Eżodu 14:1-31

14  Ġeħova issa kellem lil Mosè u qallu:  “Kellem lil ulied Israel, sabiex iduru lura u jikkampjaw quddiem Piħaħirot bejn Migdol u l-​baħar biswit Bagħal-sefon.+ Għandkom tikkampjaw faċċata tiegħu, ħdejn il-​baħar.  Imbagħad il-​Fargħun jgħid dwar ulied Israel, ‘Qegħdin jiġru ’l hawn u ’l hinn mitlufin fil-​pajjiż. Ix-​xagħri għalaqhom.’+  Għalhekk, se nħalli lill-​Fargħun iwebbes qalbu,+ u hu jitlaq għal warajhom u jien nikseb il-​glorja għalija permezz tal-​Fargħun u l-​qawwiet militari kollha tiegħu;+ u l-​Eġizzjani żgur li se jkunu jafu li jien Ġeħova.”+ Għaldaqstant ulied Israel għamlu preċiż hekk.  Iktar tard lis-​sultan taʼ l-​Eġittu wasslulu l-​aħbar li n-​nies kienu ħarbu. Minnufih, qalb il-​Fargħun, kif ukoll dik tal-​qaddejja tiegħu, tbiddlet rigward in-​nies,+ u b’hekk qalu: “X’għamilna b’idejna, bagħatna lil Israel biex ma jitjassarx iktar għalina?”+  Għalhekk, lesta l-​karrijiet tal-​gwerra tiegħu, u ħa miegħu lin-​nies tiegħu.+  U ħa sitt mitt karru magħżulin+ u l-​karrijiet l-​oħrajn kollha taʼ l-​Eġittu u gwerriera fuq kull wieħed minnhom.  B’hekk, Ġeħova ħalla lill-​Fargħun, is-​sultan taʼ l-​Eġittu, iwebbes qalbu,+ u dan telaq għal wara wlied Israel, waqt li wlied Israel kienu ħerġin b’idhom merfugħa ’l fuq.*+  U l-​Eġizzjani telqu għal warajhom, u ż-​żwiemel bil-​karrijiet kollha tal-​Fargħun u s-​suldati tal-​kavallerija tiegħu+ u l-​qawwiet militari tiegħu kważi laħquhom waqt li kienu kkampjati ħdejn il-​baħar, ħdejn Piħaħirot biswit Bagħal-sefon.+ 10  Meta l-​Fargħun resaq qrib, ulied Israel refgħu għajnejhom, u, ara, l-​Eġizzjani kienu ġejjin warajhom; u wlied Israel beżgħu mhux ftit u bdew jgħajtu lil Ġeħova.+ 11  U qalu lil Mosè: “Huwa minħabba li m’hemm ebda post fejn nindifnu fl-​Eġittu li ġibtna hawnhekk biex immutu fix-​xagħri?+ X’għamiltilna, ħriġtna mill-​Eġittu? 12  M’hijiex din il-​kelma li għednielek fl-​Eġittu, ‘Ħallina bi kwietna, sabiex naqdu lill-​Eġizzjani’? Għax hu aħjar għalina li naqdu lill-​Eġizzjani milli mmutu fix-​xagħri.”+ 13  Imbagħad Mosè qal lin-​nies: “Tibżgħux.+ Żommu sod u araw kif Ġeħova se jsalvakom illum.+ Għax l-​Eġizzjani li qed taraw illum ma terġgħux tarawhom, le, qatt iżjed ma terġgħu tarawhom.+ 14  Ġeħova nnifsu jiġġieled għalikom,+ u intom tibqgħu siekta.” 15  Ġeħova issa qal lil Mosè: “Għala tibqaʼ tgħajjatli?+ Kellem lil ulied Israel sabiex iżarmaw il-​kamp u jitilqu minn dak il-​post. 16  U int, erfaʼ l-​ħatar tiegħek+ u midd idek fuq il-​baħar u oforqu,+ sabiex ulied Israel jgħaddu minn nofs il-​baħar fuq art niexfa.+ 17  U jien qed inħalli lill-​Eġizzjani jwebbsu qlubhom,+ sabiex jidħlu warajhom biex nikseb il-​glorja għalija permezz tal-​Fargħun, tal-​qawwiet militari kollha tiegħu, tal-​karrijiet tal-​gwerra tiegħu, u tas-​suldati tal-​kavallerija tiegħu.+ 18  U l-​Eġizzjani żgur li se jkunu jafu li jien Ġeħova meta nikseb il-​glorja għalija permezz tal-​Fargħun, tal-​karrijiet tal-​gwerra tiegħu, u tas-​suldati tal-​kavallerija tiegħu.”+ 19  Imbagħad l-​anġlu+ li l-​Alla l-​veru kien bagħat biex jimxi quddiem l-​Israelin telaq u mar fuq wara, u l-​kolonna tas-​sħab telqet minn quddiemhom u qagħdet warajhom.+ 20  B’hekk, ġiet bejn l-​Eġizzjani u l-​Israelin.+ Minn naħa waħda kien hemm sħaba u dlam. Min-​naħa l-​oħra baqgħet iddawwal il-​lejl.+ U l-​Eġizzjani ma resqux qrib l-​Israelin il-​lejl kollu. 21  Mosè issa medd idu fuq il-​baħar;+ u Ġeħova beda jreġġaʼ lura l-​baħar permezz taʼ riħ qawwi mil-​lvant il-​lejl kollu u biddel qiegħ il-​baħar f’art niexfa,+ u l-​ilmijiet bdew jinferqu.+ 22  Sa fl-​aħħar, ulied Israel għaddew minn nofs il-​baħar fuq art niexfa,+ waqt li l-​ilmijiet kienu għalihom bħal ħajt fuq il-​lemin tagħhom u fuq ix-​xellug tagħhom.+ 23  U l-​Eġizzjani telqu jiġru għal warajhom, u ż-​żwiemel kollha tal-​Fargħun, il-​karrijiet tal-​gwerra tiegħu, u s-​suldati tal-​kavallerija tiegħu bdew deħlin warajhom,+ f’nofs il-​baħar. 24  U ġara li, matul l-​għassa taʼ fil-​għodu,* Ġeħova beda jħares lejn l-​Eġizzjani minn ġol-​kolonna tan-​nar u s-​sħab,+ u tefaʼ lill-​Eġizzjani f’konfużjoni.+ 25  U beda jaqlgħalhom ir-​roti minn mal-​karrijiet tagħhom, u b’hekk bdew isuquhom bit-​tbatija;+ u l-​Eġizzjani bdew jgħidu: “Ejja naħarbu mill-​Israelin, għax Ġeħova qed jiġġieled għalihom kontra l-​Eġizzjani.”+ 26  Fl-aħħar, Ġeħova qal lil Mosè: “Midd idek fuq il-​baħar,+ sabiex l-​ilmijiet jerġgħu lura għal fuq l-​Eġizzjani, fuq il-​karrijiet tal-​gwerra tagħhom, u fuq is-​suldati tal-​kavallerija tagħhom.” 27  Mosè minnufih medd idu fuq il-​baħar, u malli kien se jibda jisbaħ, il-​baħar beda ġej lura għan-​normal. Sadanittant l-​Eġizzjani kienu qed jaħarbu biex jiskansawh, imma Ġeħova tefaʼ lill-​Eġizzjani f’nofs il-​baħar.+ 28  U l-​ilmijiet baqgħu ġejjin lura.+ Sa fl-​aħħar għattew il-​karrijiet tal-​gwerra u s-​suldati tal-​kavallerija li kienu jagħmlu parti mill-​qawwiet militari kollha tal-​Fargħun u li kienu daħlu fil-​baħar għal warajhom.+ Lanqas wieħed minnhom ma tħalla.+ 29  Iżda wlied Israel imxew fuq art niexfa f’nofs qiegħ il-​baħar,+ u l-​ilmijiet kienu għalihom bħal ħajt fuq il-​lemin tagħhom u fuq ix-​xellug tagħhom.+ 30  B’hekk, dakinhar Ġeħova salva lil Israel minn id l-​Eġizzjani,+ u l-​Israelin raw lill-​Eġizzjani mejtin fuq xatt il-​baħar.+ 31  L-Israelin raw ukoll l-​id setgħana li Ġeħova uża kontra l-​Eġizzjani; u n-​nies bdew jibżgħu minn Ġeħova u jpoġġu l-​fidi f’Ġeħova u f’Mosè l-​qaddej tiegħu.+

Noti taʼ taħt

Din l-​espressjoni tfisser li tkun “vigoruż, rebbieħ, u qalbieni.”
It-tielet u l-​aħħar għassa għall-​Ebrej, minn xi s-​2 a.m. sas-​6 a.m.