2 Kronaki 29:1-36

29  Ħeżekija+ sar sultan meta kellu ħamsa u għoxrin sena, u dam isaltan disgħa u għoxrin sena f’Ġerusalemm. U ommu kien jisimha Abija, bint Żakkarija.+  U għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova,+ skond kulma kien għamel David, missieru.+  Hu stess, fl-​ewwel sena tar-​renju tiegħu, fl-​ewwel xahar, fetaħ il-​bibien tad-​dar taʼ Ġeħova u beda jsewwihom.+  Imbagħad ġab il-​qassisin u l-​Leviti u ġabarhom fil-​misraħ+ lejn il-​lvant.  U qalilhom: “Isimgħuni, Leviti. Issa tqaddsu+ intom u qaddsu d-​dar taʼ Ġeħova, l-​Alla taʼ missirijietkom, u oħorġu dak li mhux safi mill-​post qaddis.+  Għax missirijietna aġixxew b’nuqqas taʼ fedeltà+ u għamlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova Alla tagħna,+ u b’hekk telquh+ u dawru wiċċhom lil hinn mit-​tabernaklu taʼ Ġeħova+ u tawh daharhom.  Huma għalqu wkoll il-​bibien+ tal-​loġġa u żammew l-​imsiebaħ mitfijin,+ u ma ħarqux l-​inċens,+ u m’offrewx is-​sagrifiċċji tal-​ħruq fil-​post qaddis lill-​Alla taʼ Israel.+  U l-​għadab+ taʼ Ġeħova waqaʼ fuq Ġuda u Ġerusalemm, u b’hekk għamilhom oġġett li jwaħħax,+ oġġett taʼ stagħġib+ u taʼ tisfir,+ bħalma qed taraw b’għajnejkom stess.  U, ara, missirijietna mietu bis-​sejf,+ u wliedna, subien u bniet, u n-​nisa tagħna kienu fil-​jasar minħabba dan.+ 10  Issa nixtieq minn qalbi li nagħmel patt+ maʼ Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel, biex ir-​rabja taħraq tiegħu terġaʼ lura minna. 11  Issa, uliedi, titnikkrux,+ għax lilkom għażel Ġeħova biex tieqfu quddiemu u taqduh+ u tkomplu tkunu l-​ministri tiegħu+ u toffru d-​duħħan tas-​sagrifiċċji.”+ 12  Għal dan, qamu l-​Leviti:+ Maħat, bin Għamasaj, u Ġoel, bin Għażarija, minn ulied il-​Keħatin;+ u minn ulied Merari,+ Kis, bin Għabdi, u Għażarija, bin Ġeħallelel; u mill-​Gersonin,+ Ġowaħ, bin Żimma, u Għeden, bin Ġowaħ; 13  u minn ulied Elisafan,+ Simri u Ġegħuwel; u minn ulied Asaf,+ Żakkarija u Mattanija; 14  u minn ulied Ħeman,+ Ġeħijel u Simgħi; u minn ulied Ġedutun,+ Semajja u Użżijel. 15  Imbagħad ġabru lil ħuthom flimkien u tqaddsu+ u marru, skond il-​kmand tas-​sultan, skond il-​kliem+ taʼ Ġeħova, biex inaddfu+ d-​dar taʼ Ġeħova. 16  Il-qassisin daħlu fid-​dar taʼ Ġeħova biex inaddfu u kulma sabu li kellu n-​nuqqas taʼ ndafa fit-​tempju taʼ Ġeħova ħarġuh fil-​bitħa+ tad-​dar taʼ Ġeħova. Imbagħad il-​Leviti ħaduh biex iġorruh ’il barra lejn il-​wied taʼ Kidron.+ 17  B’hekk, bdew it-​taqdis fl-​ewwel jum taʼ l-​ewwel xahar, u fit-​tmienja tax-​xahar waslu fil-​loġġa+ taʼ Ġeħova; u b’hekk qaddsu d-​dar taʼ Ġeħova fi tmint ijiem, u fis-​sittax taʼ l-​ewwel+ xahar lestew. 18  Imbagħad daħlu għand Ħeżekija, is-​sultan, u qalulu: “Naddafna d-​dar taʼ Ġeħova kollha kemm hi, l-​artal+ taʼ l-​offerta tal-​ħruq u l-​għodod kollha tiegħu,+ u l-​mejda+ tal-​ħobż preżentat f’saffi u l-​għodod kollha tagħha.+ 19  U l-​għodod+ kollha li s-​Sultan Aħaż+ ma baqax juża matul ir-​renju tiegħu minħabba n-​nuqqas taʼ fedeltà tiegħu+ ħejjejniehom u qaddisniehom;+ u qegħdin hemmhekk quddiem l-​artal taʼ Ġeħova.” 20  U Ħeżekija,+ is-​sultan, qam kmieni+ u ġabar il-​prinċpijiet+ tal-​belt flimkien u telaʼ lejn id-​dar taʼ Ġeħova. 21  U dawn ġabu sebaʼ barrin,+ sebaʼ mtaten, sebat iħrief irġiel, u sebaʼ bdabad bħala offerta għad-​dnub+ preżentata għas-​saltna, għas-​santwarju, u għal Ġuda. Għalhekk, hu qal lil ulied Aron, il-​qassisin,+ biex joffruhom fuq l-​artal taʼ Ġeħova. 22  Għaldaqstant qatlu+ l-​barrin, u l-​qassisin ħadu d-​demm+ u raxxewh+ fuq l-​artal; imbagħad qatlu l-​imtaten+ u raxxew id-​demm+ fuq l-​artal, u qatlu l-​ħrief u raxxew id-​demm fuq l-​artal. 23  Imbagħad ġabu l-​bdabad+ taʼ l-​offerta għad-​dnub quddiem is-​sultan u l-​kongregazzjoni u qiegħdu idejhom fuqhom.+ 24  Il-qassisin issa qatluhom u għamlu offerta għad-​dnub bid-​demm tagħhom fuq l-​artal, biex jagħmlu tpattija għal Israel kollu;+ għaliex is-​sultan qal li l-​offerta tal-​ħruq u l-​offerta għad-​dnub kellhom+ ikunu għal Israel kollu.+ 25  Sadanittant, hu ġiegħel lil-​Leviti+ jieħdu posthom fid-​dar taʼ Ġeħova, biċ-​ċimbali,+ bl-​istrumenti tal-​korda,+ u bl-​arpi,+ skond il-​kmand taʼ David+ u taʼ Gad,+ il-​viżjonarju tas-​sultan, u taʼ Natan,+ il-​profeta, għax kien b’id Ġeħova li l-​kmand ngħata permezz tal-​profeti tiegħu.+ 26  Għalhekk, il-​Leviti baqgħu bil-​wieqfa bl-​istrumenti+ taʼ David, kif ukoll il-​qassisin bit-​trumbetti.+ 27  Imbagħad Ħeżekija qalilhom biex joffru s-​sagrifiċċju tal-​ħruq fuq l-​artal; u x’ħin bdiet l-​offerta tal-​ħruq, bdew jgħannu+ lil Ġeħova, kif ukoll idoqqu t-​trumbetti mmexxijin mill-​istrumenti taʼ David, is-​sultan taʼ Israel. 28  U l-​kongregazzjoni kollha mielet+ waqt li l-​kant kien qed jidwi+ u t-​trumbetti jdoqqu—dan kollu sakemm intemmet l-​offerta tal-​ħruq. 29  U malli ntemmet l-​offerta, is-​sultan u dawk kollha li kienu miegħu mielu u nxteħtu fl-​art.+ 30  Ħeżekija, is-​sultan, u l-​prinċpijiet+ issa qalu lil-​Leviti biex ifaħħru lil Ġeħova bi kliem David+ u Asaf,+ il-​viżjonarju. Għalhekk, bdew joffru t-​tifħir, iva, b’hena kbir,+ u baqgħu jmilu u jinxteħtu fl-​art.+ 31  Fl-aħħar, Ħeżekija wieġeb u qal: “Issa intom tqaddistu+ għal Ġeħova. Ersqu, u ġibu s-​sagrifiċċji+ u s-​sagrifiċċji taʼ radd il-​ħajr+ lejn id-​dar taʼ Ġeħova.” U l-​kongregazzjoni bdiet iġġib is-​sagrifiċċji u s-​sagrifiċċji taʼ radd il-​ħajr, u kulmin qalbu qanqlitu ġab offerti tal-​ħruq.+ 32  U l-​għadd taʼ l-​offerti tal-​ħruq li ġabet il-​kongregazzjoni kien sebgħin baqra, mitt muntun, u mitejn ħaruf—dawn kollha bħala offerta tal-​ħruq lil Ġeħova;+ 33  kif ukoll l-​offerti mqaddsin, sitt mitt baqra u tlett elef nagħġa. 34  Biss il-​qassisin+ kienu ftit wisq, u ma setgħux iqaxxru l-​offerti tal-​ħruq kollha.+ Għalhekk, ħuthom+ il-​Leviti għenuhom sakemm tlesta+ x-​xogħol u sakemm il-​qassisin setgħu jitqaddsu,+ għax il-​Leviti kienu iktar retti+ f’qalbhom biex jitqaddsu milli kienu l-​qassisin. 35  U, ukoll, l-​offerti tal-​ħruq+ kienu fi kwantità kbira bil-​biċċiet tax-​xaħam+ tas-​sagrifiċċji taʼ sħubija+ u bl-​offerti tax-​xorb+ għall-​offerti tal-​ħruq. Hekk tħejja s-​servizz tad-​dar taʼ Ġeħova.+ 36  Għaldaqstant, Ħeżekija u n-​nies kollha thennew minħabba dak kollu li l-​Alla l-​veru kien għamel għan-​nies,+ għaliex din il-​ħaġa seħħet f’daqqa waħda.+

Noti taʼ taħt