Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

2 Kronaki 20:1-37

20  U ġara mbagħad li wlied Mowab+ u wlied Għammon+ u magħhom xi wħud mill-Għammonin+ ġew jiggwerraw kontra Ġeħosafat.+  Għalhekk, xi nies ġew ikellmu lil Ġeħosafat u qalulu: “Ġejja kontrik kotra kbira ferm mir-reġjun tal-baħar,* minn Edom;+ u qegħdin hemmhekk f’Ħasason-tamar, jiġifieri, Għajn-gedi.”+  Għal dan, Ġeħosafat beżaʼ+ u kien determinat li jfittex lil Ġeħova.+ Għalhekk, nieda sawma+ għan-nies kollha taʼ Ġuda.  U dawk taʼ Ġuda nġabru flimkien biex jistaqsu lil Ġeħova.+ Saħansitra mill-bliet kollha taʼ Ġuda ġew biex jikkonsultaw maʼ Ġeħova.+  Imbagħad Ġeħosafat qam bil-wieqfa fil-kongregazzjoni taʼ Ġuda u taʼ Ġerusalemm fid-dar taʼ Ġeħova+ quddiem il-bitħa l-ġdida,+  u qal:+ “O Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietna,+ mhux int Alla fis-smewwiet,+ u mhux int qed tiddomina fuq is-saltniet kollha tal-ġnus,+ u mhux int għandek f’idek il-qawwa u s-setgħa, u ħadd m’għandu l-ħila jibqaʼ wieqaf kontrik?+  Mhux int, O Alla tagħna,+ keċċejt lill-abitanti taʼ din l-art minn quddiem il-poplu tiegħek Israel+ u mbagħad tajtha+ lil nisel Abraham, li ħabbek,+ għal żmien indefinit?  U bdew jgħammru fiha, u bnewlek santwarju għal ismek,+ u qalu,  ‘Jekk jiġi fuqna l-gwaj,+ is-sejf, il-ġudizzju kontrina, jew il-pesta+ jew il-ġuħ,+ ħa nieqfu quddiem din id-dar+ u quddiemek (għax ismek+ qiegħed f’din id-dar), sabiex insejħulek għall-għajnuna mill-hemm tagħna, u int tismaʼ u ssalvana.’+ 10  U issa, ara, ulied Għammon,+ Mowab,+ u r-reġjun muntanjuż tas-Segħir,+ li int ma ħallejtx lin-nies taʼ Israel meta ħarġu mill-art taʼ l-Eġittu jinvaduhom, imma tbiegħdu minnhom u ma ġabuhomx fix-xejn,+ 11  iva, ara, qed iħallsuna+ billi jidħlu biex ikeċċuna mill-proprjetà tiegħek li tajtna int.+ 12  O Alla tagħna, ma tagħmilx ħaqq minnhom?+ Għax fina m’hemmx qawwa quddiem din il-kotra kbira ferm li ġejja kontrina;+ u aħna ma nafux x’għandna nagħmlu,+ imma għajnejna huma fuqek.”+ 13  Sadanittant, dawk kollha minn Ġuda kienu weqfin quddiem Ġeħova,+ saħansitra ċ-ċkejknin tagħhom,+ in-nisa tagħhom, u wliedhom. 14  Issa l-ispirtu+ taʼ Ġeħova ġie fuq Ġaħażijel, bin Żakkarija, bin Benaja, bin Ġegħijel, bin Mattanija, il-Levita minn ulied Asaf,+ f’nofs il-kongregazzjoni. 15  Għaldaqstant, hu qal: “Isimgħu, intom in-nies kollha taʼ Ġuda u intom l-abitanti taʼ Ġerusalemm u s-Sultan Ġeħosafat! Hekk qalilkom Ġeħova, ‘Tibżgħux+ u titwerwrux minħabba din il-kotra kbira ferm; għax il-battalja mhix tagħkom, imma t’Alla.+ 16  Għada inżlu għalihom. Ara, huma telgħin mill-mogħdija taʼ Sis; u ssibuhom f’tarf il-wied* biswit ix-xagħri taʼ Ġerwel. 17  Ma jkollkomx għalfejn tiġġieldu+ din id-darba. Ħudu postkom, tiċċaqalqux+ u araw is-salvazzjoni+ minn Ġeħova għan-nom tagħkom. O Ġuda u Ġerusalemm, tibżgħux u titwerwrux.+ Għada oħorġu għalihom, u Ġeħova jkun magħkom.’”+ 18  Minnufih Ġeħosafat miel b’wiċċu maʼ l-art,+ u n-nies kollha taʼ Ġuda u l-abitanti taʼ Ġerusalemm inxteħtu quddiem Ġeħova biex iqimu lil Ġeħova.+ 19  Imbagħad il-Leviti,+ minn ulied il-Keħatin+ u minn ulied il-Koraħin,+ qamu biex ifaħħru lil Ġeħova, l-Alla taʼ Israel, b’leħen għoli b’mod straordinarju.+ 20  U qamu kmieni fil-għodu u ħarġu lejn ix-xagħri+ taʼ Tekogħa.+ U huma u ħerġin, Ġeħosafat qam bil-wieqfa u qal: “Isimgħuni, O Ġuda u intom l-abitanti taʼ Ġerusalemm!+ Poġġu l-fidi+ f’Ġeħova Alla tagħkom sabiex tgħixu għal żmien twil. Poġġu l-fidi fil-profeti tiegħu+ u tirnexxu.” 21  Barra minn hekk, hu ftiehem+ man-nies u qiegħed għannejja+ li jgħannu lil Ġeħova u qiegħed lil dawk li jfaħħruh+ imżejnin bi lbies qaddis+ huma u ħerġin qabel l-irġiel armati,+ u qalu: “Faħħru lil Ġeħova,+ għax għal dejjem hi l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu.”+ 22  U malli bdew jagħtu tifħir u jgħajtu bil-ferħ, Ġeħova qiegħed xi rġiel mistoħbijin+ kontra wlied Għammon, Mowab, u r-reġjun muntanjuż tas-Segħir, li kienu deħlin f’Ġuda, u dawn ħabtu għal xulxin.+ 23  U wlied Għammon u Mowab qamu għall-abitanti tar-reġjun muntanjuż tas-Segħir+ biex jeqirduhom* u jġibuhom fix-xejn; u malli spiċċaw jeqirdu lill-abitanti tas-Segħir, għenu biex kull wieħed jeqred lil sieħbu stess.+ 24  U n-nies taʼ Ġuda waslu ħdejn it-torri taʼ l-għassa fix-xagħri.+ Meta dawru wiċċhom lejn il-kotra, ara, hemmhekk kienu, l-iġsma mejtin tagħhom mixħutin fl-art,+ u ħadd ma ħelisha. 25  Għalhekk, Ġeħosafat u n-nies tiegħu marru jaħtfu l-priża+ minn fuqhom, u sabu fosthom abbundanza kemm taʼ ġid, kemm taʼ ħwejjeġ, u kemm t’oġġetti mixtiqin; u ħaduhomlhom minn fuqhom sakemm ma felħux iġorru iktar.+ U damu tlett ijiem jaħtfu l-priża, għax kienet abbundanti. 26  U fir-rabaʼ jum inġemgħu flimkien fil-pjanura l-baxxa taʼ Beraka, għax hemmhekk bierku lil Ġeħova.+ Huwa għalhekk li dak il-post semmewh+ il-Pjanura l-Baxxa taʼ Beraka*—sa dan il-jum. 27  Imbagħad l-irġiel kollha taʼ Ġuda u taʼ Ġerusalemm reġgħu lura, b’Ġeħosafat quddiemhom, biex imorru lura Ġerusalemm mimlijin hena, għax Ġeħova kien ġegħelhom jithennew bir-rebħa fuq l-għedewwa tagħhom.+ 28  Għalhekk, marru Ġerusalemm bl-istrumenti tal-korda,+ bl-arpi,+ u bit-trumbetti+ lejn id-dar taʼ Ġeħova.+ 29  U l-biżaʼ+ minn Alla waqaʼ fuq is-saltniet kollha taʼ l-artijiet meta semgħu li Ġeħova kien iġġieled kontra l-għedewwa taʼ Israel.+ 30  B’hekk, ir-renju taʼ Ġeħosafat ma kellux tfixkil, u Alla tiegħu kompla jagħtih il-mistrieħ minn kullimkien.+ 31  U Ġeħosafat+ baqaʼ jsaltan fuq Ġuda. Ħamsa u tletin sena kellu meta beda jsaltan, u dam isaltan ħamsa u għoxrin sena f’Ġerusalemm. U ommu kien jisimha Għażuba,+ bint Silħi. 32  U baqaʼ miexi fit-triq taʼ missieru Asa,+ u ma warrabx minnha, billi għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova.+ 33  Biss il-postijiet għall-qima*+ ma tneħħewx; u n-nies kienu għadhom ma ħejjewx qalbhom għall-Alla taʼ missirijiethom.+ 34  U l-bqija tal-ġrajjiet taʼ Ġeħosafat, mill-bidu sa l-aħħar, ara, huma miktubin fost il-kliem taʼ Ġeħu,+ bin Ħanani,+ li tniżżel fil-Ktieb+ tas-Slaten taʼ Israel. 35  U wara dan, Ġeħosafat, is-sultan taʼ Ġuda, issieħeb m’Aħażija,+ is-sultan taʼ Israel, li aġixxa bil-ħażen.+ 36  Għalhekk, daħħlu bi sħab miegħu biex jibnu bastimenti ħalli jmorru Tarsis+ u l-bastimenti bnewhom f’Għesjon-geber.+ 37  Madankollu, Eligħeżer, bin Dodawaħu, minn Maresa, tkellem b’mod profetiku kontra Ġeħosafat u qal: “Talli sseħibt m’Aħażija,+ Ġeħova żgur li jfarraklek xogħlijietek.”+ Għaldaqstant, il-bastimenti tfarrku,+ u ma setgħux imorru Tarsis.+

Noti taʼ taħt

Jiġifieri, il-Baħar il-Mejjet.
Ara Ġen 26:17, in-nota taʼ taħt.
Jew, “jiddedikawhom għall-qerda.” Ara Eżo 22:20, in-nota taʼ taħt.
Ifisser “Barka.”
Letteralment, “postijiet fl-għoli.” Ara Le 26:30, in-nota taʼ taħt.