Imħallfin 4:1-24

4  Imbagħad ulied Israel reġgħu bdew jagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova issa li Eħud kien miet.+  Għalhekk, Ġeħova biegħhom+ f’id Ġabin is-​sultan taʼ Kangħan, li kien isaltan f’Ħasor;+ u l-​kap taʼ l-​armata tiegħu kien Sisera,+ u kien jgħammar f’Ħaroset+ tal-​ġnus.  U wlied Israel bdew jgħajtu lil Ġeħova,+ għax hu kellu disaʼ mitt karru tal-​gwerra armati bi xfafar tal-​ħadid,+ u hu ħaqar lil ulied Israel+ bi ħruxija għal għoxrin sena.  Issa Debora, profetessa,+ il-​mara taʼ Lappidot, kienet tiġġudika lil Israel f’dak iż-​żmien partikulari.  U kienet tgħammar taħt is-​siġra tal-​palm taʼ Debora bejn Rama+ u Betel+ fir-​reġjun muntanjuż t’Efrajm; u wlied Israel kienu jitilgħu għandha biex tgħarrafhom il-​ġudizzji t’Alla.  U bagħtet issejjaħ lil Barak+ bin Abinogħam minn Kedes-naftali+ u qaltlu: “Ġeħova l-​Alla taʼ Israel tak il-​kmand: ‘Mur u nfirex mal-​Muntanja Tabor,+ u trid tieħu miegħek għaxart elef raġel minn ulied Naftali+ u minn ulied Żebulun.+  U jien niġbed lejk+ fil-​wied* taʼ Kison+ lil Sisera+ l-​kap taʼ l-​armata taʼ Ġabin+ u l-​karrijiet tal-​gwerra tiegħu u l-​folla tiegħu, u jien tabilħaqq nagħtih f’idejk.’”+  Għal dan, Barak qalilha: “Jekk tiġi miegħi, jien immur ukoll; imma jekk ma tiġix miegħi, ma mmurx.”  U hi qalet: “Żgur niġi miegħek. Madankollu, mhux se jkollok unur fit-​triq li sejjer fiha, għax Ġeħova se jerħi* lil Sisera f’idejn mara.”+ B’dan, Debora qamet u marret maʼ Barak lejn Kedes.+ 10  U Barak beda jsejjaħ lil Żebulun+ u lil Naftali flimkien lejn Kedes, u telgħu warajh għaxart elef raġel;+ u Debora telgħet miegħu. 11  Issa Ħeber+ il-​Keni kien infired mill-​Kenin,+ ulied Ħobab, il-​kunjatu taʼ Mosè,+ u kellu t-​tinda tiegħu mwaqqfa ħdejn is-​siġra l-​kbira f’Sagħnannim, li qiegħda f’Kedes. 12  Imbagħad irrapportaw lil Sisera li Barak bin Abinogħam+ kien telaʼ lejn il-​Muntanja Tabor.+ 13  Minnufih Sisera sejjaħ flimkien il-​karrijiet kollha tal-​gwerra tiegħu, id-​disaʼ mitt karru tal-​gwerra armati bi xfafar tal-​ħadid,+ u lin-​nies kollha li kienu miegħu, minn Ħaroset tal-​ġnus sal-​wied taʼ Kison.+ 14  Debora issa qalet lil Barak: “Qum, għax dan hu l-​jum li fih Ġeħova se jagħti lil Sisera f’idek. M’huwiex Ġeħova li ħareġ quddiemek?”+ U Barak niżel minn fuq il-​Muntanja Tabor b’għaxart elef raġel warajh. 15  U Ġeħova tefaʼ f’konfużjoni+ lil Sisera u l-​karrijiet kollha tal-​gwerra tiegħu u lill-​kamp tiegħu quddiem is-​sejf taʼ Barak u qeridhom. Fl-​aħħar, Sisera niżel minn fuq il-​karru u ħarab bil-​mixi. 16  U Barak telaq jiġri wara+ l-​karrijiet tal-​gwerra+ u l-​kamp sa Ħaroset tal-​ġnus, u b’hekk il-​kamp kollu taʼ Sisera waqaʼ b’xifer is-​sejf. Lanqas wieħed ma tħalla.+ 17  Inkwantu għal Sisera,+ hu ħarab bil-​mixi lejn it-​tinda taʼ Ġagħel+ mart Ħeber il-​Keni,+ għax kien hemm il-​paċi bejn Ġabin is-​sultan taʼ Ħasor+ u n-​nies taʼ dar Ħeber il-​Keni. 18  Imbagħad Ġagħel ħarġet tiltaqaʼ maʼ Sisera u qaltlu: “Għaddi s’hawn, sidi, għaddi s’għandi. Tibżax.” Għalhekk, hu dar għal għandha fit-​tinda. Iktar tard hi għattietu b’kutra. 19  Imbagħad qalilha: “Jekk jogħġbok, agħtini nixrob naqra ilma, għax għandi l-​għatx.” Għaldaqstant, hi fetħet flixkun tal-​ġild+ bil-​ħalib u tatu jixrob,+ u wara dan għattietu. 20  U hu qalilha: “Oqgħod fid-​daħla tat-​tinda, u jekk jiġi xi ħadd u jistaqsik, ‘Hawn xi raġel?’ int għidlu, ‘Le!’” 21  U Ġagħel mart Ħeber ħadet musmar tat-​tinda u martell f’idha. Imbagħad resqet lejh inkiss inkiss u daħħlitlu l-​musmar ġo ngħasu+ u sammritu maʼ l-​art, waqt li kien rieqed fil-​fond u għajjien. U hekk miet.+ 22  U Barak kien qed jiġri wara Sisera. Ġagħel issa ħarġet tiltaqaʼ miegħu u qaltlu: “Ejja ħa nurik ir-​raġel li qed tfittex.” Għalhekk, daħal għandha, u, ara, kien hemm Sisera mixħut mejjet, bil-​musmar f’ngħasu. 23  B’hekk, dakinhar Alla rażżan+ lil Ġabin is-​sultan taʼ Kangħan quddiem ulied Israel. 24  U id ulied Israel saret iktar u iktar iebsa kontra Ġabin is-​sultan taʼ Kangħan,+ sakemm kienu qerdu lil Ġabin is-​sultan+ taʼ Kangħan.

Noti taʼ taħt

Ara Ġen 26:17, in-​nota taʼ taħt.
Letteralment, “se jbigħ.”