼ biss fuq il-ġeżża imma l-art kollha tkun niexfa, imbagħad inkun naf li int se ssalva lil Israel permezz tiegħi, bħalma wegħedt.” 38  U hekk ġara. Meta qam kmieni l-għada u għasar il-ġeżża, hu ħareġ biżżejjed nida mill-ġeżża biex jimla skutella kbira bl-ilma. 39  Madankollu, Gidegħon qal lill-Alla l-veru: “Tħallix ir-rabja tiegħek tixgħel kontrija, imma ħa nitkellem biss darb’oħra. Jekk jogħġbok, ħa nagħmel prova darb’oħra biss bil-ġeżża. Ħa tibqaʼ niexfa l-ġeżża biss, jekk jogħġbok, u fuq l-art kollha taqaʼ n-nida.” 40  Għaldaqstant, hekk għamel Alla dak il-lejl; u l-ġeżża biss baqgħet niexfa, u fuq l-art kollha waqgħet in-nida.

Noti taʼ taħt

Letteralment, “L-elf tiegħi.”
Ifisser “Ħa Jagħmel Bagħal Difiża Legali Kontrih.”