1 Samwel 23:1-29

23  Maż-żmien, lil David tawh l-​aħbar u qalulu: “Ara! Il-​Filistin qed jiggwerraw kontra Kejla,+ u qed iħarbtu l-​qigħan tad-​dris.”+  U David staqsa+ lil Ġeħova u qallu: “Immur jien, u noqtolhom lil dawn il-​Filistin?” U Ġeħova qal lil David: “Mur, u oqtol il-​Filistin u salva lil Kejla.”  Għal dan, l-​irġiel taʼ David qalulu: “Ara! Aħna qegħdin hawnhekk f’Ġuda+ u qed nibżgħu, aħseb u ara jekk immorru Kejla kontra t-​truppi tal-​Filistin lesti għall-​battalja!”+  Għalhekk, David reġaʼ staqsa lil Ġeħova.+ Ġeħova issa wieġbu u qallu: “Qum, inżel Kejla, għaliex qed nagħtik il-​Filistin f’idejk.”+  Għaldaqstant, David mar maʼ l-​irġiel tiegħu Kejla u ġġieled kontra l-​Filistin u ħadilhom il-​bhejjem tagħhom u ħabat għalihom u l-​qatla kienet kbira; u David sar is-​salvatur taʼ l-​abitanti taʼ Kejla.+  Issa ġara li meta Abjatar,+ bin Aħimelek, ħarab għand David f’Kejla, niżel b’efod+ f’idu.  U lil Sawl waslitlu l-​aħbar: “David ġie Kejla.”+ U Sawl beda jgħid: “Alla rħieh* f’idi,+ għax ngħalaq billi daħal f’belt bil-​bibien u bl-​istaneg.”  Għalhekk, Sawl sejjaħ lin-​nies kollha għall-​gwerra, biex jinżlu Kejla, sabiex jassedjaw lil David u l-​irġiel tiegħu.  U David sar jaf li Sawl kien qed ifassal il-​ħsara+ kontrih. Għalhekk, qal lil Abjatar, il-​qassis: “Ġib l-​efod qrib.”+ 10  U David issokta jgħid: “O Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel,+ il-​qaddej tiegħek semaʼ fiċ-​ċert li Sawl qed jipprova jiġi Kejla biex jeqred il-​belt minħabba fija.+ 11  Tgħid sidien l-​art taʼ Kejla se jagħtuni f’idu? Se jinżel Sawl bħalma semaʼ l-​qaddej tiegħek? O Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel, għid lill-​qaddej tiegħek, jekk jogħġbok.” U Ġeħova qallu: “Iva, jinżel.”+ 12  U David issokta jgħidlu: “Tgħid sidien l-​art taʼ Kejla se jagħtu lili u lill-​irġiel tiegħi f’id Sawl?” U Ġeħova qallu: “Iva, jagħtukom.”+ 13  Minnufih David qam maʼ l-​irġiel tiegħu, xi sitt mitt raġel,+ u ħarġu minn Kejla u baqgħu jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn kulfejn setgħu. U lil Sawl waslitlu l-​aħbar li David kien ħarab minn Kejla, u għalhekk ma ħariġx għal warajh. 14  U David beda jgħammar fix-​xagħri f’postijiet diffiċli biex jintlaħqu, u baqaʼ jgħammar fir-​reġjun muntanjuż fix-​xagħri taʼ Żif.+ U Sawl baqaʼ jfittxu dejjem,+ u Alla ma tahx f’idu.+ 15  U David baqaʼ beżgħan minħabba li Sawl kien ħareġ biex jipprova jiħodlu ħajtu waqt li David kien fix-​xagħri taʼ Żif f’Ħores.*+ 16  Ġonatan, bin Sawl, issa qam u mar għand David f’Ħores, sabiex isaħħaħlu+ l-​fiduċja tiegħu f’Alla.+ 17  U ssokta jgħidlu: “Tibżax;+ għax id Sawl, missieri, ma ssibekx, u int tkun sultan+ fuq Israel, u jien inkun it-​tieni warajk; u Sawl, missieri, ukoll jafu dan.”+ 18  Imbagħad it-​tnejn li huma għamlu patt+ quddiem Ġeħova; u David baqaʼ jgħammar f’Ħores, u Ġonatan mar lejn daru. 19  Iktar tard l-​irġiel taʼ Żif+ telgħu għand Sawl f’Gibegħa+ u qalulu: “M’huwiex David qed jinħeba+ qribna fil-​postijiet diffiċli biex jintlaħqu f’Ħores,+ fuq l-​għolja taʼ Ħakila,+ li qiegħda n-​naħa tal-​lemin tal-​Ġesimon?*+ 20  U issa, O sultan, inżel, inżel, bħalma ruħek hi mxennqa+ li tagħmel, u xogħolna jkun li nagħtuh f’id is-​sultan.”+ 21  Għal dan, Sawl qalilhom: “Imberkin intom minn Ġeħova,+ għax għadirtuni. 22  Morru, jekk jogħġobkom, ippersistu ftit iktar u tkixxfu u araw il-​post tiegħu fejn imidd siequ—kulmin rah hemmhekk—għax qaluli li hu tassew makakk.+ 23  U araw u tkixxfu dwar il-​moħbiet kollha fejn jistaħba; u erġgħu lura għandi bl-​evidenza, u jien immur magħkom; u jrid iseħħ li, jekk ikun fil-​pajjiż, jien infittxu bir-​reqqa fost l-​eluf kollha+ taʼ Ġuda.” 24  Għalhekk, qamu u marru Żif+ qabel Sawl, waqt li David u l-​irġiel tiegħu kienu fix-​xagħri taʼ Magħon+ fl-​Għaraba+ lejn in-​nofsinhar tal-​Ġesimon. 25  Iktar tard Sawl ġie bl-​irġiel tiegħu biex ifittxuh.+ Meta qalulu lil David, dan minnufih niżel lejn il-​blat għoli+ u baqaʼ jgħammar fix-​xagħri taʼ Magħon. Meta Sawl semaʼ b’dan, mar jiġri+ wara David fix-​xagħri taʼ Magħon. 26  Eventwalment Sawl ġie fuq din in-​naħa tal-​muntanja, u David u l-​irġiel tiegħu kienu fuq in-​naħa l-​oħra tal-​muntanja. Għalhekk, David beda jgħaġġel biex jitlaq+ minħabba Sawl; sadanittant Sawl u l-​irġiel tiegħu kienu qed idawru lil David u l-​irġiel tiegħu biex jaqbduhom.+ 27  Imma ġie messaġġier għand Sawl u qallu: “Għaġġel u mur, għax il-​Filistin attakkaw il-​pajjiż!” 28  B’hekk, Sawl ma baqax jiġri wara David+ u mar jiltaqaʼ mal-​Filistin. Huwa għalhekk li dak il-​post semmewh il-​Blata tal-​Firdiet.* 29  Imbagħad David telaʼ minn hemmhekk u beda jgħammar fil-​postijiet diffiċli biex jintlaħqu f’Għajn-gedi.+

Noti taʼ taħt

Letteralment, “biegħu.”
Ifisser “Post bil-​Boskijiet.”
Jew, “tad-​deżert.”
Jew, “dak il-​post semmewh Sela-ħammalekot,” li jirreferi għall-​postijiet lixxi, jew li jiżolqu.