1 Korintin 10:1-33

10  Issa ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti, li missirijietna kienu lkoll taħt is-​sħaba+ u lkoll qasmu l-​baħar+  u lkoll tgħammdu f’Mosè+ permezz tas-​sħaba u tal-​baħar;  u lkoll kielu l-​istess ikel spiritwali+  u lkoll xorbu l-​istess xorb spiritwali.+ Għax kienu jixorbu mill-​blata+ spiritwali li kienet timxi warajhom, u din il-​blata+ kienet tirrappreżenta lill-​Kristu.+  Minkejja dan, Alla m’esprimiex l-​approvazzjoni tiegħu lejn il-​biċċa l-​kbira minnhom,+ għax waqgħu mejtin+ fix-​xagħri.  Issa dan sar b’eżempju għalina, biex ma nixtiqux affarijiet taʼ ħsara,+ bħalma xtaqu huma.  Lanqas insiru idolatri, kif saru xi wħud minnhom;+ bħalma hu miktub: “In-​nies qagħdu bil-​qiegħda jieklu u jixorbu; imbagħad qamu jixxalaw.”+  Lanqas nipprattikaw iż-​żína, kif żnew xi wħud minnhom,+ u spiċċaw biex waqgħu mejtin, tlieta u għoxrin elf minnhom f’jum wieħed.+  Lanqas ngħaddu lil Ġeħova minn prova,+ kif għaddewh minn prova xi wħud minnhom,+ u spiċċaw biex inqerdu bis-​sriep.+ 10  Lanqas ingergru, kif gergru xi wħud minnhom,+ u spiċċaw biex inqerdu mill-​qerried.+ 11  Issa dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bħala twissija+ għalina li fuqna wasal it-​tmiem tas-​sistemi.+ 12  Għaldaqstant, min jaħseb li hu wieqaf ħa joqgħod attent li ma jaqax.+ 13  Ebda tentazzjoni ma ġiet fuqkom ħlief dik li tiġi fuq il-​bnedmin kollha.+ Imma Alla hu leali,*+ u ma jħallikomx tiġu ttantati iktar milli tifilħu,+ imma mat-​tentazzjoni jiftħilkom ukoll it-​triq+ sabiex tkunu tistgħu tissaportuha. 14  Għalhekk, maħbubin tiegħi, aħarbu+ mill-​idolatrija.+ 15  Qed nitkellem bħallikieku maʼ nies li għandhom id-​dixxerniment;+ iġġudikaw intom stess dak li ngħid. 16  Il-kies+ tal-​barka li nbierku, m’huwiex sehem mid-​demm tal-​Kristu? Il-​ħobża li naqsmu,+ m’hijiex sehem mill-​ġisem tal-​Kristu?+ 17  Peress li hemm ħobża waħda, aħna ġisem wieħed,+ għalkemm ħafna,+ għax ilkoll qed nieklu minn din il-​ħobża waħda.+ 18  Ħarsu lejn Israel li hu skond il-​laħam:+ Dawk li jieklu s-​sagrifiċċji ma jiħdux sehem maʼ l-​artal?+ 19  Allura, xi rrid ngħid? Li dak li hu sagrifikat lil xi idolu hu xi ħaġa, jew li idolu hu xi ħaġa?+ 20  Le; imma li dak li jissagrifikaw il-​ġnus, jissagrifikawh lid-​demonji+ u mhux lil Alla; u ma rridkomx tieħdu sehem mad-​demonji.+ 21  Ma tistgħux tixorbu l-​kies taʼ Ġeħova+ u l-​kies tad-​demonji; ma tistgħux tieħdu sehem mill-​“mejda taʼ Ġeħova”+ u mill-​mejda tad-​demonji. 22  Jew “qed inqanqlu lil Ġeħova għall-​għira”?*+ M’aħniex iktar b’saħħitna+ minnu, hux hekk? 23  Kollox hu permess; iżda mhux kollox hu vantaġġuż.+ Kollox hu permess;+ imma mhux kollox jibni.+ 24  Ħalli ħadd ma jibqaʼ jfittex dak li jaqbel lilu,+ imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.+ 25  Ibqgħu kulu kulma jinbiegħ f’suq tal-​laħam,+ u tagħmlux mistoqsijiet minħabba l-​kuxjenza tagħkom;+ 26  għax “taʼ Ġeħova+ l-​art u kulma fiha.”+ 27  Jekk jistidinkom xi ħadd li ma jemminx u tixtiequ tmorru, kulu kulma jitqiegħed quddiemkom,+ u tagħmlux mistoqsijiet minħabba l-​kuxjenza tagħkom.+ 28  Imma jekk xi ħadd jgħidilkom: “Dan kien offrut bħala sagrifiċċju,” tiklux minħabba dak li qalilkom b’dan u minħabba l-​kuxjenza.+ 29  Irrid ngħid, mhux “il-​kuxjenza” tiegħek imma dik taʼ l-​ieħor. Għax il-​libertà tiegħi għala għandha tiġi ġudikata mill-​kuxjenza taʼ ħaddieħor?+ 30  Jekk qed niekol b’radd il-​ħajr, għala għandhom imaqdruni għal dak li rrodd ħajr għalih?+ 31  Għalhekk, jekk tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.+ 32  Tkunux taʼ tfixkil+ għal-​Lhud kif ukoll għall-​Griegi u għall-​kongregazzjoni t’Alla, 33  saħansitra bħalma jien qed nogħġob lil kulħadd f’kollox,+ billi ma nfittixx dak li jaqbel lili+ imma dak li jaqbel lil ħafna, sabiex jiġu salvati.+

Noti taʼ taħt

Letteralment, “fidil.”
Qabbel Eżo 34:14, in-​nota taʼ taħt.