1 Slaten 10:1-29

10  Issa s-​sultana taʼ Xeba+ bdiet tismaʼ dwar il-​fama taʼ Salamun b’konnessjoni maʼ isem Ġeħova.+ Għalhekk, ġiet biex tipprovah b’mistoqsijiet taʼ taħbil il-​moħħ.+  Fl-aħħar waslet Ġerusalemm b’għadd impressjonanti taʼ nies li kienu qed jakkumpanjawha,+ iġmla+ jġorru żejt tal-​balzmu+ u ħafna u ħafna deheb u ħaġar prezzjuż; u ġiet għand Salamun u bdiet tkellmu fuq dak kollu li kien għal qalbha.+  Salamun, min-​naħa tiegħu, qagħad iwiġbilha l-​mistoqsijiet kollha tagħha.+ Ma kien hemm xejn li s-​sultan ma kienx jaf u ma setax iwiġbilha.+  Meta s-​sultana taʼ Xeba rat l-​għerf kollu taʼ Salamun+ u d-​dar li kien bena,+  u l-​ikel tal-​mejda tiegħu+ u kif il-​qaddejja tiegħu kienu jpoġġu mal-​mejda u s-​servizz taʼ dawk li kienu jservu l-​ikel u lbieshom u x-​xorb tiegħu+ u s-​sagrifiċċji tal-​ħruq li kien joffri regolarment fid-​dar taʼ Ġeħova, baqgħet miblugħa.*+  Għaldaqstant qalet lis-​sultan: “Il-​kliem li smajt f’pajjiżi dwarek u dwar l-​għerf tiegħek huwa minnu.+  Iżda m’emmintx il-​kliem li ntqal sakemm ġejt u rajt b’għajnejja. U, ara! Lanqas in-​nofs ma kienu qaluli.+ L-​għerf u l-​ġid tiegħek jisbqu l-​affarijiet li smajt.+  Henjin in-​nies tiegħek;+ henjin+ huma dawn il-​qaddejja tiegħek li qegħdin weqfin quddiemek il-​ħin kollu, jisimgħu l-​għerf tiegħek!+  Ħa jkun imbierek Ġeħova Alla tiegħek,+ li tgħaxxaq+ bik billi poġġiek fuq it-​tron taʼ Israel;+ għax peress li Ġeħova għandu mħabba dejjiema* għal Israel,+ hu ħatrek bħala sultan+ biex twettaq il-​ġustizzja+ u s-​sewwa.”+ 10  Imbagħad tat+ lis-​sultan mija u għoxrin talent deheb+ u kwantità kbira ferm taʼ żejt tal-​balzmu+ u ħaġar prezzjuż. Qatt ma reġgħet ngħatat kwantità taʼ żejt tal-​balzmu daqskemm is-​sultana taʼ Xeba tat lis-​Sultan Salamun. 11  U l-​flotta taʼ bastimenti taʼ Ħiram+ li kienet qed iġġorr id-​deheb minn Ofir+ ġabet ukoll minn Ofir ammont kbir ferm taʼ injam tas-​siġar tas-​sandlu+ u ħaġar prezzjuż.+ 12  U s-​sultan għamel mill-​injam tas-​siġar tas-​sandlu tip t’appoġġ għad-​dar taʼ Ġeħova+ u għad-​dar tas-​sultan, kif ukoll arpi+ u strumenti tal-​korda+ għall-​għannejja. Sal-​ġurnata taʼ llum għadu qatt ma ġie jew deher injam tas-​siġar tas-​sandlu bħal dan. 13  U s-​Sultan Salamun ta lis-​sultana taʼ Xeba kulma għoġobha u kulma talbitu, apparti l-​affarijiet li s-​Sultan Salamun taha b’idu miftuħa.+ Imbagħad, hi daret u telqet lejn pajjiżha, flimkien mal-​qaddejja tagħha.+ 14  U d-​deheb+ li kien jasal għand Salamun f’sena waħda kien jiżen sitt mija u sitta u sittin talent deheb,+ 15  minbarra dak li kien jiddaħħal mill-​merkanti li jivvjaġġaw u l-​qligħ min-​negozjanti u mis-​slaten+ kollha taʼ l-​Għarab+ u mill-​gvernaturi tal-​pajjiż. 16  U s-​Sultan Salamun għamel mitejn tarka kbira tad-​deheb imħallat+ (kull tarka kbira ksieha b’sitt mitt xekel deheb),+ 17  u tliet mitt tarka żgħira tad-​deheb imħallat (kull tarka żgħira ksieha bi tliet miniet deheb).+ Imbagħad is-​sultan qegħedhom fid-​Dar tal-​Foresta tal-​Libanu.+ 18  Iżjed minn hekk, is-​sultan għamel tron+ kbir taʼ l-​avorju+ u ksieh bid-​deheb irfinut.+ 19  Kien hemm sitt tarġiet għat-​tron, u t-​tron kellu tinda tonda fuqu u dirgħajn maż-​żewġt iġnub tas-​siġġu, u kien hemm żewġ iljuni+ ħdejn id-​dirgħajn.+ 20  U kien hemm tnax-il iljun wieqaf fuq is-​sitt tarġiet, kemm fuq naħa u kemm fuq oħra. L-​ebda saltna oħra ma kellha tron bħalu.+ 21  U r-​reċipjenti kollha tax-​xorb tas-​Sultan Salamun kienu tad-​deheb, u r-​reċipjenti kollha tad-​Dar tal-​Foresta tal-​Libanu+ kienu tad-​deheb pur.+ Ma kien hemm xejn tal-​fidda; fi żmien Salamun din ma kienet meqjusa xejn. 22  Għax is-​sultan kellu flotta taʼ bastimenti taʼ Tarsis+ fuq il-​baħar flimkien mal-​flotta taʼ bastimenti taʼ Ħiram. Darba kull tliet snin il-​flotta taʼ bastimenti taʼ Tarsis kienet tiġi b’deheb+ u fidda, avorju,+ u xadini u paguni. 23  Għalhekk, is-​Sultan Salamun kellu iktar rikkezzi+ u għerf+ mis-​slaten l-​oħrajn kollha taʼ l-​art. 24  U n-​nies kollha taʼ l-​art kienu jfittxu li jaraw lil Salamun biex jisimgħu l-​għerf li Alla kien qegħedlu f’qalbu.+ 25  U kull sena+ kulħadd kien iġib l-​għotja tiegħu,+ oġġetti tal-​fidda+ u oġġetti tad-​deheb u lbies u armi+ u żejt tal-​balzmu, żwiemel u bgħula.+ 26  U Salamun baqaʼ jiġmaʼ iktar karrijiet u żwiemel tal-​ġiri; u kellu elf u erbaʼ mitt karru u tnax-il elf żiemel tal-​ġiri,+ u kien iżommhom fil-​bliet għall-​karrijiet u f’Ġerusalemm, qrib is-​sultan.+ 27  U s-​sultan għamel il-​fidda f’Ġerusalemm bħall-​ġebel,+ u l-​injam taċ-​ċedru bħas-​siġar tal-​ġummajż li hemm fis-​Sefela daqskemm kienu kotrana.+ 28  U mill-​Eġittu kienu jiġu importati ż-​żwiemel għal Salamun, u l-​kumpanija tal-​merkanti tas-​sultan kienet tixtri merħla sħiħa taʼ żwiemel bil-​prezz li tkun tat.+ 29  U karru kien jiġi importat mill-​Eġittu għal sitt mitt biċċa tal-​fidda, u żiemel għal mija u ħamsin; u hekk ukoll kienu jagħmlu s-​slaten kollha tal-​Ħittin+ u s-​slaten tas-​Sirja. Kien permezz tagħhom li kienu jimportaw.

Noti taʼ taħt

Letteralment, “ma kienx fadlilha spirtu fiha.”
Letteralment, “għal żmien indefinit.” Ara Ġen 3:22, in-​nota taʼ taħt.