Eżodu 21:1-36

21  “U dawn huma d-​deċiżjonijiet ġudizzjarji li trid tqegħdilhom quddiemhom:+  “Jekk tixtri lsir Ebrew,+ ikun ilsir għal sitt snin, imma fis-​sebaʼ sena joħroġ meħlus mingħajr ħlas.+  Jekk jidħol fil-​jasar waħdu, joħroġ waħdu. Jekk ikollu mara, martu toħroġ miegħu.  Jekk sidu jagħtih mara u din tilidlu subien jew bniet, il-​mara u t-​tfal tagħha jkunu taʼ sidha+ u hu joħroġ waħdu.+  Imma jekk l-​ilsir jibqaʼ jinsisti u jgħid, ‘Jien tassew inħobb lil sidi, lil marti, u lil uliedi; ma rridx noħroġ ħieles,’+  imbagħad sidu jrid jieħdu quddiem l-​Alla l-​veru u jġibu ħdejn il-​bieb jew il-​koxxa tal-​bieb; u sidu jtaqqablu widintu b’xifa, u hu jkun ilsir tiegħu ħajtu kollha.+  “U jekk raġel ibigħ lil bintu bħala lsira,+ din ma toħroġx mill-​jasar bħalma joħorġu l-​ilsiera rġiel.  Jekk ma tingħoġobx f’għajnejn sidha, u b’hekk ma jagħżilhiex bħala konkubina+ imma jħalliha tinfeda, hu ma jkunx intitolat li jbigħha lil xi poplu barrani, għax ikun aġixxa magħha bi tradiment.  U jekk jagħżilha għal ibnu, għandu jimxi magħha skond id-​dritt li jmiss lill-​bniet.+ 10  Jekk jieħu mara oħra għalih innifsu, m’għandux inaqqsilha l-​manteniment tagħha, ħwejjiġha,+ u dak li jmissha fiż-​żwieġ.+ 11  Jekk ma jagħtihiex dawn it-​tliet affarijiet, allura hi toħroġ mill-​jasar b’xejn, ma tħallasx flus. 12  “Min jidrob raġel, u b’hekk dan imut, żgur li għandu jingħata l-​mewt.+ 13  Imma jekk ma jkunx nasablu u l-​Alla l-​veru jippermetti li dan il-​qtil aċċidentali jseħħ b’idu,+ niffissalek post fejn jistaʼ jaħrab.+ 14  U jekk raġel tant jisħon għal sieħbu li jasal biex joqtlu b’makakkerija,+ għandek tieħdu saħansitra minn ħdejn l-​artal tiegħi biex imut.+ 15  U min jidrob lil missieru u lil ommu żgur li għandu jingħata l-​mewt.+ 16  “U min jaħtaf bniedem+ u fil-​fatt ibigħu,+ jew dan jinstab taħt idejh, żgur li għandu jingħata l-​mewt.+ 17  “U min jisħet lil missieru u lil ommu żgur li għandu jingħata l-​mewt.+ 18  “U jekk żewġt irġiel jitlewmu u wieħed minnhom jidrob lil sieħbu b’ġebla jew b’mgħażqa u dan ma jmutx imma jkollu jibqaʼ fis-​sodda; 19  jekk iqum u joħroġ jimxi barra jserraħ maʼ xi ħaġa, dak li jkun darbu jkun meħlus mill-​kastig; jagħtih kumpens biss għaż-​żmien li jkun tilef mix-​xogħol sakemm ikun fieq għalkollox. 20  “U jekk raġel jidrob+ bil-​bastun lill-​ilsir tiegħu, jew lill-​ilsira tiegħu, u fil-​fatt imut taħt idu, dan żgur li għandu jiġi vendikat.+ 21  Madankollu, jekk jibqaʼ ħaj ġurnata jew tnejn, m’għandux jiġi vendikat, għax hu flusu. 22  “U jekk żewġt irġiel jissaraw bejniethom u jweġġgħu lil mara tqila u t-​tarbija tagħha+ titwieled imma ma jiġri ebda aċċident fatali, il-​ħati żgur li għandu jħallas għall-​ħsarat skond kemm iwaħħlu sid il-​mara; u jagħti skond ma jaqtgħu l-​imħallfin.+ 23  Imma jekk jiġri xi aċċident fatali, trid tagħti ruħ b’ruħ,+ 24  għajn b’għajn, sinna b’sinna, id b’id, sieq b’sieq,+ 25  kiwja b’kiwja, ferita b’ferita, daqqa b’daqqa.+ 26  “U jekk raġel jidrob l-​għajn taʼ l-​ilsir tiegħu, jew l-​għajn taʼ l-​ilsira tiegħu, u jħassarhielu, għandu jibagħtu ħieles b’kumpens għal għajnu.+ 27  U jekk itajjar is-​sinna taʼ l-​ilsir tiegħu, jew is-​sinna taʼ l-​ilsira tiegħu, għandu jibagħtu ħieles b’kumpens għas-​sinna tiegħu. 28  “U jekk barri jagħti bil-​qrun lil raġel, jew mara, u dan fil-​fatt imut, il-​barri żgur li għandu jiġi mħaġġar,+ u laħmu m’għandux jittiekel; u sid il-​barri jkun meħlus mill-​kastig. 29  Imma jekk barri qabel kellu d-​drawwa li jagħti bil-​qrun u ngħatat twissija lil sidu imma dan ma żammux mgħasses, u fil-​fatt joqtol raġel jew mara, il-​barri għandu jiġi mħaġġar u sidu wkoll għandu jingħata l-​mewt. 30  Jekk fidwa tiġi imposta fuqu, irid jagħti l-​prezz tal-​ħelsien għal ruħu skond kulma jiġi impost fuqu.+ 31  Sew jekk ta bil-​qrun lil iben u sew jekk ta bil-​qrun lil bint, lil sidu għandhom jagħmlulu skond din id-​deċiżjoni ġudizzjarja.+ 32  Jekk il-​barri jkun ta bil-​qrun lil ilsir jew ilsira, sidu jagħti l-​prezz taʼ tletin xekel+ lil sid l-​ilsir jew l-​ilsira, u l-​barri jiġi mħaġġar. 33  “U jekk raġel jiftaħ ħofra, jew jekk raġel iħaffer ħofra u ma jgħattihiex, u jaqaʼ fiha barri jew ħmar,+ 34  sid il-​ħofra għandu jagħti kumpens.+ Għandu jagħti lura l-​prezz lil sid l-​annimal mejjet, u dan isir tiegħu. 35  U jekk il-​barri taʼ xi ħadd iweġġaʼ l-​barri taʼ ħaddieħor u dan il-​barri jmut, iridu jbigħu l-​barri l-​ħaj u jaqsmu bejniethom il-​flus kemm jiswa; għandhom jaqsmu bejniethom ukoll il-​wieħed mejjet.+ 36  Jew jekk kien magħruf li barri qabel kellu d-​drawwa li jagħti bil-​qrun u sidu ma kienx iżommu mgħasses,+ irid assolutament jagħti bħala kumpens+ barri għal barri, u l-​wieħed mejjet isir tiegħu.

Noti taʼ taħt