Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Eżodu 12:1-51

12  Ġeħova issa qal lil Mosè u lil Aron fl-art taʼ l-Eġittu:  “Dan ix-xahar ikun il-bidu tax-xhur għalikom. Ikun l-ewwel wieħed mix-xhur tas-sena għalikom.+  Kellem lill-ġemgħa kollha taʼ Israel, u għidilhom, ‘Fl-għaxra taʼ dan ix-xahar kull wieħed għandu jieħu għalih innifsu ħaruf+ għad-dar taʼ l-antenati, ħaruf għal kull dar.  Imma jekk in-nies tad-dar ikunu ftit wisq biex jieklu l-ħaruf, imbagħad hu u l-ġâr li jkun l-eqreb tiegħu jridu jiħduh f’daru skond kemm-il ruħ ikunu; inkwantu għall-ħaruf, għandkom tikkalkulaw kemm jiekol kull wieħed minnkom.  Il-ħaruf irid ikun bla difett,+ raġel, u taʼ sena.+ Tistgħu tagħżluh min-nagħaġ jew mill-mogħoż.  U tridu tkomplu żżommuh sa l-erbatax taʼ dan ix-xahar,+ u l-kongregazzjoni kollha tal-ġemgħa taʼ Israel trid toqtlu bejn inżul ix-xemx u d-dlam.+  U jridu jieħdu ftit mid-demm u jroxxuh fuq iż-żewġ koxox tal-bieb u l-parti taʼ fuq tad-daħla tal-bieb tad-dar fejn se jikluh.+  “‘U l-laħam iridu jikluh dan il-lejl.+ Għandhom jikluh mixwi bin-nar u bil-ħobż bla ħmira+ flimkien maʼ ħxejjex morri.+  Tieklu xejn minnu nej jew mgħolli, imsajjar fl-ilma, imma mixwi bin-nar, rasu flimkien maʼ riġlejh* u l-ġewwieni tiegħu. 10  U ma tridu tħallu xejn minnu għal fil-għodu, imma dak li jitħalla sa fil-għodu għandkom taħarquh fin-nar.+ 11  U hekk għandkom tikluh, b’ġenbejkom imħażżmin,+ bis-sandli+ f’saqajkom, u l-ħatar tagħkom f’idkom; u tridu tikluh bl-għaġla. Dan hu l-Qbiż taʼ Ġeħova.+ 12  U dan il-lejl+ irrid ngħaddi mill-art kollha taʼ l-Eġittu u nolqot lil kull l-ewwel imwieled fl-art taʼ l-Eġittu, minn bniedem sa bhima;+ u nagħmel ħaqq mill-allat kollha taʼ l-Eġittu.+ Jien Ġeħova.+ 13  U d-demm irid iservi bħala s-sinjal tagħkom fuq id-djar fejn tkunu; u rrid nara d-demm u naqbiżkom,+ u l-kastig ma jiġix fuqkom bħala rovina meta nolqot l-art taʼ l-Eġittu. 14  “‘U dan il-jum irid iservi bħala tifkira għalikom, u tridu tiċċelebrawh bħala festa lil Ġeħova matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. Għandkom tiċċelebrawh bħala statut għal żmien indefinit. 15  Għal sebat ijiem għandkom tieklu ħobż bla ħmira. Iva, fl-ewwel jum għandkom twarrbu l-għaġina mħemmra* minn djarkom, għaliex kulmin jiekol dak li hu mħemmer, mill-ewwel jum sas-sebaʼ jum,+ din ir-ruħ trid tiġi maqtugħa minn maʼ Israel.+ 16  U fl-ewwel jum għandha ssir konvenzjoni mqaddsa għalikom, u fis-sebaʼ jum konvenzjoni mqaddsa oħra.+ M’għandu jsir ebda xogħol fihom.+ Kulma tistgħu tagħmlu hu li tħejju dak li jkollha bżonn tiekol kull persuna.*+ 17  “‘U tridu tħarsu l-festa tal-ħobż bla ħmira,+ għaliex f’dan l-istess jum se noħroġ l-armati tagħkom mill-art taʼ l-Eġittu. U tridu tħarsu dan il-jum matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom bħala statut għal żmien indefinit. 18  Fl-ewwel xahar, mill-erbatax tax-xahar fil-għaxija għandkom tieklu ħobż bla ħmira sal-wieħed u għoxrin tax-xahar fil-għaxija.+ 19  Għal sebat ijiem ebda għaġina mħemmra m’għandha tinstab fi djarkom, għax kulmin iduq dak li hu mħemmer, sew jekk ikun resident barrani u sew jekk ikun twieled fil-pajjiż,+ din ir-ruħ trid tiġi maqtugħa minn mal-ġemgħa taʼ Israel.+ 20  M’għandkom tieklu xejn imħemmer. Fil-postijiet kollha fejn tgħammru għandkom tieklu ħobż bla ħmira.’” 21  Mosè minnufih sejjaħ lix-xjuħ kollha taʼ Israel+ u qalilhom: “Agħżlu u ħudu għalikom nagħaġ u mogħoż skond il-familji tagħkom, u oqtlu l-vittma tal-Qbiż.+ 22  U tridu tieħdu qattaʼ żuf+ u tbilluha fid-demm ġo bieqja u tbixxu l-parti taʼ fuq tad-daħla tal-bieb u ż-żewġ koxox tal-bieb bi ftit mid-demm li jkun hemm fil-bieqja; u ħadd minnkom m’għandu joħroġ mill-bieb taʼ daru sa fil-għodu. 23  Imbagħad meta Ġeħova jgħaddi biex jikkastiga lill-Eġizzjani u jara d-demm fuq il-parti taʼ fuq tad-daħla tal-bieb u fuq iż-żewġ koxox tal-bieb, Ġeħova ċertament li jaqbeż il-bieb, u ma jħallix ir-rovina tidħol fi djarkom biex jikkastigakom.+ 24  “U tridu tħarsu dan bħala regolament+ għalikom u għal uliedkom għal żmien indefinit.+ 25  U jrid iseħħ li meta tidħlu fl-art li Ġeħova se jagħtikom, sewwasew bħalma qal, imbagħad tridu tibqgħu twettqu dan l-att taʼ qima.+ 26  U jrid iseħħ li meta wliedkom jgħidulkom, ‘Xi jfisser għalikom dan l-att taʼ qima?’+ 27  imbagħad tridu tgħidulhom, ‘Huwa s-sagrifiċċju tal-Qbiż lil Ġeħova,+ li qabeż id-djar taʼ wlied Israel fl-Eġittu meta kkastiga lill-Eġizzjani, imma ħeles lil djarna.’” Imbagħad in-nies mielu u nxteħtu fl-art.+ 28  Wara dan, ulied Israel marru u għamlu bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè u lil Aron.+ Għamlu preċiż hekk. 29  U ġara li f’nofsillejl Ġeħova laqat lil kull l-ewwel imwieled fl-art taʼ l-Eġittu,+ mill-ewwel imwieled tal-Fargħun, bil-qiegħda fuq it-tron tiegħu, sa l-ewwel imwieled taʼ l-ilsir, li kien fil-ħofra fil-ħabs, u lil kull l-ewwel imwieled tal-bhejjem.+ 30  Imbagħad il-Fargħun qam bil-lejl, hu u l-qaddejja kollha tiegħu u l-Eġizzjani l-oħrajn kollha; u beda jinstemaʼ għajat kbir fost l-Eġizzjani,+ għaliex ma kienx hemm dar li ma kienx fiha xi mejjet. 31  Minnufih sejjaħ+ lil Mosè u lil Aron bil-lejl u qalilhom: “Qumu, oħorġu minn qalb il-poplu tiegħi, kemm intom u kemm l-ulied l-oħrajn taʼ Israel, u morru aqdu lil Ġeħova, sewwasew bħalma għedtu.+ 32  Ħudu kemm l-imrieħel tan-nagħaġ u kemm l-imrieħel tal-baqar, bħalma għedtu,+ u morru. Ukoll, barra minn hekk, tridu tberkuni.” 33  U l-Eġizzjani bdew iħeġġu lin-nies sabiex jibagħtuhom ’il barra mill-pajjiż malajr kemm jistaʼ jkun,+ “għaliex,” qalu huma, “aħna lkoll kważi mejtin!”+ 34  Għaldaqstant, in-nies ġarrew l-għaġina tagħhom qabel ma tħemmret, bil-mejjilli li kienu jagħġnu l-ħobż fihom imgeżwrin fil-mantelli tagħhom fuq spallithom. 35  U wlied Israel għamlu skond il-kelma taʼ Mosè billi talbu mingħand l-Eġizzjani oġġetti tal-fidda u oġġetti tad-deheb u lbies.+ 36  U Ġeħova lill-poplu tah li jsib il-ħniena f’għajnejn l-Eġizzjani,+ u b’hekk dawn tawhom dak li talbu;+ u huma neżżgħu lill-Eġizzjani.+ 37  U wlied Israel telqu minn Ramesses+ għal Sukkot,+ u l-għadd tagħhom kien sitt mitt elf raġel b’saħħtu, bil-mixi, minbarra ċ-ċkejknin.+ 38  U magħhom telgħet ukoll kotra mħallta kbira ħafna taʼ barranin,+ kif ukoll imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar, għadd verament kbir t’annimali. 39  U bdew jaħmu l-għaġina li kienu ħarġu mill-Eġittu u jagħmluha ftajjar, ħobż bla ħmira, għaliex ma kinitx tħemmret, peress li kienu tkeċċew mill-Eġittu u ma setgħux jitnikkru, u wkoll ma kinux ħejjew provvisti għalihom infushom.+ 40  U ż-żmien li wlied Israel għammru+ fl-Eġittu,+ kien erbaʼ mija u tletin sena.+ 41  U ġara li, meta ntemmew l-erbaʼ mija u tletin sena, f’dan l-istess jum ġara wkoll li l-armati kollha taʼ Ġeħova ħarġu mill-art taʼ l-Eġittu.+ 42  Hu lejl li għandu jiġi osservat minħabba l-fatt li Ġeħova ħariġhom mill-art taʼ l-Eġittu. Minħabba dan il-fatt dwar Ġeħova, dan il-lejl għandu jiġi osservat min-naħa taʼ l-ulied kollha taʼ Israel matul il-ġenerazzjonijiet tagħhom.+ 43  U Ġeħova ssokta jgħid lil Mosè u lil Aron: “Dan hu l-istatut tal-Qbiż:+ Ebda barrani ma jistaʼ jiekol minnu.+ 44  Imma fil-każ li jkun hemm xi lsir mixtri bil-flus, tridu tagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni.+ B’hekk biss ikun jistaʼ jiekol minnu. 45  L-immigrant u l-ħaddiem mikri ma jistgħux jieklu minnu. 46  F’dar waħda jrid jittiekel. Toħorġu xejn mil-laħam ’il barra mid-dar lejn xi post barra. U tiksru ebda għadma minnu.+ 47  Il-ġemgħa kollha taʼ Israel għandha tiċċelebrah.+ 48  U fil-każ li resident barrani jgħammar bħala barrani magħkom u jkun irid jiċċelebra l-Qbiż lil Ġeħova, ħa jiġi ċirkonċiż kull raġel u tifel taʼ daru.+ B’hekk biss ikun jistaʼ jiġi qrib biex jiċċelebrah; u jrid isir bħal wieħed li twieled fil-pajjiż. Imma ebda raġel mhux ċirkonċiż ma jistaʼ jiekol minnu. 49  Liġi waħda għandu jkun hemm għal dak li twieled fil-pajjiż u għar-resident barrani li qed jgħammar bħala barrani f’nofskom.”+ 50  Għalhekk, l-ulied kollha taʼ Israel għamlu bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè u lil Aron. Għamlu preċiż hekk.+ 51  U ġara li, f’dan l-istess jum, Ġeħova ħareġ lil ulied Israel flimkien maʼ l-armati tagħhom+ mill-art taʼ l-Eġittu.

Noti taʼ taħt

Hawnhekk qed jirreferi għall-parti t’isfel tar-riġel taʼ l-annimal.
Porzjon żgħir minn għaġina tad-dqiq imħemmra użat biex iħemmer biċċa għaġina oħra. F’vers 19 ukoll.
Letteralment, “ruħ.”