Eżekjel 26:1-21

26  U ġara fis-​sena ħdax, fl-​ewwel jum tax-​xahar, li l-​kelma taʼ Ġeħova ġiet għandi, tgħid:  “Bin il-​bniedem, talli Tir+ qalet kontra Ġerusalemm,+ ‘Ħaħ! Tfarrket+ dik li kienet il-​bieb tal-​popli!+ L-​affarijiet se jduru favurija. Jien se nimtela bil-​ġid, għax hi ntgħamlet ħerba,’+  għaldaqstant, hekk qal il-​Mulej Sovran Ġeħova, ‘Ara, jien kontrik, O Tir, u se ntellaʼ kontrik ħafna ġnus,+ bħalma l-​baħar itellaʼ l-​mewġ.+  U huma jagħmlu ħerba mis-​swar taʼ Tir+ u jġarrfulha t-​torrijiet tagħha,+ u jien niknes it-​trab minnha u nagħmilha blata b’wiċċ ileqq u għeri.  U ssir wesgħa f’nofs taʼ baħar+ fejn inixxfu x-​xbieki tas-​sajd.’+ “‘Għax jien tkellimt,’ hija l-​kelma tal-​Mulej Sovran Ġeħova, ‘u hi ssir priża għall-​ġnus.  U l-​abitanti tal-​bliet rurali li jiddependu minnha jinqatlu bis-​sejf, u n-​nies se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’+  “Għax hekk qal il-​Mulej Sovran Ġeħova, ‘Ara, qed inġib mit-​tramuntana kontra Tir lil Nebukadressar is-​sultan taʼ Babilonja,+ sultan tas-​slaten,+ bi żwiemel,+ karrijiet tal-​gwerra,+ suldati tal-​kavallerija, u ġemgħa,+ iva, kotra nies.  U lill-​abitanti tal-​bliet rurali li jiddependu minnek joqtolhom bis-​sejf. U jibnilek ħajt taʼ l-​assedju+ u jwaqqaf miegħek rampa għall-​assedju u jgħolli kontrik tarka kbira;  u jxejjer id-​daqqiet tal-​magna tal-​gwerra għal fuq is-​swar tiegħek, u bl-​armi tiegħu jwaqqagħlek it-​torrijiet. 10  It-trab li jittajjar mill-​kotra kbira taʼ żwiemel tiegħu ġejjin ilebbtu lejk jgħattik.+ Bil-​ħoss tas-​suldati tal-​kavallerija u tar-​roti u tal-​karrijiet tal-​gwerra, is-​swar tiegħek jitriegħdu, meta hu jidħol mill-​bibien tiegħek, bħalma jiġri meta jidħlu f’belt li tkun ġiet minfuda. 11  B’saqajn iż-​żwiemel tiegħu jitħanlek triqatek kollha.+ Lil niesek joqtolhom bis-​sejf, u l-​kolonni b’saħħithom tiegħek jaqgħu maʼ l-​art. 12  U jaħtfulek ir-​riżorsi tiegħek+ u jisirqulek in-​negozju tiegħek,+ u l-​ħitan tiegħek iġarrfuhomlok, u d-​djar sbieħ tiegħek iwaqqgħuhomlok. U l-​ġebel u l-​injam u t-​trab tiegħek jitfgħuh f’nofs l-​ilma.’ 13  “‘U nsikket l-​għagħa tal-​kant tiegħek,+ u l-​ħoss taʼ l-​arpi ma jinstemax iżjed.+ 14  U nagħmlek blata b’wiċċ ileqq u għeri.+ U ssir wesgħa fejn inixxfu x-​xbieki tas-​sajd.+ Qatt ma terġaʼ tinbena; għax jien, Ġeħova, tkellimt,’ hija l-​kelma tal-​Mulej Sovran Ġeħova.+ 15  “Hekk qal il-​Mulej Sovran Ġeħova lil Tir, ‘Jaqaw mal-​ħoss tal-​waqgħa tiegħek, meta dawk midrubin għall-​mewt jokorbu, meta jkun qed isir massakru f’nofsok, m’humiex se jitriegħdu l-​gżejjer?+ 16  U l-​kapijiet ewlenin+ kollha tal-​baħar se jinżlu minn fuq it-​tronijiet tagħhom+ u jneħħu l-​libsa taʼ bla kmiem u jinżgħu l-​ilbies irrakkmat, u jilbsu t-​tregħid. Ipoġġu bil-​qiegħda maʼ l-​art,+ u jitriegħdu l-​ħin kollu+ u jibqgħu mistagħġbin u ċċassati lejk. 17  U jgħannulek għanja taʼ niket+ u jgħidulek: “‘“Kif ġejt fix-​xejn, int li kienu jgħammru fik in-​nies tal-​baħar,+ O belt imfaħħra, li saret belt b’saħħitha fil-​baħar,+ hi u dawk li jgħammru fiha, dawk li kienu jbeżżgħu lill-​abitanti kollha taʼ l-​art! 18  Issa l-​gżejjer se jitriegħdu f’jum il-​waqgħa tiegħek, u l-​gżejjer tal-​baħar se jitfixklu minħabba tmiemek.”’+ 19  “Għax hekk qal il-​Mulej Sovran Ġeħova, ‘Meta nagħmlek belt imħarbta, bħall-​bliet li ma jgħammar fihom ħadd, meta ntellaʼ għal fuqek l-​ilmijiet fondi, u l-​ilmijiet vasti jkunu għattewk,+ 20  inniżżlek maʼ dawk li neżlin fil-​ħofra għand il-​poplu taʼ żmien twil ilu,+ u nġiegħlek tgħammar fl-​iktar art baxxa,+ flimkien maʼ postijiet oħrajn li ilhom ħerba għal ħafna żmien, flimkien maʼ dawk li neżlin fil-​ħofra,+ sabiex ħadd ma jerġaʼ jgħammar fik; u l-​art tal-​ħajjin jien insebbaħha.+ 21  “‘Inġib fuqek gwaj għal għarrieda,+ u ma tkunx iżjed; u jfittxuk,+ imma jibqgħu ma jsibukx għal żmien indefinit,’+ hija l-​kelma tal-​Mulej Sovran Ġeħova.”

Noti taʼ taħt