2 Slaten 10:1-36

10  Issa Aħab kellu sebgħin+ tifel fis-​Samarija.+ Għalhekk, Ġeħu kiteb ittri u bagħathom is-​Samarija lill-​prinċpijiet+ taʼ Ġeżragħel, lix-​xjuħ+ u lil dawk li kienu jieħdu ħsieb ulied Aħab, jgħidu:  “Issa, mela, meta taslilkom din l-​ittra se jkun hemm magħkom ulied sidkom, u jkollkom il-​karrijiet tal-​gwerra u ż-​żwiemel+ u belt fortifikata u armi.  Araw min hu l-​aħjar u l-​iktar rett fost ulied sidkom u qegħduh fuq it-​tron taʼ missieru.+ Imbagħad iġġieldu għal dar sidkom.”  U bdew jibżgħu ferm u jgħidu: “Ara! Żewġ slaten+ ma setgħux jiqfulu, u issa aħna kif nistgħu niqfulu?”+  Għaldaqstant, dak li kien fuq id-​dar u dak li kien fuq il-​belt u x-​xjuħ u dawk li kienu jieħdu ħsieb it-​tfal+ bagħtu jgħidu lil Ġeħu: “Aħna l-​qaddejja tiegħek, u kulma tgħidilna nagħmluh. M’aħna se nagħmlu lil ħadd sultan. Agħmel dak li jidhirlek li hu tajjeb f’għajnejk.”  Għal dan, bagħtilhom it-​tieni ittra tgħid: “Jekk intom tiegħi,+ u se tobdu minn leħni, aqbdu ras l-​irġiel, ulied+ sidkom, u ejjew għandi għada bħalissa f’Ġeżragħel.”+ Issa wlied is-​sultan, sebgħin raġel, kienu maʼ l-​irġiel distinti tal-​belt li kienu jrabbuhom.  U ġara li malli waslitilhom l-​ittra, huma qabdu lil ulied is-​sultan u qatluhom, sebgħin raġel,+ u wara qiegħdu rjushom fil-​qfief u bagħtuhomlu Ġeżragħel.  Imbagħad il-​messaġġier+ daħal u qallu: “Ġabu l-​irjus+ taʼ wlied is-​sultan.” Għalhekk qallu: “Poġġuhom f’żewġt igzuz fid-​daħla taʼ bieb il-​belt sa fil-​għodu.”+  U fil-​għodu ħareġ barra. Imbagħad waqaf u qal lill-​poplu kollu: “Intom nies sewwa.+ Ara, jien ikkonfoffajt+ kontra sidi, u qtiltu;+ imma lil dawn kollha min qatilhom? 10  Kunu afu, mela, li xejn minn dak li jgħid Ġeħova ma jaqaʼ fl-​art+ bla ma jitwettaq, minn dak li Ġeħova qal kontra dar Aħab;+ u Ġeħova għamel dak li qal permezz tal-​qaddej tiegħu Elija.”+ 11  U Ġeħu baqaʼ għaddej joqtol lil kulmin kien għad fadal minn dar Aħab f’Ġeżragħel u lill-​irġiel distinti tiegħu kollha+ u lil dawk li kien jaf sew u lill-​qassisin tiegħu,+ sakemm ma ħallielu lil ħadd ħaj.+ 12  U qam u telaq lejn is-​Samarija. U fi triqtu għadda minn ħdejn id-​dar tar-​rgħajja fejn jintrabtu n-​nagħaġ. 13  U Ġeħu ltaqaʼ maʼ ħut+ Aħażija+ s-​sultan taʼ Ġuda. Meta qalilhom, “Min intom?” huma wiġbuh: “Aħna ħut Aħażija, u sejrin nistaqsu kif inhuma wlied is-​sultan u wlied is-​sultana.”* 14  Fil-pront qal: “Aqbduhom ħajjin!”+ Għalhekk, qabduhom ħajjin u qatluhom ħdejn il-​ġiebja tad-​dar fejn jintrabtu n-​nagħaġ, tnejn u erbgħin raġel, u ma ħalliex wieħed minnhom ħaj.+ 15  Hu u sejjer minn hemmhekk iltaqaʼ maʼ Ġeħonadab+ bin Rekab+ li kien ġej jiltaqaʼ miegħu. U bierku+ u qallu: “Hija qalbek retta miegħi, bħalma qalbi hi retta maʼ qalbek?”+ Għal dan, Ġeħonadab qal: “Iva.” “Jekk inhu hekk, agħtini idek.” Għalhekk, tah idu. U tellgħu fuq il-​karru miegħu.+ 16  Imbagħad qallu: “Imxi miegħi u ara kif jien ma nittollera l-​ebda rivalità+ lejn Ġeħova.” U ħallewh jirkeb miegħu fil-​karru tal-​gwerra. 17  Fl-aħħar waslu s-​Samarija. U ħabat għal dawk kollha li kien għad fadal minn dar Aħab fis-​Samarija, sakemm qeridhom għalkollox,+ skond il-​kelma li Ġeħova kien qal lil Elija.+ 18  Iktar minn hekk, Ġeħu ġabar lin-​nies kollha flimkien u qalilhom: “Aħab, minn banda waħda, qiem lil Bagħal ftit.+ Ġeħu, mill-​banda l-​oħra, se jqimu ħafna. 19  Għalhekk, issa, sejħu ħdejja lill-​profeti+ kollha taʼ Bagħal, dawk kollha li jqimuh+ u l-​qassisin kollha tiegħu.+ Tħallu ’l ħadd barra, għax għandi sagrifiċċju kbir għal Bagħal. Min ma jkunx hawn ma jibqax ħaj.” Imma Ġeħu kien qed jaġixxi b’makakkerija,+ bl-​iskop li jeqred lil kulmin kien iqim lil Bagħal. 20  U Ġeħu qal: “Iddikjaraw* assemblea solenni għal Bagħal.” Għaldaqstant iddikjarawha. 21  U Ġeħu bagħat jgħid f’Israel kollu,+ u ġew dawk kollha li jqimu lil Bagħal. U ma kienx hemm wieħed li ma ġiex. U baqgħu ġejjin fid-​dar taʼ Bagħal,+ u d-​dar taʼ Bagħal imtliet minn tarf sa tarf. 22  Imbagħad qal lil dak li kien jieħu ħsieb il-​post fejn jinżamm l-​ilbies: “Oħroġ l-​ilbies għal dawk kollha li jqimu lil Bagħal.” Għalhekk, ħarġilhom il-​ħwejjeġ. 23  Imbagħad Ġeħu daħal maʼ Ġeħonadab+ bin Rekab fid-​dar taʼ Bagħal. U qal lill-​aduraturi taʼ Bagħal: “Fittxu bir-​reqqa u araw li ma jkun hawn ħadd magħkom li jqim lil Ġeħova, imma dawk biss li jqimu lil Bagħal.”+ 24  Fl-aħħar daħlu biex joffru s-​sagrifiċċji u l-​offerti tal-​ħruq, u Ġeħu qiegħed tmenin raġel fuq barra għad-​dispożizzjoni tiegħu u kompla jgħid: “Jekk jaħrab xi wieħed mill-​irġiel li qed nagħtikom f’idejkom, ruħ dak li jkun tħallas għal ruħ l-​ieħor.”+ 25  U ġara li malli temm joffri l-​offerta tal-​ħruq, Ġeħu minnufih qal lill-​ġerrejja u lill-​ajjutanti: “Idħlu, oqtluhom! Tħallu ’l ħadd joħroġ.”+ U l-​ġerrejja u l-​ajjutanti+ bdew jaħbtu għalihom b’xifer is-​sejf u jitfgħu l-​iġsma tagħhom ’il barra, u baqgħu deħlin sal-​parti li kienet tissejjaħ il-​belt, fid-​dar taʼ Bagħal. 26  Imbagħad ħarġu l-​pilastri sagri+ tad-​dar taʼ Bagħal u ħarqu+ kull wieħed minnhom. 27  Iktar minn hekk, waqqgħu l-​pilastru sagru taʼ Bagħal+ u waqqgħu d-​dar taʼ Bagħal,+ u għamluha latrina+ kif għadha sal-​ġurnata taʼ llum. 28  B’hekk, Ġeħu qered għalkollox lil Bagħal minn Israel. 29  Madankollu, id-​dnubiet taʼ Ġerobogħam+ bin Nebat, li bihom ġiegħel lil Israel jidneb,+ Ġeħu ma warrabx milli jsegwihom, jiġifieri, l-​għoġiela tad-​deheb+ li kienu wieħed f’Betel u l-​ieħor f’Dan.+ 30  Għaldaqstant, Ġeħova qal lil Ġeħu: “Talli aġixxejt tajjeb billi għamilt dak li hu sewwa f’għajnejja,+ u għamilt mid-​dar t’Aħab skond kulma kelli f’qalbi,+ uliedek joqogħdu għan-​nom tiegħek fuq it-​tron taʼ Israel sar-​rabaʼ ġenerazzjoni.”+ 31  U Ġeħu nnifsu ma ħax ħsieb li jimxi mal-​liġi taʼ Ġeħova l-​Alla taʼ Israel b’qalbu kollha.+ Ma warrabx mid-​dnubiet taʼ Ġerobogħam li bihom ġiegħel lil Israel jidneb.+ 32  Dak iż-​żmien Ġeħova beda jaqtaʼ minn Israel biċċa art wara l-​oħra; u Ħażagħel+ ħabat għalihom fit-​territorju kollu taʼ Israel, 33  mill-Ġordan lejn tlugħ ix-​xemx, l-​art kollha taʼ Gilegħad,+ tal-​Gadin+ u r-​Rubenin+ u l-​Manassin,+ minn Għarogħer,+ li qiegħda ħdejn il-​wied* taʼ l-​Arnon, iva, Gilegħad u l-​Basan.+ 34  U l-​bqija tal-​ġrajjiet taʼ Ġeħu u kulma għamel u l-​atti setgħanin kollha tiegħu, m’humiex dawn miktubin fi ktieb+ il-​ġrajjiet taʼ żmien is-​slaten taʼ Israel? 35  Fl-aħħar, Ġeħu mtedd maʼ missirijietu,+ u difnuh fis-​Samarija; u ibnu Ġeħogħaħaż+ beda jsaltan minfloku. 36  U ż-​żmien li Ġeħu dam isaltan fuq Israel kien tmienja u għoxrin sena fis-​Samarija.

Noti taʼ taħt

Letteralment, “is-​sinjura.”
Letteralment, “Qaddsu.”
Ara Ġen 26:17, in-​nota taʼ taħt.