Eżekjel 43:1-27

43  Imbagħad ħadni ħdejn il-​bieb, il-​bieb li jħares lejn il-​lvant.+  U l-​glorja+ t’Alla taʼ Israel kienet ġejja mid-​direzzjoni tal-​lvant,+ u leħnu kien bħal-​leħen taʼ ilmijiet kbar;+ u l-​art infisha bdiet tiddi minħabba l-​glorja tiegħu.+  U d-​dehra kienet bħall-​viżjoni li kont rajt,+ bħall-​viżjoni li rajt meta kelli nagħmel lill-​belt ħerba;+ u rajt affarijiet bħal dawk tad-​dehra li rajt ħdejn ix-​xmara Kebar,+ u nxtħett wiċċi fl-​art.  U l-​glorja+ taʼ Ġeħova daħlet fid-​Dar mill-​bieb li n-​naħa taʼ quddiem tiegħu kienet tħares lejn il-​lvant.+  U spirtu qajjimni+ u daħħalni fil-​bitħa taʼ ġewwa, u, ara, id-​Dar kienet imtliet bil-​glorja taʼ Ġeħova.+  U bdejt nismaʼ lil xi ħadd ikellimni minn ġewwa d-​Dar,+ u r-​raġel kien wieqaf ħdejja.+  U Hu qalli: “Bin il-​bniedem, dan hu l-​post tat-​tron tiegħi+ u l-​post taʼ qiegħ saqajja,+ fejn se ngħammar f’nofs ulied Israel għal żmien indefinit;+ u huma, dar Israel, ma jibqgħux ikasbru lil ismi l-​qaddis,+ huma u s-​slaten tagħhom,+ biż-​żína tagħhom u bl-​idoli li huma qdew bħala slaten,*+  billi jagħmlu l-​għatba tagħhom maʼ l-​għatba tiegħi u l-​koxxa tal-​bieb tagħhom ħdejn il-​koxxa tal-​bieb tiegħi, bil-​ħajt biss bejni u bejnhom.+ U kasbru lil ismi l-​qaddis bl-​affarijiet mistkerrhin li għamlu,+ u għalhekk qridthom għalkollox fir-​rabja tiegħi.+  Issa, ħalli jwarrbu ż-​żína tagħhom+ u l-​katavri tas-​slaten tagħhom ’il bogħod minni,+ u jien ngħammar f’nofshom għal żmien indefinit.+ 10  “U int, O bin il-​bniedem, għarraf lil dar Israel dwar id-​Dar,+ sabiex iħossuhom umiljati minħabba l-​iżbalji tagħhom,+ u huma għandhom iqisu t-​tifsila tagħha. 11  U jekk iħossuhom umiljati minħabba dak kollu li għamlu, għarrafhom il-​pjanta taʼ l-​art tad-​Dar,+ u l-​arranġament tagħha u l-​postijiet tal-​ħruġ u d-​dħul tagħha, u l-​pjanti kollha tagħha u d-​dettalji kollha tagħha, u l-​pjanti kollha tagħha u l-​liġijiet kollha tagħha u iktibhom quddiem għajnejhom, sabiex ikunu jistgħu josservaw il-​pjanta kollha tagħha u d-​dettalji kollha tagħha u jwettquhom.+ 12  Din hi l-​liġi tad-​Dar. Fuq il-​quċċata tal-​muntanja, it-​territorju kollu tagħha dawramejt hu xi ħaġa mill-​iktar qaddisa.+ Ara! Din hi l-​liġi tad-​Dar. 13  “U dawn huma l-​qisien taʼ l-​artal bil-​kubiti,+ kubitu li huwa kubitu u wisaʼ taʼ id.+ Il-​qiegħ tiegħu hu kubitu. U l-​wisaʼ hi kubitu. U għandu xoffa max-​xifer tiegħu dawramejt, għolja xiber. U din hi l-​bażi taʼ l-​artal. 14  U mill-​qiegħ maʼ l-​art sa l-​ixkaffa taʼ taħt taʼ mad-​dawra hemm żewġ kubiti. U mill-​ixkaffa ż-​żgħira taʼ mad-​dawra sa l-​ixkaffa l-​kbira taʼ mad-​dawra hemm erbaʼ kubiti, u l-​wisaʼ tagħha hi kubitu. 15  U l-​fuklar taʼ l-​artal hu erbaʼ kubiti, u ħerġin ’il fuq minn ġol-​fuklar taʼ l-​artal hemm l-​erbat iqrun.+ 16  U l-​fuklar taʼ l-​artal twil tnax-il kubitu, u wiesaʼ tnax-il kubitu,+ u huwa kwadru fuq l-​erbaʼ naħat tiegħu.+ 17  U l-​ixkaffa taʼ mad-​dawra hi twila erbatax-il kubitu, u wiesgħa erbatax-il kubitu, fl-​erbaʼ naħat tagħha; u x-​xifer taʼ mad-​dawra hu taʼ nofs kubitu, u l-​qiegħ huwa kubitu dawramejt. “U t-​taraġ tiegħu jħares lejn il-​lvant.” 18  U qalli: “Bin il-​bniedem, hekk qal il-​Mulej Sovran Ġeħova, ‘Dawn huma l-​istatuti taʼ l-​artal mogħtijin dakinhar li ntgħamel, sabiex jiġu offruti fuqu offerti sħaħ tal-​ħruq+ u biex jitraxxax fuqu d-​demm.’+ 19  “‘Lill-​qassisin Levitiċi,+ li huma minn ulied Sadok,+ dawk li jersqu lejja,’+ hija l-​kelma tal-​Mulej Sovran Ġeħova, ‘biex jaqduni, agħtihom barri żgħir, wild il-​merħla, bħala offerta għad-​dnub.+ 20  U trid tieħu ftit minn demmu u tqiegħdu fuq l-​erbat iqrun tiegħu u fuq l-​erbaʼ kantunieri taʼ l-​ixkaffa taʼ mad-​dawra u fuq ix-​xifer dawramejt u tippurifikah mid-​dnub+ u tagħmel tpattija għalih.+ 21  U trid tieħu l-​barri żgħir, l-​offerta għad-​dnub, u jridu jaħarquh fil-​post stabbilit tad-​Dar, barra s-​santwarju.+ 22  U fit-​tieni jum trid tressaq bodbod, bla difett, bħala offerta għad-​dnub; u jippurifikaw l-​artal mid-​dnub bħalma ppurifikawh mid-​dnub bil-​barri żgħir.’ 23  “‘U meta ttemm il-​purifikazzjoni mid-​dnub ressaq barri żgħir bla difett, wild il-​merħla, u muntun bla difett mill-​merħla. 24  U trid tressaqhom quddiem Ġeħova, u l-​qassisin iridu jitfgħulhom il-​melħ u joffruhom+ bħala offerta sħiħa tal-​ħruq lil Ġeħova. 25  Għal sebat ijiem toffri bodbod kuljum+ bħala offerta għad-​dnub; u huma joffru barri żgħir, wild il-​merħla, u muntun mill-​merħla, li jkunu perfetti. 26  Għal sebat ijiem jagħmlu tpattija+ għall-​artal, u jnaddfuh u jħejjuh. 27  U huma jtemmu l-​jiem. U fit-​tmien jum+ u minn dakinhar ’il quddiem il-​qassisin joffru fuq l-​artal l-​offerti sħaħ tal-​ħruq tagħkom u tas-​sagrifiċċji taʼ sħubija* tagħkom; u jien nieħu pjaċir bikom,’+ hija l-​kelma tal-​Mulej Sovran Ġeħova.”

Noti taʼ taħt

Letteralment, “u bil-​katavri tas-​slaten tagħhom f’mewthom.”
Jew, “sagrifiċċji taʼ sliem.” Sagrifiċċji li fihom il-​qassis, l-​aduraturi, u Ġeħova kienu bħallikieku qed jissieħbu flimkien f’ikla, u dan kien jissimbolizza relazzjonijiet paċifiċi.