Eżodu 20:1-26

20  U Alla lissen dan il-​kliem kollu, u qal:+  “Jien Ġeħova Alla tiegħek,+ li ħriġtek mill-​art taʼ l-​Eġittu, minn dar l-​ilsiera.+  Ma jkollokx allat oħrajn+ għajri.  “Tagħmilx għalik xi xbieha skolpita jew forma bħal xi ħaġa li hemm fis-​smewwiet ’il fuq, jew li hemm fuq l-​art taħt, jew li hemm fl-​ilmijiet taħt l-​art.+  Tmilx quddiemhom u lanqas tiġi mħajjar biex taqdihom,+ għaliex jien Ġeħova Alla tiegħek, jien Alla li nesiġi devozzjoni esklużiva,+ li għall-​iżball tal-​missirijiet nikkastiga lill-​ulied, sat-​tielet u r-​rabaʼ ġenerazzjoni, fil-​każ taʼ dawk li jobogħduni;+  imma nuri l-​qalb tajba bl-​imħabba sa l-​elf ġenerazzjoni fil-​każ taʼ dawk li jħobbuni u jħarsu l-​kmandamenti tiegħi.+  “Tużax l-​isem taʼ Ġeħova Alla tiegħek b’mod ħażin,+ għax Ġeħova ma jħallix bla kastig lil min juża ismu b’mod ħażin.+  “Waqt li tiftakar f’jum is-​Sabat biex tqaddsu,+  għandek taħdem u tagħmel ix-​xogħol kollu tiegħek f’sitt ijiem.+ 10  Imma s-​sebaʼ jum hu Sabat għal Ġeħova Alla tiegħek.+ Tagħmel ebda xogħol, la int, la ibnek, la bintek, la l-​ilsir tiegħek, la l-​ilsira tiegħek, la l-​annimal domestiku tiegħek, lanqas ir-​resident barrani tiegħek li qiegħed ’il ġewwa minn bwiebek.+ 11  Għax f’sitt ijiem Ġeħova għamel is-​smewwiet u l-​art, il-​baħar u kulma fihom,+ u beda jistrieħ fis-​sebaʼ jum.+ Huwa għalhekk li Ġeħova bierek jum is-​Sabat u qaddsu.+ 12  “Onora lil missierek u lil ommok+ sabiex ittawwal jiemek fuq l-​art li qed jagħtik Ġeħova Alla tiegħek.+ 13  “Toqtolx.*+ 14  “Tagħmilx adulterju.+ 15  “Tisraqx.+ 16  “Tixhidx falz bħala xhud kontra għajrek.+ 17  “Tixtieqx dar għajrek. Tixtieqx mart għajrek,+ la l-​ilsir tiegħu, la l-​ilsira tiegħu, la l-​barri tiegħu, la l-​ħmar tiegħu, lanqas kwalunkwe ħaġa li hi t’għajrek.”+ 18  Issa n-​nies kollha kienu jisimgħu r-​ragħad u l-​ħoss tal-​qarn u jaraw il-​leħħiet tal-​beraq u l-​muntanja ddaħħan. Meta n-​nies raw u semgħu dan, bdew jirtogħdu u qagħdu ’l bogħod.+ 19  U bdew jgħidu lil Mosè: “Tkellem int magħna, u nisimgħuk; imma ħa ma jkellimniex Alla, li ma mmutux.”+ 20  Għalhekk, Mosè qal lin-​nies: “Tibżgħux, għaliex l-​Alla l-​veru ġie sabiex jgħaddikom minn prova,+ u sabiex dejjem ikollkom il-​biżaʼ minnu quddiem għajnejkom ħalli ma tidinbux.”+ 21  U n-​nies baqgħu weqfin ’il bogħod, imma Mosè mar ħdejn is-​sħaba sewda fejn kien hemm l-​Alla l-​veru.+ 22  U Ġeħova ssokta jgħid lil Mosè:+ “Dan għandek tgħidilhom lil ulied Israel, ‘Intom infuskom rajtu li jien kellimtkom mis-​smewwiet.+ 23  Tagħmlux allat tal-​fidda biex ikunu rivali tiegħi, u tagħmlux allat tad-​deheb għalikom.+ 24  Għandek tagħmilli artal mit-​trab taʼ l-​art,+ u toffri fuqu bħala sagrifiċċju l-​offerti tal-​ħruq tiegħek u s-​sagrifiċċji taʼ sħubija* tiegħek, l-​imrieħel tiegħek tal-​baqar u tan-​nagħaġ.+ F’kull post fejn nagħżel li jitfakkar ismi se niġi għandek u nbierkek.+ 25  U jekk tagħmilli artal tal-​ġebel, tibnihx b’ġebel minġur. Jekk tuża l-​għodda tiegħek fuqu, tipprofanah.+ 26  U titlax bit-​taraġ fuq l-​artal tiegħi, sabiex il-​partijiet privati tiegħek ma jkunux mikxufin fuqu.’

Noti taʼ taħt

Hawnhekk “toqtolx” jirreferi għal qtil apposta u kontra l-​liġi.
Jew, “sagrifiċċji taʼ sliem.” Sagrifiċċji li fihom il-​qassis, l-​aduraturi, u Ġeħova kienu bħallikieku qed jissieħbu flimkien f’ikla, u dan kien jissimbolizza relazzjonijiet paċifiċi.