1 Slaten 15:1-34

15  U fis-​sena tmintax tas-​Sultan Ġerobogħam+ bin Nebat,+ Abijam sar sultan fuq Ġuda.+  Dam isaltan tliet snin f’Ġerusalemm; u ommu kien jisimha Magħka+ u nannuha kien Abisalom.+  U mexa fid-​dnubiet kollha li missieru għamel qablu; u qalbu ma kinitx sħiħa+ maʼ Ġeħova Alla tiegħu, bħal qalb David missieru.+  Għax, minħabba David,+ Ġeħova Alla tiegħu tah musbieħ+ f’Ġerusalemm billi qajjem lil ibnu warajh u ħalla lil Ġerusalemm teżisti,+  għax David għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, u ma warrab xejn minn dak li Hu kkmandah il-​jiem kollha taʼ ħajtu,+ ħlief fil-​kwistjoni t’Urija l-​Ħitti.+  U kien hemm il-​gwerer bejn Reħobogħam u Ġerobogħam il-​jiem kollha taʼ ħajtu.+  U l-​bqija tal-​ġrajjiet t’Abijam u kulma għamel, m’humiex dawn miktubin fi ktieb+ il-​ġrajjiet taʼ żmien is-​slaten taʼ Ġuda? U kien hemm gwerer ukoll bejn Abijam u Ġerobogħam.+  Fl-aħħar, Abijam imtedd maʼ missirijietu u difnuh fil-​Belt taʼ David;+ u ibnu Asa+ beda jsaltan minfloku.  Fis-sena għoxrin taʼ Ġerobogħam is-​sultan taʼ Israel, Asa sar is-​sultan taʼ Ġuda. 10  U dam isaltan wieħed u erbgħin sena f’Ġerusalemm; u nanntu kien jisimha Magħka+ u nannuha kien Abisalom.+ 11  U Asa għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, bħal David missieru.+ 12  Għaldaqstant warrab l-​irġiel prostituti tat-​tempju mill-​pajjiż+ u neħħa l-​idoli kollha moqżieża daqs id-​demel+ li għamlu missirijietu.+ 13  Anki lil nanntu Magħka+ neħħieha minn sultana omm,*+ għax kienet għamlet idolu moqżież għall-​qima taʼ l-​arblu sagru; u Asa qaċċat l-​idolu moqżież tagħha+ u ħarqu+ fil-​wied taʼ Kidron.+ 14  Imma l-​postijiet għall-​qima*+ ma neħħihomx.+ Madankollu, qalb Asa baqgħet sħiħa maʼ Ġeħova tul jiemu kollha.+ 15  U beda jdaħħal fid-​dar taʼ Ġeħova l-​affarijiet li tqaddsu minn missieru u l-​affarijiet li qaddes hu stess, fidda u deheb u diversi oġġetti.+ 16  U kien hemm il-​gwerer bejn Asa u Bagħsa+ s-​sultan taʼ Israel il-​jiem kollha tagħhom. 17  Għalhekk, Bagħsa s-​sultan taʼ Israel telaʼ kontra Ġuda u beda jibni Rama+ biex ma jħalli lil ħadd joħroġ mingħand Asa, is-​sultan taʼ Ġuda, jew jidħol għandu.+ 18  Għal dan, Asa ħa l-​fidda u d-​deheb kollu li kien baqaʼ fit-​teżori tad-​dar taʼ Ġeħova u t-​teżori tad-​dar tas-​sultan u tahom f’idejn il-​qaddejja tiegħu; u s-​Sultan Asa bagħathom għand Ben-ħadad,+ bin Tabrimmon, bin Ħeżjon, is-​sultan tas-​Sirja,+ li kien jgħammar f’Damasku,+ u qallu: 19  “Hemm patt bejni u bejnek, bejn missieri u missierek. Ara, jien bgħattlek rigal+ taʼ fidda u deheb. U int ejja u ikser il-​patt maʼ Bagħsa s-​sultan taʼ Israel, sabiex jitlaq minn hawn.”+ 20  Għalhekk, Ben-ħadad semaʼ mis-​Sultan Asa u bagħat lill-​kapijiet tal-​qawwiet militari tiegħu kontra l-​bliet taʼ Israel u ħabat għal Ijon+ u Dan+ u Abel-bet-magħka+ u Kinneret kollha, sa l-​art kollha taʼ Naftali.+ 21  U ġara li, malli Bagħsa semaʼ b’dan, minnufih hu waqaf jibni Rama+ u kompla jgħammar f’Tirsa.+ 22  U s-​Sultan Asa, min-​naħa tiegħu, laqqaʼ lil Ġuda kollu+—ħadd ma tħalla barra—u huma ġarrew il-​ġebel taʼ Rama u l-​injam tagħha, li Bagħsa kien qed jibni bihom; u s-​Sultan Asa użahom biex jibni Geba+ f’Benjamin, u Mispa.+ 23  U l-​bqija tal-​ġrajjiet t’Asa u l-​atti setgħanin kollha tiegħu u kulma għamel u l-​bliet li bena, m’humiex dawn miktubin fi ktieb+ il-​ġrajjiet taʼ żmien is-​slaten taʼ Ġuda? Imma fi xjuħitu+ qabditu marda f’saqajh.+ 24  Fl-aħħar, Asa mtedd maʼ missirijietu+ u ndifen maʼ missirijietu fil-​Belt taʼ David missieru;+ u ibnu Ġeħosafat+ beda jsaltan minfloku. 25  U Nadab,+ bin Ġerobogħam, sar sultan fuq Israel fit-​tieni sena t’Asa s-​sultan taʼ Ġuda; u dam isaltan sentejn fuq Israel. 26  U kompla jagħmel dak li hu ħażin+ f’għajnejn Ġeħova u baqaʼ miexi fit-​triq taʼ missieru+ u fid-​dnub tiegħu li bih ġiegħel lil Israel jidneb.+ 27  U Bagħsa+ bin Aħija taʼ dar Issakar beda jikkonfoffa kontrih; u Bagħsa ħabat għalih f’Gibbeton,+ li kienet tal-​Filistin, waqt li Nadab u Israel kollu kienu qed jassedjaw lil Gibbeton. 28  U Bagħsa qatlu fit-​tielet sena t’Asa s-​sultan taʼ Ġuda u beda jsaltan minfloku.+ 29  U ġara li malli sar sultan, hu qatel lid-​dar kollha taʼ Ġerobogħam. Minn dar Ġerobogħam ma ħalla ’l ħadd li jieħu n-​nifs għax qeridhom ilkoll, skond il-​kelma li Ġeħova kien qal permezz tal-​qaddej tiegħu Aħija s-​Siloni,+ 30  minħabba d-​dnubiet taʼ Ġerobogħam li bihom dineb+ hu u ġiegħel lil Israel jidneb ukoll u minħabba l-​offiża li biha offenda lil Ġeħova l-​Alla taʼ Israel.+ 31  U l-​bqija tal-​ġrajjiet taʼ Nadab u kulma għamel, m’humiex dawn miktubin fi ktieb+ il-​ġrajjiet taʼ żmien is-​slaten taʼ Israel? 32  U kien hemm il-​gwerer bejn Asa u Bagħsa s-​sultan taʼ Israel il-​jiem kollha tagħhom.+ 33  Fit-tielet sena t’Asa s-​sultan taʼ Ġuda, Bagħsa bin Aħija sar sultan fuq Israel kollu f’Tirsa u dam isaltan erbgħa u għoxrin sena.+ 34  U kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova+ u baqaʼ miexi fit-​triq taʼ Ġerobogħam+ u fid-​dnub tiegħu li bih ġiegħel lil Israel jidneb.+

Noti taʼ taħt

Letteralment, “is-​sinjura.”
Letteralment, “postijiet fl-​għoli.”