Eżekjel 8:1-18

8  U ġara fis-​sitt sena, fis-​sitt xahar, fil-​ħames jum tax-​xahar, li kont bil-​qiegħda f’dari u x-​xjuħ taʼ Ġuda kienu bil-​qiegħda quddiemi,+ u id il-​Mulej Sovran Ġeħova niżlet fuqi hemmhekk.+  U bdejt inħares, u rajt xi ħaġa qisha nar;+ u minn dawk li kienu jidhru qishom ġenbejh u ’l isfel kien hemm nar,+ u minn ġenbejh ’il fuq kien hemm xi ħaġa tidher tleqq, tixgħel bħall-​metall imħallat mid-​deheb u l-​fidda.+  Imbagħad bħal donnu ħareġ idu+ u qabadni minn troffa xagħar taʼ rasi; u spirtu+ ġarrni bejn l-​art u s-​smewwiet u ġabni Ġerusalemm fil-​viżjonijiet t’Alla,+ lejn id-​daħla tal-​bieb taʼ ġewwa+ li jħares lejn it-​tramuntana, fejn jgħammar is-​simbolu taʼ l-​għira li qed iqanqal l-​għira.*+  U, ara! Il-​glorja taʼ l-​Alla taʼ Israel kienet hemmhekk,+ u kienet tidher bħalma kont rajtha fil-​pjanura fil-​wied.  U qalli: “Bin il-​bniedem, jekk jogħġbok, erfaʼ għajnejk lejn it-​tramuntana.” Għalhekk, erfajt għajnejja lejn it-​tramuntana, u lejn it-​tramuntana tal-​bieb taʼ l-​artal kien hemm dan is-​simbolu taʼ l-​għira+ fid-​daħla.  U kompla jgħidli: “Bin il-​bniedem, qiegħed tara l-​affarijiet ferm mistkerrhin li qed jagħmlu,+ l-​affarijiet li n-​nies taʼ dar Israel qed jagħmlu hawnhekk biex jien nitbiegħed mis-​santwarju tiegħi?+ U madankollu se tara affarijiet oħrajn ferm mistkerrhin.”  Għaldaqstant ħadni lejn id-​daħla tal-​bitħa, u bdejt inħares, u kien hemm toqba fil-​ħajt.  U issa qalli: “Bin il-​bniedem, jekk jogħġbok, ħaffer il-​ħajt.”+ U jien ħaffirt il-​ħajt, u kien hemm daħla.  U żied jgħidli: “Idħol u ara l-​affarijiet mistkerrhin tant terribbli li qed jagħmlu hawnhekk.”+ 10  Għalhekk, dħalt u bdejt inħares, u kien hemm kull rappreżentazzjoni+ taʼ ħlejjaq li jitkaxkru u taʼ bhejjem moqżieża,+ u kull idolu taʼ dar Israel moqżież daqs id-​demel,+ u dawn kienu minquxin fuq il-​ħajt dawramejt. 11  U kien hemm weqfin quddiemhom sebgħin raġel+ mix-​xjuħ taʼ dar Israel, b’Ġagħżanija bin Safan+ wieqaf f’nofshom, u kull wieħed kellu inċensier f’idu, u l-​fwieħa tas-​sħaba taʼ l-​inċens kienet tielgħa ’l fuq.+ 12  U qalli: “Rajt, O bin il-​bniedem, x’qed jagħmlu x-​xjuħ taʼ dar Israel fid-​dlam,+ kull wieħed fil-​kmamar taʼ ġewwa fejn għandu l-​figuri skolpiti tiegħu? Għax qed jgħidu, ‘Ġeħova mhux qed jarana.+ Ġeħova ħalla l-​pajjiż.’” 13  U kompla jgħidli: “Se tarahom jagħmlu affarijiet oħrajn ferm mistkerrhin.”+ 14  Għalhekk, ħadni lejn id-​daħla tal-​bieb tad-​dar taʼ Ġeħova, li qiegħda lejn it-​tramuntana, u kien hemm in-​nisa bil-​qiegħda, jibku ’l-alla Tammuż. 15  U qalli wkoll: “Qed tarah dan, O bin il-​bniedem? Se tara affarijiet jerġaʼ agħar minn dawn l-​affarijiet ferm mistkerrhin.”+ 16  Għalhekk, ħadni fil-​bitħa taʼ ġewwa tad-​dar taʼ Ġeħova,+ u fid-​daħla tat-​tempju taʼ Ġeħova, bejn il-​loġġa u l-​artal,+ kien hemm xi ħamsa u għoxrin raġel+ b’daharhom lejn it-​tempju taʼ Ġeħova+ u wiċċhom lejn il-​lvant imilu lejn ix-​xemx.+ 17  U kompla jgħidli: “Qed tarah dan, O bin il-​bniedem? Hija ħaġa żgħira għal dar Ġuda li jagħmlu dawn l-​affarijiet mistkerrhin li għamlu hawnhekk, biex jimlew ukoll il-​pajjiż bil-​vjolenza+ u jerġgħu joffenduni, u qed jgħollu r-​rimja* maʼ mnieħri? 18  Għalhekk, jien ukoll se naġixxi bil-​korla.+ Għajnejja ma jitħassruhomx, u ma nagħdirhomx.+ U huma se jgħajtu f’widnejja b’leħen qawwi, imma jien ma nismagħhomx.”+

Noti taʼ taħt

Qabbel Eżo 34:14, in-​nota taʼ taħt.
Bla dubju, użata f’qima idolatruża.