Eżodu 19:1-25

19  Fit-tielet xahar wara li wlied Israel ħarġu mill-​art taʼ l-​Eġittu,+ fl-​istess jum, waslu fix-​xagħri tas-​Sinaj.+  U telqu minn Refidim+ u waslu fix-​xagħri tas-​Sinaj u waqqfu l-​kamp fix-​xagħri;+ u Israel ikkampja hemmhekk quddiem il-​muntanja.+  U Mosè telaʼ fuq il-​muntanja biex jidher quddiem l-​Alla l-​veru, u Ġeħova sejjaħlu mill-​muntanja,+ u qallu: “Dan għandek tgħid lil dar Ġakobb, lil ulied Israel,  ‘Intom infuskom rajtu x’għamiltilhom lill-​Eġizzjani,+ sabiex inġorrkom fuq il-​ġwienaħ taʼ l-​ajkli u nġibkom għandi.+  U issa jekk tassew tobdu kliemi+ u tħarsu l-​patt tiegħi,+ imbagħad issiru l-​proprjetà speċjali tiegħi mill-​popli l-​oħrajn kollha,+ għax l-​art kollha hi tiegħi.+  U ssiru għalija saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.’+ Dan hu l-​kliem li għandek tgħid lil ulied Israel.”  Għalhekk, Mosè ġie u sejjaħ lix-​xjuħ+ tal-​poplu u qiegħed quddiemhom dan il-​kliem kollu li Ġeħova kien ikkmandah.+  U n-​nies kollha wieġbu b’fehma waħda u qalu: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qalilna Ġeħova.”+ Mosè minnufih wassal kliem il-​poplu għand Ġeħova.+  Għal dan, Ġeħova qal lil Mosè: “Ara! Niġi għandek fi sħaba sewda,+ sabiex in-​nies jisimgħu meta nkellmek,+ u biex dejjem ipoġġu l-​fidi fik ukoll.”+ Imbagħad Mosè qal kliem il-​poplu lil Ġeħova. 10  U Ġeħova ssokta jgħid lil Mosè: “Mur għand in-​nies, u qaddishom illum u għada, u jridu jaħslu ħwejjiġhom.+ 11  U jridu jkunu lesti għat-​tielet jum, għaliex fit-​tielet jum Ġeħova jinżel fuq il-​Muntanja Sinaj+ quddiem għajnejn in-​nies kollha. 12  U trid tqiegħed limiti għan-​nies mad-​dawra kollha tal-​muntanja, u tgħidilhom, ‘Oqogħdu attenti li ma titilgħux fuq il-​muntanja, u tmissux it-​tarf tagħha. Min imiss il-​muntanja żgur li jingħata l-​mewt.+ 13  Ebda id m’għandha tmiss lill-​ħati, għaliex żgur li jiġi mħaġġar jew żgur li jiġi minfud. Kemm jekk bhima kif ukoll bniedem, ma jgħixx.’+ Malli jindaqq il-​qarn tal-​muntun+ ikunu jistgħu jersqu lejn il-​muntanja.” 14  Imbagħad Mosè niżel minn fuq il-​muntanja għal ħdejn in-​nies, u beda jqaddes lin-​nies; u dawn bdew jaħslu ħwejjiġhom.+ 15  Għaldaqstant, hu qal lin-​nies: “Lestu ruħkom+ matul it-​tlett ijiem. Intom l-​irġiel tersqux lejn il-​mara.”+ 16  U fit-​tielet jum meta sebaħ ġara li bdew ifaqqgħu r-​ragħad u s-​sajjetti,+ u fuq il-​muntanja kien hemm sħaba ħoxna+ u ħoss qawwi ferm taʼ qarn,+ u b’hekk in-​nies kollha li kienu fil-​kamp bdew jirtogħdu.+ 17  Issa Mosè ħareġ lin-​nies mill-​kamp biex jiltaqgħu maʼ l-​Alla l-​veru, u huma waqfu f’riġlejn il-​muntanja.+ 18  U l-​Muntanja Sinaj bdiet iddaħħan kollha kemm hi,+ minħabba l-​fatt li Ġeħova niżel fuqha fin-​nar;+ u d-​duħħan tagħha baqaʼ tielaʼ ’l fuq bħad-​duħħan taʼ forn,*+ u l-​muntanja kollha kienet qed titriegħed ferm.+ 19  Meta l-​ħoss tal-​qarn baqaʼ kontinwament jitqawwa, Mosè beda jitkellem, u l-​Alla l-​veru beda jwieġbu b’leħen ċar.+ 20  Għalhekk, Ġeħova niżel fuq il-​Muntanja Sinaj, fuq il-​quċċata tal-​muntanja. Imbagħad Ġeħova sejjaħ lil Mosè biex jitlaʼ fuq il-​quċċata tal-​muntanja, u Mosè telaʼ.+ 21  Ġeħova issa qal lil Mosè: “Inżel, wissi lin-​nies, biex ma jipprovawx jersqu lejn Ġeħova sabiex jaraw u ħafna minnhom ikollhom imutu.+ 22  U l-​qassisin ukoll li regolarment jersqu qrib Ġeħova ħa jqaddsu lilhom infushom,+ biex Ġeħova ma jibgħatx ir-​rabja tiegħu fuqhom.”+ 23  Għal dan, Mosè qal lil Ġeħova: “In-​nies ma jistgħux jitilgħu fuq il-​Muntanja Sinaj, għaliex int diġà wissejtna, u għedtilna, ‘Qiegħdu limiti għall-​muntanja u qaddsuha.’”+ 24  Madankollu, Ġeħova qallu: “Mur, inżel, u itlaʼ, int u Aron miegħek; imma tħallix lill-​qassisin u lin-​nies jersqu biex jitilgħu ħdejn Ġeħova, sabiex ma jibgħatx ir-​rabja tiegħu fuqhom.”+ 25  Għaldaqstant, Mosè niżel ħdejn in-​nies u qalilhom.+

Noti taʼ taħt

Letteralment, “kalkara.”