Eżodu 26:1-37

26  “U t-​tabernaklu għandek tagħmlu b’għaxar biċċiet drapp tat-​tined,+ taʼ l-​għażel fin mibrum u ħajt blu u suf miżbugħ vjola ħamrani u materjal lewn l-​iskarlat.*+ Tagħmilhom bil-​kerubini+ rrakkmati, ix-​xogħol taʼ wieħed tas-​sengħa.  It-tul taʼ kull biċċa drapp tat-​tined hu tmienja u għoxrin kubitu u l-​wisaʼ taʼ kull biċċa drapp hi erbaʼ kubiti. Hemm qjies wieħed għalihom kollha.+  Ħames biċċiet drapp tat-​tined għandhom jifformaw sezzjoni bi drapp imġonġi wieħed maʼ l-​ieħor, u ħamsa oħra f’sezzjoni bi drapp imġonġi wieħed maʼ l-​ieħor.+  U agħmel anelli tal-​ħajt blu fit-​tarf taʼ wieħed mid-​drappijiet tat-​tined fejn tispiċċa s-​sezzjoni; u għandek tagħmel l-​istess f’tarf id-​drapp tat-​tarfnett fil-​post l-​ieħor fejn jingħaqdu ż-​żewġ sezzjonijiet.+  Tagħmel ħamsin anella fuq biċċa waħda mid-​drapp tat-​tined, u tagħmel ħamsin anella f’tarf id-​drapp li qiegħed fil-​post l-​ieħor fejn jingħaqdu ż-​żewġ sezzjonijiet, u b’hekk l-​anelli jkunu faċċata taʼ xulxin.+  U agħmel ħamsin ganċ tad-​deheb u ġonġi d-​drappijiet tat-​tined wieħed maʼ l-​ieħor permezz tal-​ganċijiet, u t-​tabernaklu jsir ħaġa waħda.+  “U agħmel biċċiet tad-​drapp mix-​xagħar tal-​mogħoż+ għat-​tinda taʼ fuq it-​tabernaklu. Tagħmel ħdax-il biċċa drapp tat-​tined.  It-tul taʼ kull biċċa drapp hu tletin kubitu,+ u l-​wisaʼ taʼ kull biċċa drapp hi erbaʼ kubiti. Hemm qjies wieħed għall-​ħdax-il biċċa drapp tat-​tined.  U ġonġi ħames biċċiet drapp għalihom u s-​sitta l-​oħra għalihom,+ u itwi min-​nofs is-​sitt waħda fuq il-​quddiemnett tat-​tinda. 10  U agħmel ħamsin anella fit-​tarf taʼ drapp wieħed, dak tat-​tarfnett fis-​sezzjoni, u ħamsin anella fit-​tarf tad-​drapp fil-​post l-​ieħor fejn jingħaqdu ż-​żewġ sezzjonijiet. 11  U agħmel ħamsin ganċ tar-​ram aħmar+ u poġġi l-​ganċijiet fl-​anelli u ġonġi t-​tinda flimkien, u din issir ħaġa waħda.+ 12  U dak li jifdal mid-​drappijiet tat-​tined jibqaʼ mdendel. Nofs id-​drapp li jifdal irid jiddendel għal fuq il-​wara tat-​tabernaklu. 13  U l-​kubitu taʼ naħa u l-​kubitu tan-​naħa l-​oħra minn dak li jifdal fit-​tul tad-​drappijiet jiddendlu għal fuq il-​ġnub tat-​tabernaklu, biex jgħattuh fuq naħa u fuq in-​naħa l-​oħra. 14  “U agħmel għata għat-​tinda mill-​ġlud tal-​muntun miżbugħin ħomor u għata tal-​ġlud tal-​bumerin fuqnett. 15  “U agħmel twavel* weqfin għall-​qafas+ tat-​tabernaklu mill-​injam taʼ l-​akaċja. 16  It-tul taʼ tavla jkun għaxar kubiti, u kull tavla tkun wiesgħa kubitu u nofs. 17  Kull tavla jkollha żewġ minċotti mwaħħlin bi dritt xulxin. Hekk għandek tagħmel bit-​twavel kollha tal-​qafas tat-​tabernaklu. 18  U agħmel it-​twavel tal-​qafas għat-​tabernaklu, għoxrin tavla għall-​ġenb li jħares lejn in-​Negeb, lejn in-​nofsinhar. 19  “U tagħmel erbgħin pedestall+ bl-​ingast tal-​fidda taħt l-​għoxrin tavla; żewġ pedestalli bl-​ingast taħt tavla waħda biż-​żewġ minċotti tagħha, u żewġ pedestalli bl-​ingast taħt it-​tavla l-​oħra biż-​żewġ minċotti tagħha. 20  U għall-​ġenb l-​ieħor tat-​tabernaklu, in-​naħa tat-​tramuntana, għoxrin tavla,+ 21  u l-​erbgħin pedestall bl-​ingast tal-​fidda tagħhom, żewġ pedestalli bl-​ingast taħt tavla waħda u żewġ pedestalli bl-​ingast taħt it-​tavla l-​oħra.+ 22  U għan-​naħa taʼ wara tat-​tabernaklu lejn il-​punent tagħmel sitt twavel.+ 23  U tagħmel żewġ twavel bħala pilastri għall-​kantunieri tat-​tabernaklu+ fuq iż-​żewġ naħat taʼ wara tiegħu. 24  U għandhom ikunu doppji n-​naħa t’isfel, u jibqgħu telgħin pariġġ xulxin san-​naħa taʼ fuq fejn jingħaqdu flimkien fl-​ewwel ħolqa. Hekk għandu jsir għat-​tnejn li huma. Dawn iservu bħala żewġ pilastri tal-​kantunieri. 25  U jkun hemm tmien twavel u l-​pedestalli bl-​ingast tal-​fidda tagħhom, sittax-il pedestall, żewġ pedestalli bl-​ingast taħt tavla waħda u żewġ pedestalli bl-​ingast taħt it-​tavla l-​oħra. 26  “U agħmel traversi mill-​injam taʼ l-​akaċja,+ ħamsa għat-​twavel taʼ ġenb wieħed tat-​tabernaklu, 27  u ħames traversi għat-​twavel tal-​ġenb l-​ieħor tat-​tabernaklu u ħames traversi għat-​twavel tal-​ġenb tat-​tabernaklu għaż-​żewġ naħat taʼ wara lejn il-​punent.+ 28  U t-​traversa tan-​nofs fin-​nofs tat-​twavel tgħaddi minn tarf sa tarf. 29  “U tiksi t-​twavel bid-​deheb,+ u l-​ħoloq tagħhom tagħmilhom tad-​deheb bħala appoġġ għat-​traversi; u tiksi t-​traversi bid-​deheb. 30  U waqqaf it-​tabernaklu skond il-​pjanta tiegħu kif intwerielek fuq il-​muntanja.+ 31  “U agħmel purtiera+ minn ħajt blu u suf miżbugħ vjola ħamrani u materjal lewn l-​iskarlat u għażel fin mibrum. Issir bil-​kerubini+ rrakkmati, ix-​xogħol taʼ wieħed tas-​sengħa. 32  U qegħedha fuq erbaʼ kolonni taʼ l-​akaċja miksijin bid-​deheb. Il-​kavilji tagħhom huma tad-​deheb. Qegħdin fuq erbaʼ pedestalli bl-​ingast tal-​fidda. 33  U poġġi l-​purtiera taħt il-​ganċijiet u ġib l-​arka tat-​testimonjanza+ hemmhekk ’il ġewwa mill-​purtiera; u l-​purtiera tifirdilkom il-​Qaddis+ mill-​Iktar Qaddis.*+ 34  U qiegħed l-​għatu fuq l-​arka tat-​testimonjanza fl-​Iktar Qaddis. 35  “U qiegħed il-​mejda ’l barra mill-​purtiera, u l-​gandlier+ faċċata tal-​mejda fil-​ġenb tat-​tabernaklu lejn in-​nofsinhar; u l-​mejda tpoġġiha fin-​naħa tat-​tramuntana. 36  U agħmel purtiera+ għad-​daħla tat-​tinda minn ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, materjal lewn l-​iskarlat, u għażel fin mibrum, ix-​xogħol taʼ nissieġ. 37  U għall-​purtiera tad-​daħla agħmel ħames kolonni taʼ l-​akaċja u iksihom bid-​deheb. Il-​kavilji tagħhom huma tad-​deheb. U agħmlilhom ħames pedestalli bl-​ingast mir-​ram aħmar imdewweb.

Noti taʼ taħt

F’dan il-​kapitlu “l-​iskarlat” jirreferi għaż-​żebgħa mill-​insett tal-​kukku.
Kull tavla għall-​qafas tat-​tabernaklu kienet forma taʼ gwarniċ taʼ tieqa.
Letteralment, “mill-​Qaddis tal-​Qaddisin.”