1 Samwel 2:1-36

2  U Ħanna talbet+ u qalet:“Qalbi ttir bil-​ferħ minħabba Ġeħova,+Il-​qarn* tiegħi jifraħ permezz taʼ Ġeħova.+Fommi jinfetaħ biex nagħti risposta lill-​għedewwa tiegħi,Għax tassew nithenna bis-​salvazzjoni mingħandek.+   M’hemm ħadd qaddis bħal Ġeħova, għax m’hemm ħadd ħliefek;+U m’hemm ebda blata bħal Alla tagħna.+   Titkellmux daqshekk b’suppervja kbira,Tħallu xejn joħroġ bla rażan minn fommkom,+Għax Alla t’għarfien hu Ġeħova,+U hu jiżen l-​għemejjel b’mod ġust.+   L-irġiel setgħanin tal-​qaws huma mimlijin twerwir,+Imma dawk li qed jitfixklu jitħażżmu b’enerġija kbira.+   L-imxebbgħin ikollhom jikru ruħhom għall-​ħobż,+Imma l-​imġewħin ma jibqgħux bil-​ġuħ.+ Saħansitra dik li ma jistax ikollha tfal tiled sebgħa,+Imma dik li kellha ħafna tfal ma jkollhiex iktar.+   Ġeħova għandu l-​abbiltà kemm li jeqred u kemm li jippreserva l-​ħajja,+Għandu l-​abbiltà kemm li jniżżel fil-​Qabar*+ u kemm li jtellaʼ minnu.+   Ġeħova għandu l-​abbiltà li jfaqqar+ u li jagħmel għani,+Li jbaxxi, kif ukoll li jgħolli,+   Li jqajjem lill-​batut mit-​trab;+Mill-​ħofra taʼ l-​irmied jerfaʼ lill-​fqir,+Biex iġegħelhom joqogħdu bil-​qiegħda man-​nobbli; u tron taʼ glorja+ jagħtihom biex ikun tagħhom.+Għax taʼ Ġeħova huma s-​sisien taʼ l-​art,+U jqiegħed fuqhom l-​art produttiva.   Jgħasses saqajn il-​leali tiegħu;+Imma l-​ħżiena jiġu msikktin fid-​dlam,+Għax m’hijiex il-​qawwa li tagħmel lill-​bniedem superjuri.+ 10  Inkwantu għal Ġeħova, dawk li jħaqquha miegħu jitwerwru;+Kontrihom iriegħed mis-​smewwiet.+Ġeħova jiġġudika sat-​trufijiet taʼ l-​art,+Biex jagħti s-​saħħa lis-​sultan tiegħu,+Biex jgħolli l-​qarn tal-​midluk tiegħu.”+ 11  Imbagħad Elkana mar lejn daru f’Rama; u t-​tifel sar qaddej+ taʼ Ġeħova quddiem Għeli, il-​qassis. 12  Issa wlied Għeli kienu rġiel m’huma tajbin għal xejn;+ ma kinux jirrikonoxxu lil Ġeħova.+ 13  Inkwantu għad-​dritt li jmiss lill-​qassisin mingħand il-​poplu,+ kulmeta xi raġel kien joffri sagrifiċċju, qaddej tal-​qassis kien jiġi bil-​furketta taʼ tliet sinniet f’idu, meta l-​laħam kien ikun qed jagħli,+ 14  u kien idaħħalha fil-​vaska jew fil-​borma b’żewġ widnejn jew fil-​kaldarun jew fil-​borma b’widna waħda. Kulma kienet ittellaʼ l-​furketta, il-​qassis kien jieħdu għalih stess. Hekk kienu jagħmlulhom f’Silo lill-​Israelin kollha li kienu jmorru hemmhekk.+ 15  Ukoll, qabel ma kienu jaħarqu* x-​xaħam,+ kien jiġi assistent tal-​qassis u jgħid lir-​raġel li kien joffri s-​sagrifiċċju: “Agħtini l-​laħam biex nixwih għall-​qassis sabiex ma jiħux mingħandek laħam mgħolli, imma nej.”+ 16  Meta r-​raġel kien jgħidlu: “L-​ewwel ħa jkunu ċerti li jaħarqu x-​xaħam.+ Imbagħad ħu għalik kulma ruħek tixxennaq għalih,”+ l-​ieħor kien jgħidlu: “Le, iżda issa trid tagħtihuli; u, jekk le, ikolli nieħdu bil-​forza!”+ 17  U d-​dnub taʼ l-​assistenti kien kbir ħafna quddiem Ġeħova;+ għax dawn l-​irġiel ittrattaw l-​offerta taʼ Ġeħova b’nuqqas taʼ rispett.+ 18  U Samwel kien qed jaqdi+ quddiem Ġeħova, bħala tifel, u kien imħażżem b’efod taʼ l-​għażel.+ 19  Ukoll, ommu kienet tagħmillu daqsxejn taʼ libsa bla kmiem u kienet ittellagħhielu minn sena għal sena meta kienet titlaʼ maʼ żewġha biex joffru s-​sagrifiċċju taʼ kull sena.+ 20  U Għeli kien ibierek+ lil Elkana u lil martu u jgħidilhom: “Jalla Ġeħova jagħtik nisel minn din il-​mara minflok il-​misluf li sliftu lil Ġeħova.”+ U kienu jmorru lejn darhom. 21  Għaldaqstant, Ġeħova dawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn Ħanna,+ u b’hekk ħarġet tqila u wildet tliet subien u żewġt ibniet.+ U t-​tifel Samwel kompla jikber quddiem Ġeħova.+ 22  U Għeli kien xiħ ħafna, u kien semaʼ+ dwar kulma wliedu baqgħu jagħmlu+ lil Israel kollu u kif kienu jimteddu man-​nisa+ li kienu jaqdu fid-​daħla tat-​tinda tal-​laqgħa.+ 23  U kien jgħidilhom:+ “Għala tibqgħu tagħmlu affarijiet bħal dawn?+ Għax l-​affarijiet li qed nismaʼ dwarkom mingħand in-​nies kollha huma ħżiena.+ 24  Le,+ uliedi, għaliex l-​aħbar li qed nismaʼ u li l-​poplu taʼ Ġeħova qed ixerred mhix tajba.+ 25  Jekk raġel jidneb kontra raġel,+ Alla jidħol għalih;+ imma jekk raġel jidneb kontra Ġeħova,+ min ikun hemm biex jitlob għalih?”+ Imma ma kinux jisimgħu minn kliem missierhom,+ għaliex issa Ġeħova għoġbu jagħtihom il-​mewt.+ 26  Sadanittant, it-​tifel Samwel kien qed jikber u jingħoġob iktar, sew quddiem Ġeħova u sew quddiem il-​bnedmin.+ 27  U bniedem t’Alla+ ġie għand Għeli u qallu: “Hekk qal Ġeħova, ‘Ma wrejtx jien, fil-​fatt, lili nnifsi lin-​nies taʼ dar missierek tal-​qedem meta kienu fl-​Eġittu bħala lsiera taʼ dar il-​Fargħun?+ 28  U għażilt lilu mit-​tribujiet kollha taʼ Israel għalija,+ biex jaqdi bħala qassis u jitlaʼ fuq l-​artal tiegħi+ biex iġiegħel id-​duħħan tas-​sagrifiċċji jitlaʼ ’l fuq, biex jilbes efod quddiemi, sabiex lil dar missierek tal-​qedem nagħtiha l-​offerti kollha, magħmulin bin-​nar, taʼ wlied Israel.+ 29  Għala tibqgħu tagħtu bis-​sieq is-​sagrifiċċju+ u l-​offerta tiegħi li kkmandajt fil-​post fejn ngħammar jien,+ u int tibqaʼ tonora lil uliedek iktar milli lili billi teħxienu+ bl-​aqwa minn kull offerta tal-​poplu tiegħi Israel?+ 30  “‘Huwa għalhekk li l-​kelma taʼ Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel, hi: “Jien tassew għedt, Darek u dar missierek tal-​qedem jimxu quddiemi għal żmien indefinit.”+ Imma issa l-​kelma taʼ Ġeħova hi: “Dan ma jgħaddilix minn moħħi, għaliex lil dawk li jonorawni+ nonorahom,+ u dawk li jistmerruni ma jkunu jiswew xejn.”+ 31  Ara! Għad jiġi żmien meta naqtaʼ ’l barra driegħek u driegħ dar missierek tal-​qedem, u b’hekk ma jkunx hemm raġel xiħ f’darek.+ 32  U tara avversarju fil-​post fejn ngħammar fost il-​ġid kollu li jsir lil Israel;+ u qatt ma jkun hemm raġel xiħ f’darek. 33  U madankollu hemm raġel minnkom li ma naqtgħux milli jkun maʼ l-​artal tiegħi sabiex għajnejk jiddgħajfu u ruħek tinfena; imma l-​biċċa l-​kbira min-​nies taʼ darek imutu lkoll bis-​sejf tal-​bnedmin.+ 34  U dan hu s-​sinjal għalik li jiġri liż-​żewġ uliedek, Ħofni u Fineħas:+ F’jum wieħed imutu t-​tnejn li huma.+ 35  U nqajjem għalija qassis leali.+ Dan jaġixxi fi qbil maʼ dak li tixtieq qalbi u dak li tixtieq ruħi; u nibnilu dar dejjiema, u jimxi quddiem il-​midluk tiegħi+ dejjem. 36  U jrid iseħħ li kulmin jifdal+ f’darek jiġi u jmil quddiemu u jitolbu l-​ħlas tal-​flus u ħobża tonda, u jgħidlu: “Qabbadni, jekk jogħġbok, f’waħda mill-​karigi saċerdotali biex niekol biċċa ħobż.”’”+

Noti taʼ taħt

Il-qarn t’annimal hu spiss użat fil-​Bibbja bħala simbolu taʼ saħħa, qawwa, jew awtorità.
Bl-Ebrajk, “Xeol.”
Letteralment, “jagħmluh idaħħan.”