1 Samwel 13:1-23

13  Sawl kellu [?]* sena meta beda jsaltan,+ u għal sentejn sħaħ saltan fuq Israel.  U Sawl għażel għalih tlett elef raġel minn Israel; u elfejn kienu maʼ Sawl f’Mikmax+ u fir-​reġjun muntanjuż taʼ Betel, u elf kienu maʼ Ġonatan+ f’Gibegħa+ taʼ Benjamin, u l-​bqija tan-​nies bagħathom, kull wieħed lejn it-​tinda tiegħu.  Imbagħad Ġonatan ħabat għall-​għassa tas-​suldati+ tal-​Filistin+ li kienet f’Geba;+ u l-​Filistin semgħu b’dan. Inkwantu għal Sawl, hu daqq il-​qarn+ maʼ l-​art kollha u qal: “Ħa jisimgħu l-​Ebrej!”  U Israel kollu semaʼ jingħad: “Sawl ħabat għal waħda mill-​għases tas-​suldati tal-​Filistin, u issa Israel sar mibgħud+ qalb il-​Filistin.” Għalhekk, in-​nies inġabru flimkien biex isegwu lil Sawl lejn Gilgal.+  U l-​Filistin, min-​naħa tagħhom, inġemgħu flimkien biex jiġġieldu kontra Israel, bi tletin elf karru tal-​gwerra+ u sitt elef rikkieb taż-​żwiemel u nies bħar-​ramel li hemm f’xatt il-​baħar daqskemm kienu kotrana;+ u marru ’l fuq fi triqithom u kkampjaw f’Mikmax, lejn il-​lvant taʼ Bet-awen.+  U l-​irġiel taʼ Israel raw li kienu f’sitwazzjoni mwiegħra,+ għaliex in-​nies kienu mrassin mill-​għadu; u n-​nies marru jistaħbew fl-​għerien,+ fil-​ħofor, fl-​irdumijiet, fil-​kantini, u fil-​bjar.  Xi Ebrej qasmu saħansitra l-​Ġordan+ lejn l-​art taʼ Gad+ u Gilegħad. Imma Sawl kien għadu Gilgal, u n-​nies kollha kienu qed isegwuh jirtogħdu bil-​biżaʼ.+  U baqaʼ jistenna sebat ijiem saż-​żmien stabbilit li kien semmielu Samwel;+ u Samwel ma ġiex Gilgal, u n-​nies xterdu minn miegħu.  Fl-aħħar, Sawl qal: “Ġibuli ħdejja s-​sagrifiċċju tal-​ħruq u s-​sagrifiċċji taʼ sħubija.” Imbagħad offra s-​sagrifiċċju tal-​ħruq.+ 10  U ġara li, malli temm joffri s-​sagrifiċċju tal-​ħruq, daħal Samwel. Għalhekk, Sawl ħareġ jilqgħu u jbierku.+ 11  Imbagħad Samwel qallu: “X’għamilt?”+ U Sawl wieġeb: “Rajt li n-​nies kienu xterdu minn miegħi,+ u int—int ma ġejtx fil-​jiem stabbiliti,+ u l-​Filistin kienu qed jinġemgħu flimkien f’Mikmax,+ 12  u għalhekk għedt bejni u bejn ruħi,+ ‘Issa l-​Filistin jinżlu kontrija f’Gilgal, u jien ma taffejtx il-​korla* taʼ Ġeħova.’ Għalhekk, ħassejtni obbligat+ u offrejt is-​sagrifiċċju tal-​ħruq.” 13  U Samwel qal lil Sawl: “Tbellaht.+ Ma ħaristx il-​kmandament+ li kkmandak Ġeħova Alla tiegħek,+ għaliex, kieku ħaristu, kieku Ġeħova kien jissoda saltnatek fuq Israel għal żmien indefinit. 14  U issa saltnatek ma tibqax.+ Ġeħova żgur li jsib għalih raġel għal qalbu;+ u Ġeħova jinkarigah bħala mexxej+ fuq il-​poplu tiegħu, għaliex int ma ħaristx dak li kkmandak Ġeħova.”+ 15  Imbagħad Samwel qam u mar ’il fuq fi triqtu minn Gilgal lejn Gibegħa taʼ Benjamin, u Sawl għadd in-​nies, dawk li kien għad baqaʼ miegħu, madwar sitt mitt raġel.+ 16  U Sawl u ibnu Ġonatan u n-​nies li kien għad baqaʼ magħhom kienu qed jgħammru f’Geba+ taʼ Benjamin. U l-​Filistin kienu kkampjaw f’Mikmax.+ 17  U mill-​kamp tal-​Filistin kienet toħroġ forza armata maqsuma fi tliet gruppi biex tisraq u tħarbat.+ Grupp wieħed kien idur lejn it-​triq li tagħti għal Għofra,+ għall-​art taʼ Sugħal, 18  grupp ieħor kien idur lejn it-​triq taʼ Bet-ħoron,+ u t-​tielet grupp kien idur lejn it-​triq li tagħti għall-​fruntiera li tħares lejn il-​wied taʼ Sebogħim, lejn ix-​xagħri. 19  Issa ma kienx hemm ħaddied fl-​art kollha taʼ Israel, għaliex il-​Filistin kienu qalu: “Sabiex l-​Ebrej ma jagħmlux sejf jew lanza.”+ 20  U l-​Israelin kollha kienu jinżlu għand il-​Filistin biex kull wieħed isinn is-​sikka tal-​moħriet tiegħu jew iz-​zappuna tiegħu jew il-​mannara tiegħu jew il-​minġel tiegħu.+ 21  U l-​prezz biex isinnu kien pim* għas-​sikek tal-​moħriet u għaz-​zpapan u għall-​għodod bi tliet sinniet u għall-​imnanar u biex iraqqu n-​niggieża tal-​barrin.+ 22  U ġara li fil-​jum tal-​battalja ma nstab ebda sejf+ jew lanza f’id xi ħadd min-​nies li kienu maʼ Sawl u maʼ Ġonatan; imma Sawl+ u ibnu Ġonatan biss kellhom l-​armi. 23  Issa għassa+ tal-​Filistin kienet toħroġ lejn il-​mogħdija kollha rdumijiet taʼ Mikmax.+

Noti taʼ taħt

In-numru hu nieqes fit-​test oriġinali Ebrajk.
Letteralment, “ma rattabtx il-​wiċċ.”
Piż antik, bejn wieħed u ieħor żewġ terzi taʼ xekel.