2 Slaten 15:1-38

15  Fis-sena sebgħa u għoxrin taʼ Ġerobogħam is-​sultan taʼ Israel, Għażarija*+ bin Amażija+ s-​sultan taʼ Ġuda sar sultan.  Sittax-il sena kellu meta beda jsaltan, u dam isaltan tnejn u ħamsin sena f’Ġerusalemm.+ U ommu kien jisimha Ġekolija, minn Ġerusalemm.  U għamel dak li hu rett f’għajnejn Ġeħova, skond kulma kien għamel missieru Amażija.+  Biss il-​postijiet għall-​qima* ma tneħħewx.+ In-​nies kienu għadhom joffru s-​sagrifiċċji u d-​duħħan tas-​sagrifiċċji fil-​postijiet għall-​qima.+  Fl-aħħar, Ġeħova kkastiga lis-​sultan,+ u baqaʼ bil-​ġdiem+ sa jum mewtu, u kompla jgħammar f’daru meħlus minn dmirijietu,+ waqt li Ġotam+ bin is-​sultan kien fuq id-​dar, jiġġudika+ lin-​nies tal-​pajjiż.  U l-​bqija tal-​ġrajjiet t’Għażarija u kulma għamel, m’humiex dawn miktubin fi ktieb+ il-​ġrajjiet taʼ żmien is-​slaten taʼ Ġuda?  Fl-aħħar, Għażarija mtedd maʼ missirijietu,+ u difnuh maʼ missirijietu fil-​Belt taʼ David; u ibnu Ġotam beda jsaltan minfloku.+  Fis-sena tmienja u tletin t’Għażarija+ s-​sultan taʼ Ġuda, Żakkarija+ bin Ġerobogħam sar sultan fuq Israel fis-​Samarija u dam isaltan sitt xhur.  U kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma kienu għamlu missirijietu.+ Ma telaqx id-​dnubiet taʼ Ġerobogħam+ bin Nebat, li bihom ġiegħel lil Israel jidneb.+ 10  Imbagħad Sallum bin Ġabes ikkonfoffa+ kontrih u ħebb+ għalih f’Iblegħam+ u qatlu u beda jsaltan minfloku. 11  U l-​bqija tal-​ġrajjiet taʼ Żakkarija huma miktubin fi ktieb+ il-​ġrajjiet taʼ żmien is-​slaten taʼ Israel. 12  Hekk kienet il-​kelma+ li Ġeħova qal lil Ġeħu, meta qallu:+ “Uliedek+ joqogħdu għan-​nom tiegħek fuq it-​tron taʼ Israel sar-​rabaʼ ġenerazzjoni.” U hekk sar.+ 13  U Sallum bin Ġabes sar sultan fis-​sena disgħa u tletin t’Użżija+ s-​sultan taʼ Ġuda, u kompla jsaltan għal xahar qamri sħiħ fis-​Samarija.+ 14  Imbagħad Menaħem+ bin Gadi telaʼ minn Tirsa+ u ġie s-​Samarija u ħebb għal Sallum+ bin Ġabes fis-​Samarija u qatlu; u beda jsaltan minfloku. 15  U l-​bqija tal-​ġrajjiet taʼ Sallum u l-​konfoffa+ li kien għamel huma miktubin fi ktieb il-​ġrajjiet taʼ żmien is-​slaten taʼ Israel. 16  Kien dak iż-​żmien li Menaħem ħareġ minn Tirsa u ħabat għal Tifsa u kulma kien hemm fiha u t-​territorju tagħha; ma ċeditlux, u għalhekk ħabat għaliha. U ċarrtilha n-​nisa tqal tagħha kollha.+ 17  Fis-sena disgħa u tletin+ t’Għażarija s-​sultan taʼ Ġuda, Menaħem bin Gadi sar sultan fuq Israel u dam isaltan għaxar snin fis-​Samarija. 18  U kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.+ Tul ħajtu kollha ma telaqx id-​dnubiet kollha taʼ Ġerobogħam+ bin Nebat, li bihom ġiegħel lil Israel jidneb+. 19  U Pul+ is-​sultan taʼ l-​Assirja+ daħal fil-​pajjiż. Għalhekk, Menaħem ta+ lil Pul elf talent fidda,+ sabiex jgħinu ħalli s-​saltna tissoda taħt idejh.+ 20  U Menaħem ġab il-​fidda minn fuq dahar Israel, mingħand l-​irġiel qalbenin u setgħanin kollha,+ li kellhom jagħtu lis-​sultan taʼ l-​Assirja ħamsin xekel fidda kull wieħed. Wara dan, is-​sultan taʼ l-​Assirja mar lura, u ma baqax fil-​pajjiż. 21  U l-​bqija tal-​ġrajjiet taʼ Menaħem+ u kulma għamel, m’humiex dawn miktubin fi ktieb+ il-​ġrajjiet taʼ żmien is-​slaten taʼ Israel? 22  Fl-aħħar, Menaħem imtedd maʼ missirijietu, u ibnu Pekaħija+ beda jsaltan minfloku. 23  Fis-sena ħamsin t’Għażarija s-​sultan taʼ Ġuda, Pekaħija bin Menaħem sar sultan fuq Israel fis-​Samarija u dam isaltan sentejn.+ 24  U kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.+ Ma telaqx id-​dnubiet taʼ Ġerobogħam+ bin Nebat, li bihom ġiegħel lil Israel jidneb.+ 25  Imbagħad Pekaħ+ bin Remalija l-​ajjutant+ tiegħu kkonfoffa+ kontrih u ħebb għalih fis-​Samarija fit-​torri taʼ dar+ is-​sultan kif ukoll għal Argob u Arje, u kellu miegħu ħamsin raġel minn ulied Gilegħad. Għalhekk, qatlu u beda jsaltan minfloku. 26  U l-​bqija tal-​ġrajjiet taʼ Pekaħija u kulma għamel huma miktubin fi ktieb+ il-​ġrajjiet taʼ żmien is-​slaten taʼ Israel. 27  Fis-sena tnejn u ħamsin t’Għażarija s-​sultan taʼ Ġuda, Pekaħ+ bin Remalija+ sar sultan fuq Israel fis-​Samarija u dam isaltan għoxrin sena. 28  U kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.+ Ma telaqx id-​dnubiet taʼ Ġerobogħam+ bin Nebat, li bihom ġiegħel lil Israel jidneb.+ 29  Fi żmien Pekaħ is-​sultan taʼ Israel, ġie Tiglat-pileser+ is-​sultan taʼ l-​Assirja+ u ħa lil Ijon+ u Abel-bet-magħka+ u Ġanogħa u Kedes+ u Ħasor+ u Gilegħad+ u l-​Galilija,+ l-​art kollha taʼ Naftali,+ u ġarrhom fl-​eżilju lejn l-​Assirja.+ 30  Fl-aħħar, Ħosegħa+ bin Elah għamel konfoffa+ kontra Pekaħ bin Remalija u ħebb għalih+ u qatlu; u beda jsaltan minfloku fis-​sena għoxrin taʼ Ġotam+ bin Użżija. 31  U l-​bqija tal-​ġrajjiet taʼ Pekaħ u kulma għamel huma miktubin fi ktieb+ il-​ġrajjiet taʼ żmien is-​slaten taʼ Israel. 32  Fit-tieni sena taʼ Pekaħ bin Remalija s-​sultan taʼ Israel, Ġotam+ bin Użżija+ s-​sultan taʼ Ġuda sar sultan. 33  Ħamsa u għoxrin sena kellu meta beda jsaltan, u dam isaltan sittax-il sena f’Ġerusalemm. U ommu kien jisimha Ġerusa bint Sadok.+ 34  U għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova.+ Għamel skond kulma kien għamel missieru Użżija.+ 35  Biss il-​postijiet għall-​qima ma tneħħewx. In-​nies kienu għadhom joffru s-​sagrifiċċji u d-​duħħan tas-​sagrifiċċji fil-​postijiet għall-​qima.+ Kien hu li bena l-​bieb taʼ fuq tad-​dar taʼ Ġeħova.+ 36  U l-​bqija tal-​ġrajjiet taʼ Ġotam, dak li għamel, m’humiex dawn miktubin fi ktieb il-​ġrajjiet taʼ żmien is-​slaten taʼ Ġuda?+ 37  Dak iż-​żmien Ġeħova bagħat+ kontra Ġuda lil Resin+ is-​sultan tas-​Sirja u lil Pekaħ+ bin Remalija. 38  Fl-aħħar, Ġotam imtedd maʼ missirijietu u ndifen maʼ missirijietu fil-​Belt taʼ David missieru;+ u ibnu Aħaż+ beda jsaltan minfloku.

Noti taʼ taħt

Imsejjaħ ukoll “Użżija.”
Letteralment, “postijiet fl-​għoli.” Ara Le 26:30, in-​nota taʼ taħt.