Eżodu 24:1-18

24  U lil Mosè qallu: “Itlaʼ għand Ġeħova, int u Aron, Nadab, Abiħu,+ u sebgħin+ mix-​xjuħ taʼ Israel, u milu mill-​bogħod.  U Mosè waħdu jersaq lejn Ġeħova; imma huma m’għandhomx jersqu, u n-​nies m’għandhomx jitilgħu miegħu.”+  U Mosè ġie u rrakkonta lin-​nies il-​kliem kollu taʼ Ġeħova u d-​deċiżjonijiet ġudizzjarji kollha,+ u n-​nies kollha wieġbu b’leħen wieħed u qalu: “Aħna lesti li nagħmlu l-​kliem kollu li qal Ġeħova.”+  U Mosè niżżel bil-​miktub il-​kliem kollu taʼ Ġeħova.+ Imbagħad qam kmieni fil-​għodu u f’riġlejn il-​muntanja bena artal u tnax-il pilastru li jirrappreżentaw lit-​tnax-il tribù taʼ Israel.+  Wara dan, bagħat xi rġiel żgħażagħ minn ulied Israel u dawn offrew offerti tal-​ħruq u offrew barrin bħala sagrifiċċji, bħala sagrifiċċji taʼ sħubija+ lil Ġeħova.  Imbagħad Mosè ħa nofs id-​demm u poġġieh fi skutelli,+ u n-​nofs l-​ieħor tad-​demm raxxu fuq l-​artal.+  Fl-aħħar ħa l-​ktieb tal-​patt+ u qrah biex jisimgħuh in-​nies.+ Imbagħad huma qalu: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qal Ġeħova u nobduh.”+  Għalhekk, Mosè ħa d-​demm u raxxu fuq in-​nies+ u qal: “Dan hu d-​demm tal-​patt+ li Ġeħova għamel magħkom skond dan il-​kliem kollu li għadkom kemm smajtu.”  U Mosè, Aron, Nadab, Abiħu, u sebgħin mix-​xjuħ taʼ Israel telgħu, 10  u raw lill-​Alla taʼ Israel.+ U taħt saqajh kien hemm qisu bħal paviment biċ-​ċangaturi taż-​żaffir u kien bħas-​smewwiet fis-​safa tiegħu.+ 11  U ma meddx idu kontra l-​irġiel distinti taʼ wlied Israel,+ imma raw viżjoni taʼ l-​Alla l-​veru+ u kielu u xorbu.+ 12  Ġeħova issa qal lil Mosè: “Itlaʼ ħdejja fuq il-​muntanja u oqgħod hemmhekk, għax irrid nagħtik it-​twavel tal-​ġebel u l-​liġi u l-​kmandament li rrid nikteb sabiex ngħallimhom.”+ 13  Għalhekk, qamu Mosè u l-​qaddej tiegħu Ġożwè, u Mosè telaʼ fuq il-​muntanja taʼ l-​Alla l-​veru.+ 14  Imma lix-​xjuħ qalilhom: “Stennewna f’dan il-​post sakemm niġu lura ħdejkom.+ U, ara, Aron u Ħur+ qegħdin magħkom. Kulmin ikollu każ taʼ qorti, ħa jmur għandhom.”+ 15  B’hekk, Mosè telaʼ fuq il-​muntanja waqt li s-​sħaba kienet qed tgħatti l-​muntanja.+ 16  U l-​glorja taʼ Ġeħova+ baqgħet fuq il-​Muntanja Sinaj,+ u s-​sħaba baqgħet tgħattiha għal sitt ijiem. Sa fl-​aħħar, fis-​sebaʼ jum hu sejjaħ lil Mosè minn nofs is-​sħaba.+ 17  U għal għajnejn ulied Israel id-​dehra tal-​glorja taʼ Ġeħova kienet bħal nar li jiblaʼ+ fuq il-​quċċata tal-​muntanja. 18  Imbagħad Mosè daħal f’nofs is-​sħaba u kompla tielaʼ fuq il-​muntanja.+ U Mosè baqaʼ erbgħin jum u erbgħin lejl fuq il-​muntanja.+

Noti taʼ taħt