Eżodu 23:1-33

23  “Ixxerridx aħbar li mhix vera.+ Tikkooperax maʼ xi ħadd mill-​agħar billi ssir xhud li jfassal il-​vjolenza.+  Tmurx wara l-​folla għal skopijiet ħżiena;+ u tixhidx dwar kontroversja biex taqbel mal-​folla ħalli tgħawweġ il-​ġustizzja.+  Inkwantu għall-​batut, turix preferenzi f’kontroversja li tinvolvi lilu.+  “Jekk issib il-​barri jew il-​ħmar mitluf taʼ l-​għadu tiegħek, int żgur li għandek tiħodhulu lura.+  Jekk tara l-​ħmar taʼ xi ħadd li jobogħdok mixħut fl-​art taħt it-​tagħbija tiegħu, tħallihx hemmhekk. Qis li tgħinu biex jeħilsu.+  “Tgħawwiġx id-​deċiżjoni ġudizzjarja li tinvolvi lil xi ħadd fqir mill-​poplu tiegħek fil-​kontroversja tiegħu.+  “Żomm ruħek ’il bogħod minn kelma falza.+ U toqtolx lill-​innoċenti u lill-​ġust, għax lil min hu mill-​agħar mhux se niddikjarah ġust.+  “Taċċettax tixħim, għax it-​tixħim jagħmi lil min jiġġudika bl-​għerf u jistaʼ jgħawweġ il-​kliem tan-​nies sewwa.+  “U taħqarx lil resident barrani,+ għax intom tafu x’jiġifieri li tkun resident barrani, għaliex kontu residenti barranin fl-​art taʼ l-​Eġittu.+ 10  “U għal sitt snin trid tiżraʼ ż-​żerriegħa fl-​art tiegħek u tiġbor dak li tipproduċi.+ 11  Imma fis-​sebaʼ sena taħdimhiex u ħalliha tistrieħ,+ u jieklu minnha l-​foqra tal-​poplu tiegħek; u dak li jħallu huma jikluh il-​bhejjem salvaġġi tar-​rabaʼ.+ Hekk agħmel bl-​għalqa tad-​dwieli tiegħek u bil-​masġar taż-​żebbuġ tiegħek. 12  “Sitt ijiem għandek tagħmel ix-​xogħol tiegħek;+ imma fis-​sebaʼ jum tistrieħ, sabiex il-​barri u l-​ħmar tiegħek jistrieħu u bin l-​ilsira tiegħek u r-​resident barrani jieħdu r-​ruħ.+ 13  “Għandkom toqogħdu attenti għal kulma għedtilkom;+ u ssemmux isem allat oħrajn. M’għandux jinstemaʼ fuq fommok.+ 14  “Tliet darbiet fis-​sena għandek tiċċelebrali festa.+ 15  Trid tħares il-​festa tal-​ħobż bla ħmira.+ Tiekol il-​ħobż bla ħmira+ għal sebat ijiem, bħalma kkmandajtek, fiż-​żmien stabbilit fix-​xahar taʼ Abib,+ għaliex fih ħriġt mill-​Eġittu. U ħadd m’għandu jidher quddiemi b’idu vojta.+ 16  Ukoll, il-​festa tal-​ħsad taʼ l-​ewwel frott misjur+ tat-​taħbit tiegħek, taʼ dak li tiżraʼ fl-​għalqa;+ u l-​festa tal-​ġbir fi ħruġ is-​sena, meta tiġbor mill-​għalqa dak li tkun tħabatt għalih.+ 17  Tliet darbiet fis-​sena l-​irġiel kollha tiegħek jidhru quddiem wiċċ Ġeħova, il-​Mulej il-​veru.+ 18  “Toffrilix id-​demm tas-​sagrifiċċju flimkien maʼ xi ħaġa li jkun fiha l-​ħmira. U x-​xaħam li toffrili fil-​festa tiegħi m’għandux jibqaʼ l-​lejl kollu sa fil-​għodu.+ 19  “L-​aqwa mill-​ewwel frott misjur taʼ l-​art tiegħek trid iġġibu fid-​dar taʼ Ġeħova Alla tiegħek.+ “Tgħallix gidi f’ħalib ommu.+ 20  “Ara! Qed nibgħat anġlu+ qablek biex iħarsek fit-​triq u jwasslek fil-​post li ħejjejtlek.+ 21  Oqgħod attent minħabba fih u ismaʼ minn kliemu. Tirribellax kontrih, għax ma jaħfrilkomx in-​nuqqas tagħkom;+ għax jaġixxi f’ismi. 22  Madankollu, jekk tassew tismaʼ minn kliemu u tassew tagħmel kulma ngħidlek,+ jien inkun għadu taʼ l-​għedewwa tiegħek u naħqar lil dawk li jaħqruk.+ 23  Għax l-​anġlu tiegħi jmur qablek u jwasslek għand l-​Amurrin, il-​Ħittin, il-​Pereżin, il-​Kangħanin, il-​Ħiwwin, u l-​Ġebusin, u jien żgur li nqaċċathom darba għal dejjem.+ 24  Tmilx quddiem l-​allat tagħhom u titħajjarx biex taqdihom, u tagħmel xejn bħax-​xbihat tagħhom,+ imma għandek assolutament iġġarrafhom u tkissrilhom il-​pilastri sagri tagħhom.+ 25  U intom aqdu lil Ġeħova Alla tagħkom,+ u hu jbierek il-​ħobż tiegħek u l-​ilma tiegħek;+ u jien inbiegħed il-​mard minn nofsok.+ 26  Ma jkunx hemm f’artek mara li titlef it-​tarbija u lanqas mara li ma jistax ikollha tfal.+ Għadd jiemek nagħmlu sħiħ.+ 27  “Qabel ma tasal se jisimgħu dwari u jitriegħdu,+ u jien nitfaʼ f’konfużjoni lin-​nies kollha li int tmur fosthom, u ndawwar lejk dahar l-​għedewwa tiegħek kollha.+ 28  U nġegħelhom iħossuhom skuraġġiti qabel ma tasal,+ u b’dan inkeċċi lill-​Ħiwwin, lill-​Kangħanin, u lill-​Ħittin minn quddiemek.+ 29  Mhux se nkeċċihom minn quddiemek f’sena waħda, biex l-​art ma ssirx ħerba u biex il-​bhejjem salvaġġi tar-​rabaʼ ma jiżdidux sew kontrik.+ 30  Ftit ftit inkeċċihom minn quddiemek, sakemm toktor u tieħu l-​art f’idejk.+ 31  “U nistabbilixxi l-​fruntiera tiegħek mill-​Baħar l-​Aħmar sal-​baħar tal-​Filistin u mix-​xagħri sax-​Xmara;*+ għaliex se nagħtikom f’idejkom l-​abitanti taʼ din l-​art, u int żgur li tkeċċihom minn quddiemek.+ 32  M’għandekx tagħmel patt magħhom jew m’allathom.+ 33  M’għandhomx jgħammru f’artek, biex ma jġegħlukx tidneb kontrija. Jekk tqim l-​allat tagħhom, dan isir nassa għalik.”+

Noti taʼ taħt

Jiġifieri, l-​Ewfrat.