Eżodu 9:1-35

9  Għaldaqstant, Ġeħova qal lil Mosè: “Idħol għand il-​Fargħun u għidlu,+ ‘Hekk qal Ġeħova, l-​Alla taʼ l-​Ebrej: “Ibgħat lin-​nies tiegħi sabiex jaqdu lili.  Imma jekk tibqaʼ tirrifjuta li tibgħathom u tibqaʼ żżommhom,+  ara, id Ġeħova+ tiġi fuq il-​bhejjem tiegħek+ li hemm fir-​rabaʼ. Ikun hemm pesta kbira ferm+ fuq iż-​żwiemel, il-​ħmir, l-​iġmla, u l-​imrieħel tal-​baqar u tan-​nagħaġ.  U Ġeħova se jagħmel distinzjoni bejn il-​bhejjem taʼ Israel u l-​bhejjem taʼ l-​Eġittu, u lanqas xejn minn kulma hu taʼ wlied Israel ma jmut.”’”+  Iktar minn hekk, Ġeħova għażel iż-​żmien stabbilit u qal: “Għada Ġeħova se jagħmel din il-​ħaġa fil-​pajjiż.”+  Għaldaqstant, l-​għada Ġeħova għamel din il-​ħaġa, u kull xorta taʼ bhima taʼ l-​Eġittu bdiet tmut;+ imma lanqas waħda mill-​bhejjem taʼ wlied Israel ma mietet.  Imbagħad il-​Fargħun bagħat lill-​qaddejja tiegħu jaraw, u, ara, lanqas waħda mill-​bhejjem taʼ Israel ma kienet mietet. Minkejja dan, qalb il-​Fargħun baqgħet ma tqanqlitx,+ u ma bagħathomx in-​nies.  Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron: “Ħudu ż-​żewġ ponnijiet mimlijin irmied minn forn,*+ u Mosè jrid jixħtu ’l fuq lejn is-​smewwiet quddiem għajnejn il-​Fargħun.  U l-​irmied isir trab fuq l-​art kollha taʼ l-​Eġittu, u jsir imsiemer li jinfexxu fi nfafet+ fuq il-​bnedmin u l-​bhejjem fl-​art kollha taʼ l-​Eġittu.” 10  Għalhekk, ħadu l-​irmied minn forn u qagħdu quddiem il-​Fargħun, u Mosè xeħtu ’l fuq lejn is-​smewwiet, u sar imsiemer bl-​infafet,+ li mtlew bihom il-​bnedmin u l-​bhejjem. 11  U l-​qassisin li kienu jipprattikaw il-​maġija ma setgħux jieqfu quddiem Mosè minħabba l-​imsiemer, għaliex anki l-​qassisin u l-​Eġizzjani kollha mtlew bl-​imsiemer.+ 12  Imma Ġeħova ħalla lill-​Fargħun iwebbes qalbu, u dan ma tahomx widen, sewwasew bħalma Ġeħova kien qal lil Mosè.+ 13  Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Qum kmieni fil-​għodu u ħu postok quddiem il-​Fargħun,+ u għidlu, ‘Hekk qal Ġeħova, l-​Alla taʼ l-​Ebrej: “Ibgħat lin-​nies tiegħi sabiex jaqdu lili.+ 14  Għax din id-​darba qed nibgħat il-​kastigi kollha tiegħi kontrik u kontra l-​qaddejja tiegħek u l-​poplu tiegħek, sabiex tkun taf li m’hemm ħadd bħali fl-​art kollha.+ 15  Għax s’issa stajt ħriġt idi sabiex nolqot lilek u lill-​poplu tiegħek bil-​pesta u biex titqaċċat darba għal dejjem minn fuq l-​art.+ 16  Imma, fil-​fatt, għal dan l-​iskop żammejtek ħaj,+ biex nurik il-​qawwa tiegħi u biex ismi jixxandar fl-​art kollha.+ 17  Għadek qed titkabbar kontra l-​poplu tiegħi u ma tibagħtux?+ 18  Ara! Jien għada bħalissa se nġiegħel li tinżel xita taʼ silġ bil-​qliel, li bħalha qatt ma seħħet fl-​Eġittu mindu ġie msejjes s’issa.+ 19  U issa ibgħat u ġib għall-​kenn il-​bhejjem kollha tiegħek u kulma għandek fir-​rabaʼ. Għax il-​bnedmin u l-​bhejjem kollha li jinstabu fir-​rabaʼ u ma jinġabrux lejn djarhom, se jinżel fuqhom is-​silġ+ u jmutu.”’” 20  Kulmin beżaʼ mill-​kelma taʼ Ġeħova fost il-​qaddejja tal-​Fargħun ġiegħel lill-​qaddejja tiegħu u lill-​bhejjem tiegħu jaħarbu lejn djarhom,+ 21  imma kulmin qalbu ma qanqlitux biex jagħti kas il-​kelma taʼ Ġeħova ħalla l-​qaddejja tiegħu u l-​bhejjem tiegħu fir-​rabaʼ.+ 22  Ġeħova issa qal lil Mosè: “Midd idek+ lejn is-​smewwiet, sabiex jinżel is-​silġ+ fuq l-​art kollha taʼ l-​Eġittu, fuq il-​bnedmin u l-​bhejjem u fuq il-​ħaxix kollu tar-​rabaʼ fl-​art taʼ l-​Eġittu.” 23  Għalhekk, Mosè medd il-​ħatar tiegħu lejn is-​smewwiet; u Ġeħova bagħat ragħad u silġ,+ u nar kien jinżel jiġri għal fuq l-​art, u Ġeħova kompla jibgħat xita taʼ silġ fuq l-​art taʼ l-​Eġittu. 24  B’hekk, niżel is-​silġ, u nar iżiġġ qalb is-​silġ. Kien qalil ferm, tant li qatt ma seħħ bħalu fl-​art kollha taʼ l-​Eġittu mindu dan sar ġens.+ 25  U s-​silġ laqat l-​art kollha taʼ l-​Eġittu. Is-​silġ laqat kulma kien hemm fir-​rabaʼ, minn bniedem sa bhima, u kull xorta taʼ ħaxix tar-​rabaʼ; u kisser kull xorta taʼ siġra tar-​rabaʼ.+ 26  Kien biss fl-​art taʼ Gosen, fejn kienu wlied Israel, li ma niżilx silġ.+ 27  Imbagħad il-​Fargħun bagħat isejjaħ lil Mosè u lil Aron u qalilhom: “Din id-​darba dnibt.+ Ġeħova hu ġust,+ u jien u l-​poplu tiegħi nqasna. 28  Itolbu bil-​ħrara lil Ġeħova sabiex dan ma jkomplix u ma jagħmilx iktar ragħad u ma jinżilx iktar silġ mingħand Alla.+ Imbagħad inkun lest li nibgħatkom, u intom ma tibqgħux iktar hawnhekk.” 29  Għalhekk, Mosè qallu: “Malli noħroġ mill-​belt ngħolli idejja lejn Ġeħova.+ Ir-​ragħad jieqaf u s-​silġ ma jibqax nieżel, sabiex tkun taf li l-​art hi taʼ Ġeħova.+ 30  Inkwantu għalik u għall-​qaddejja tiegħek, jien diġà naf li intom lanqas imbagħad m’intom se tibżgħu minn Alla Ġeħova.”+ 31  Kif ġraw l-​affarijiet, il-​kittien u x-​xgħir intlaqtu, għaliex ix-​xgħir kien bis-​sbul u l-​kittien kien bl-​inwar.+ 32  Imma l-​qamħ u l-​ispelta*+ ma ntlaqtux, għax kien għadu mhux żmienhom. 33  Mosè issa ħareġ mill-​belt mingħand il-​Fargħun u għolla idejh lejn Ġeħova, u r-​ragħad u s-​silġ bdew jieqfu, u x-​xita ma baqgħetx nieżla fuq l-​art.+ 34  Meta l-​Fargħun ra li x-​xita u s-​silġ u r-​ragħad kienu waqfu, reġaʼ dineb u qalbu ma tqanqlitx,+ kemm hu u kemm il-​qaddejja tiegħu. 35  U l-​Fargħun baqaʼ jwebbes qalbu u ma bagħathomx lil ulied Israel, sewwasew bħalma Ġeħova kien qal permezz taʼ Mosè.+

Noti taʼ taħt

Letteralment, “minn kalkara.” F’vers 10 wkoll.
Tip inferjuri taʼ qamħ kultivat fl-​Eġittu tal-​qedem.