1 Samwel 17:1-58

17  U l-​Filistin+ ġemgħu l-​kampijiet tagħhom flimkien għall-​gwerra. Meta nġemgħu flimkien f’Sokoh,+ li hi taʼ Ġuda, ikkampjaw bejn Sokoh u Għażeka,+ f’Efes-dammim.+  U Sawl u l-​irġiel taʼ Israel inġemgħu flimkien u kkampjaw fil-​pjanura l-​baxxa t’Elah,+ u tqassmu għall-​battalja biex jiltaqgħu mal-​Filistin.  U l-​Filistin kienu weqfin fuq il-​muntanja din in-​naħa, u l-​Israelin kienu weqfin fuq il-​muntanja dik in-​naħa, bil-​wied bejniethom.  U mill-​kampijiet tal-​Filistin ħareġ gwerrier bħala rappreżentant tagħhom li kien jismu Gulija,+ minn Gat,+ u li kien twil sitt kubiti u xiber.+  U kellu elmu tar-​ram aħmar fuq rasu, u kien liebes kurazza maħduma qxur qxur, waħda mrikkba fuq l-​oħra, u l-​piż tal-​kurazza+ kien ħamest elef xekel ram aħmar.  U kellu xedd tar-​ram aħmar ’il fuq mill-​għaksa taʼ saqajh u ġavellott+ tar-​ram aħmar bejn spallejh.  U l-​manku taʼ l-​injam tal-​lanza tiegħu kien bħall-​motwa* taʼ min jinseġ bin-​newl,+ u x-​xafra tal-​lanza tiegħu kienet tiżen sitt mitt xekel ħadid; u quddiemu kien jimmarċja r-​raġel li kien iġorrlu t-​tarka l-​kbira.  Imbagħad waqaf u beda jgħajjat lit-​truppi taʼ Israel li kienu lesti għall-​battalja+ u jgħidilhom: “Għala ħriġtu mqassmin għall-​battalja? M’iniex jien il-​Filisti u intom il-​qaddejja+ taʼ Sawl? Agħżlu raġel u ħalluh jinżel għalija.  Jekk ikollu l-​ħila jiġġieled miegħi u joqtolni, aħna nsiru qaddejja tagħkom. Imma jekk jien niflaħ għalih u noqtlu, intom issiru qaddejja tagħna, u taqdu lilna.”+ 10  U l-​Filisti ssokta jgħid: “Jien illum nisfida+ lit-​truppi taʼ Israel. Agħtuni raġel ħa niġġilidlu!”+ 11  Meta Sawl+ u Israel kollu semgħu dan il-​kliem tal-​Filisti, twerwru u beżgħu ferm.+ 12  Issa David kien bin ċertu raġel Efrati+ minn Betlehem taʼ Ġuda li kien jismu Ġesse. U dan kellu tmien subien.+ U fi żmien Sawl dan ir-​raġel kien diġà xiħ. 13  U t-​tliet subien il-​kbar taʼ Ġesse telqu u marru wara Sawl għall-​gwerra.+ U t-​tliet subien tiegħu li marru għall-​gwerra kien jisimhom, l-​ewwel imwieled Eljab,+ it-​tieni Abinadab,+ u t-​tielet Sammah.+ 14  U David kien l-​iżgħar wieħed,+ u t-​tlieta l-​kbar marru wara Sawl. 15  U David kien ġej u sejjer mingħand Sawl biex jieħu ħsieb in-​nagħaġ+ taʼ missieru f’Betlehem. 16  U għal erbgħin jum il-​Filisti baqaʼ joħroġ kmieni fil-​għodu u fil-​għaxija u joqgħod wieqaf hemmhekk. 17  Imbagħad Ġesse qal lil ibnu David: “Jekk jogħġbok, ħudilhom lil ħutek din l-​efa qmuħ inkaljati+ u dawn l-​għaxar ħobżiet, u ħudhom malajr lil ħutek fil-​kamp. 18  U dawn l-​għaxar ġbejniet* għandek tiħodhom lill-​kap taʼ l-​elf;+ ukoll, għandek tara jekk ħutek jinsabux tajbin+ u ġġib risposta mingħandhom li tikkonferma dan.” 19  Sadanittant, huma flimkien maʼ Sawl u l-​irġiel l-​oħrajn kollha taʼ Israel kienu fil-​pjanura l-​baxxa t’Elah,+ jiġġieldu kontra l-​Filistin.+ 20  Għaldaqstant, David qam kmieni fil-​għodu u ħalla n-​nagħaġ biex jieħu ħsiebhom l-​għassies u għabba u telaq bħalma kien ikkmandah Ġesse.+ Meta wasal fil-​post fejn kienu kkampjati,+ il-​qawwiet militari kienu ħerġin lejn il-​kamp tal-​battalja,+ u għajtu l-​għajta tal-​battalja. 21  U Israel u l-​Filistin bdew jitqassmu biex jiltaqgħu truppi kontra truppi. 22  Minnufih David ħalla s-​sorra+ li kellu fuqu f’idejn dak li jieħu ħsieb is-​soror+ u telaq jiġri lejn il-​kamp tal-​battalja. Meta wasal, beda jistaqsi jekk ħutu kinux jinsabu tajbin.+ 23  Waqt li kien qed jitkellem magħhom, il-​gwerrier u rappreżentant tal-​Filistin, li kien jismu Gulija,+ il-​Filisti minn Gat,+ telaʼ minn mat-​truppi tal-​Filistin, u beda jgħid l-​istess kliem bħal qabel,+ u David semgħu. 24  U l-​irġiel kollha taʼ Israel, malli raw ir-​raġel, ħarbu minħabba fih u beżgħu ħafna.+ 25  U l-​irġiel taʼ Israel bdew jgħidu: “Rajtuh dan ir-​raġel li tielaʼ? Għax biex jisfida+ lil Israel tielaʼ. U jrid iseħħ li, lir-​raġel li joqtlu, is-​sultan jagħmlu għani b’rikkezzi kbar, u jagħtih lil bintu stess,+ u jeħles mill-​obbligi lil dar missieru f’Israel.”+ 26  U David beda jgħid lill-​irġiel li kienu weqfin ħdejh: “X’jagħmlulu r-​raġel li joqtol lil dak il-​Filisti+ u jneħħi l-​għajb minn fuq Israel?+ Għax min hu dan il-​Filisti mhux ċirkonċiż+ biex jisfida+ lit-​truppi taʼ l-​Alla l-​ħaj?”+ 27  Imbagħad in-​nies tennewlu l-​istess kliem bħal qabel, u qalulu: “Hekk jagħmlulu lir-​raġel li joqtlu.” 28  U ħuh il-​kbir Eljab+ semgħu hu u jitkellem maʼ l-​irġiel, u Eljab xegħel bir-​rabja kontra David,+ u b’hekk qallu: “Għalfejn inżilt? U lil min ħallejt jieħu ħsieb il-​ftit nagħaġ li ħallejt warajk fix-​xagħri?+ Naf tajjeb kemm int prużuntuż u l-​ħażen taʼ qalbek,+ għax int inżilt bl-​iskop li tara l-​battalja.”+ 29  David wieġbu: “Issa x’għamilt jien? Mhux kelma għedt?”+ 30  U dar minn ħdejh lejn xi ħadd ieħor u qal l-​istess kliem bħal qabel,+ u, mill-​banda l-​oħra, in-​nies tawh l-​istess risposta bħal qabel.+ 31  Għalhekk, il-​kliem li qal David instemaʼ, u qaluh quddiem Sawl. Għaldaqstant, dan bagħat għalih. 32  U David qal lil Sawl: “Tħalli lil ħadd jaqtaʼ qalbu minħabba fih.+ Il-​qaddej tiegħek innifsu jmur u jiġġieled maʼ dan il-​Filisti.”+ 33  Imma Sawl qal lil David: “Int m’għandekx il-​ħila tmur għal dan il-​Filisti biex tiġġieled miegħu,+ għax int għadek daqsxejn taʼ tifel,+ u hu ilu gwerrier sa minn tfulitu.” 34  U David issokta jgħid lil Sawl: “Il-​qaddej tiegħek kien qed jirgħa l-​merħla taʼ missieru, u darba ġie ljun,+ u darb’oħra ġie ors, u t-​tnejn li huma ħatfu nagħġa mill-​merħla. 35  U jien mort għal warajh u drabtu+ u ħlistha minn ħalqu. Meta qam għalija, ħtaftu minn ilħitu u drabtu u qtiltu. 36  Il-qaddej tiegħek darab sew l-​iljun u sew l-​ors; u dan il-​Filisti+ mhux ċirkonċiż isir bħal wieħed minnhom, għax hu sfida+ t-​truppi+ taʼ l-​Alla l-​ħaj.”+ 37  Imbagħad David żied: “Ġeħova, li ħelisni minn taħt difrejn l-​iljun u minn taħt difrejn l-​ors, ikun hu li jeħlisni minn id dan il-​Filisti.”+ Għal dan, Sawl qal lil David: “Mur, u jalla Ġeħova juri li qiegħed miegħek.”+ 38  Sawl issa libbes il-​ħwejjeġ tiegħu lil David, u poġġielu elmu tar-​ram aħmar fuq rasu, u mbagħad libbsu kurazza. 39  Imbagħad David tħażżem bis-​sejf fuq ħwejġu u pprova jitlaq imma ma setax, għaliex ma kienx imdorri bihom. Fl-​aħħar, David qal lil Sawl: “Ma nistax immur b’dawn l-​affarijiet, għax m’iniex imdorri bihom.” Għalhekk, David neħħiehom minn fuqu.+ 40  U qabad il-​ħatar f’idu u għażel l-​iktar ħames ġebliet lixxi mill-​wied* u poġġiehom fl-​ixkora taʼ ragħaj li kienet isservih bħala ħorġa, u f’idu kellu l-​iżbandola.+ U beda jersaq lejn il-​Filisti. 41  U l-​Filisti beda ġej eqreb u eqreb lejn David, u quddiemu kien hemm ir-​raġel li kien iġorrlu t-​tarka l-​kbira. 42  Issa meta l-​Filisti ħares u ra lil David, beda jistmerru+ għax ra li kien daqsxejn taʼ tifel+ u kien ħamrani,+ taʼ sura sabiħa.+ 43  Għalhekk, il-​Filisti qal lil David: “Jien xi kelb,+ biex ġejt għalija bl-​oħtra?” U l-​Filisti seħet lil David b’allatu.+ 44  U l-​Filisti ssokta jgħid lil David: “Ejja lejja, u jien nagħti laħmek lit-​tjur tas-​smewwiet u lill-​bhejjem tar-​rabaʼ.”+ 45  Imbagħad David qal lill-​Filisti: “Int ġej lejja b’sejf, b’lanza, u b’ġavellott,+ imma jien ġej lejk bl-​isem taʼ Ġeħova taʼ l-​armati,+ l-​Alla tat-​truppi taʼ Israel, li int sfidajt.+ 46  Illum Ġeħova jagħtik f’idejja,+ u jien nidorbok u nneħħilek rasek minn fuqek; u llum nagħti l-​iġsma mejtin tal-​kamp tal-​Filistin lit-​tjur tas-​smewwiet u lill-​bhejjem salvaġġi taʼ l-​art;+ u n-​nies taʼ l-​art kollha jkunu jafu li jeżisti Alla taʼ Israel.+ 47  U din il-​kongregazzjoni kollha tkun taf li la bis-​sejf u lanqas bil-​lanza ma jsalva Ġeħova,+ għaliex il-​battalja hi taʼ Ġeħova,+ u hu jagħtikom f’idejna.”+ 48  U ġara li l-​Filisti qam u baqaʼ ġej u qorob iktar biex jiltaqaʼ maʼ David, u David beda jgħaġġel u jiġri lejn il-​kamp tal-​battalja biex jiltaqaʼ mal-​Filisti.+ 49  Imbagħad David daħħal idu fl-​ixkora tiegħu u ħareġ ġebla minnha u waddabha bl-​iżbandola, u biha laqat+ lill-​Filisti fuq ġbinu u l-​ġebla daħlet fil-​fond fi ġbinu, u waqaʼ għal wiċċu fl-​art.+ 50  Għalhekk, David, bi żbandola u ġebla, wera li kien iktar b’saħħtu mill-​Filisti u darab lill-​Filisti u qatlu; u David lanqas biss sejf ma kellu f’idu.+ 51  U David kompla jiġri u waqaf fuq il-​Filisti. Imbagħad ħadlu s-​sejf+ u siltu mill-​għant tiegħu u biex żgur ikun qatlu qatagħlu rasu bih.+ U l-​Filistin raw li r-​raġel setgħan tagħhom kien miet, u ħarbu.+ 52  X’ħin raw dan, l-​irġiel taʼ Israel u taʼ Ġuda qamu u nfexxew jgħajtu u marru jiġru wara+ l-​Filistin sal-​wied+ u saħansitra sal-​bibien t’Għekron,+ u l-​Filistin li kienu midrubin għall-​mewt baqgħu jaqgħu fit-​triq minn Sagħrajm,+ sa Gat u sa Għekron. 53  Wara dan, ulied Israel ma baqgħux jiġru wara l-​Filistin u marru jaħtfu l-​priża+ mill-​kampijiet tagħhom. 54  Imbagħad David ħa ras+ il-​Filisti u ġabha Ġerusalemm, u l-​armi tiegħu poġġiehom fit-​tinda tiegħu.+ 55  Issa x’ħin ra lil David ħiereġ biex jiltaqaʼ mal-​Filisti, Sawl qal lil Abner,+ il-​kap taʼ l-​armata: “Bin min+ hu dan it-​tifel,+ Abner?” U Abner wieġbu: “Daqskemm hu żgur li int ħaj, O sultan, jien assolutament ma nafx!” 56  Għalhekk, is-​sultan qallu: “Tkixxef bin min hu dan il-​ġuvnott.” 57  Għaldaqstant, malli David reġaʼ lura wara li qatel lill-​Filisti, Abner ħadu u daħħlu quddiem Sawl bir-​ras+ tal-​Filisti f’idu. 58  Sawl issa qallu: “Bin min int, ġuvnott?” u għal dan David wieġeb: “Bin il-​qaddej tiegħek Ġesse,+ il-​Betlehemi.”+

Noti taʼ taħt

Xorta taʼ romblu fil-​magna taʼ l-​insiġ (in-newl) li fuqu jitkebbu l-​ħjut mimdudin tad-​drapp.
Letteralment, “għaxar porzjonijiet ħalib,” li mid-​dehra jfissru prodotti tal-​ħalib.
Ara Ġen 26:17, in-​nota taʼ taħt.