Ġwanni 6:1-71

6  Wara dan, Ġesù telaq lejn in-​naħa l-​oħra tal-​baħar* tal-​Galilija, jew taʼ Tiberija.+  Imma folla kbira baqgħet sejra warajh, għax kienu qed jaraw is-​sinjali li kien qed iwettaq fuq il-​morda.+  Għalhekk, Ġesù telaʼ fuq muntanja,+ u hemmhekk qagħad bil-​qiegħda mad-​dixxipli tiegħu.  Issa kien qorob il-​Qbiż,+ il-​festa tal-​Lhud.  Għaldaqstant, meta refaʼ għajnejh u ra li kienet ġejja lejh folla kbira, Ġesù qal lil Filippu: “Minfejn se nixtru l-​ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”+  Madankollu, kien qed jgħidlu dan bi prova biex jara x’se jgħid, għax hu stess kien jaf x’se jagħmel.  Wieġbu Filippu: “Lanqas mitejn dinar* ħobż m’huma biżżejjed għalihom biex kulħadd jieħu ftit.”+  Wieħed mid-​dixxipli tiegħu, Indrì ħu Xmun Pietru, qallu:  “Hawn tifel żgħir li għandu ħames ħobżiet tax-​xgħir+ u żewġ ħutiet żgħar. Imma dawn x’inhuma għal dawn in-​nies kollha?”+ 10  Qal Ġesù: “Qiegħdu lin-​nies bil-​qiegħda.”+ Issa kien hemm ħafna ħaxix fil-​post. Għalhekk, l-​irġiel qagħdu bil-​qiegħda, u dawn kienu jgħoddu madwar ħamest elef.+ 11  Imbagħad, Ġesù ħa l-​ħobż u, wara li radd ħajr, qassmu lil dawk li kienu bil-​qiegħda u, bl-​istess mod, tahom kemm riedu mill-​ħut żgħir.+ 12  U meta xebgħu,+ qal lid-​dixxipli tiegħu: “Iġbru l-​bċejjeċ li fadal biex ma jinħela xejn.” 13  Għalhekk, ġabruhom u mlew tnax-il qoffa bil-​bċejjeċ li tħallew minn dawk li kienu kielu mill-​ħames ħobżiet tax-​xgħir.+ 14  B’hekk, meta raw is-​sinjali li wettaq, in-​nies bdew jgħidu: “Dan żgur li hu l-​profeta+ li kellu jiġi fid-​dinja.” 15  Għalhekk, billi kien jaf li kienu ġejjin jaqbduh biex jagħmluh sultan, Ġesù reġaʼ telaq+ għalih waħdu fuq il-​muntanja. 16  X’ħin sar fil-​għaxija, id-​dixxipli tiegħu niżlu ħdejn il-​baħar,+ 17  u telgħu fid-​dgħajsa biex jaqsmu l-​baħar lejn Kafarnahum. Sadanittant kien dalam u Ġesù kien għadu ma ġiex ħdejhom. 18  Ukoll, il-​baħar beda jitqawwa għax kien qed jonfoħ riħ qawwi.+ 19  Madankollu, meta kienu qadfu madwar ħames jew sitt kilometri,* lemħu lil Ġesù miexi fuq il-​baħar u riesaq lejn id-​dgħajsa; u mtlew bil-​biżaʼ.+ 20  Imma qalilhom: “Hu jien; tibżgħux!”+ 21  Għalhekk, riedu jtellgħuh fid-​dgħajsa, iżda minnufih id-​dgħajsa waslet l-​art fejn kienu qed jipprovaw imorru.+ 22  L-għada, il-​folla li kienet wieqfa fuq in-​naħa l-​oħra tal-​baħar rat li ma kienx hemm dgħajjes hemmhekk ħlief waħda żgħira, u li Ġesù ma kienx telaʼ fid-​dgħajsa mad-​dixxipli tiegħu imma li d-​dixxipli biss kienu telqu; 23  u waslu xi dgħajjes żgħar minn Tiberija ħdejn il-​post fejn kielu l-​ħobż wara li l-​Mulej kien radd ħajr. 24  Għalhekk, meta n-​nies raw li la Ġesù u lanqas id-​dixxipli tiegħu ma kienu hemmhekk, telgħu fuq dawn id-​dgħajjes u marru Kafarnahum ifittxu+ lil Ġesù. 25  Imbagħad, meta sabuh in-​naħa l-​oħra tal-​baħar, qalulu: “Rabbi,+ meta ġejt hawnhekk?” 26  Ġesù wieġeb u qalilhom: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Intom mhux qed tfittxuni għax rajtu s-​sinjali imma għax kiltu mill-​ħobż u xbajtu.+ 27  Taħdmux għall-​ikel li jintemm+ imma għall-​ikel li jibqaʼ għall-​ħajja taʼ dejjem,+ li jagħtikom Bin il-​bniedem; għax lil dan, il-​Missier, iva, Alla, immarkah bis-​siġill taʼ l-​approvazzjoni tiegħu.”+ 28  Għalhekk, qalulu: “Xi rridu nagħmlu biex inwettqu l-​għemejjel t’Alla?” 29  Ġesù wieġeb u qalilhom: “Dan hu l-​għemil t’Alla, li teżerċitaw il-​fidi+ f’dak li Hu bagħat.”+ 30  Għalhekk, qalulu: “Allura, x’sinjal qed twettaq,+ sabiex narawh u nemmnuk? X’għemil qed tagħmel? 31  Missirijietna kielu l-​manna+ fix-​xagħri, bħalma hu miktub, ‘Tahom jieklu ħobż mis-​sema.’”+ 32  Għaldaqstant, Ġesù qalilhom: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Mosè ma takomx il-​ħobż mis-​sema, imma Missieri jagħtikom il-​ħobż veru mis-​sema.+ 33  Għax il-​ħobż t’Alla hu dak li jinżel mis-​sema u jagħti l-​ħajja lid-​dinja.” 34  Għalhekk, qalulu: “Mulej, agħtina dejjem dan il-​ħobż.”+ 35  Qalilhom Ġesù: “Jien il-​ħobż tal-​ħajja. Min jiġi għandi żgur ma jaqbdux ġuħ, u min jeżerċita l-​fidi fija żgur li qatt ma jaqbdu għatx.+ 36  Imma jien għedtilkom, Intom saħansitra rajtuni u xorta ma temmnux.+ 37  Dawk kollha li jagħtini l-​Missier jiġu għandi, u min jiġi għandi żgur ma nkeċċihx;+ 38  għax jien ma nżiltx mis-​sema+ biex nagħmel ir-​rieda tiegħi imma r-​rieda taʼ dak li bagħatni.+ 39  Din hi r-​rieda taʼ dak li bagħatni, li ma nitlef lil ħadd minn dawk kollha li tani imma li nirxoxtah+ fl-​aħħar jum. 40  Għax din hi r-​rieda taʼ Missieri, li kulmin jara lill-​Iben u jeżerċita l-​fidi fih ikollu l-​ħajja taʼ dejjem,+ u jien nirxoxtah fl-​aħħar jum.”+ 41  Għalhekk, il-​Lhud bdew igergru għalih għax qal: “Jien il-​ħobż li niżel mis-​sema”;+ 42  u bdew jgħidu:+ “Dan mhux Ġesù bin Ġużeppi,+ u lil missieru u lil ommu ma nafuhomx? Issa kif qed jgħid, ‘Inżilt mis-​sema’?” 43  Ġesù wieġeb u qalilhom: “Tibqgħux tgergru bejnietkom. 44  Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jiġbdux+ il-​Missier li bagħatni; u jien nirxoxtah fl-​aħħar jum.+ 45  Hu miktub fil-​Profeti, ‘U lkoll ikunu mgħallmin minn Ġeħova.’+ Kulmin semaʼ mingħand il-​Missier u tgħallem, jiġi għandi.+ 46  Mhux għax xi ħadd ra lill-​Missier,+ ħlief dak li hu minn Alla; dan rah lill-​Missier.+ 47  Tassew, tassew, ngħidilkom, Min jemmen għandu l-​ħajja taʼ dejjem.+ 48  “Jien il-​ħobż+ tal-​ħajja. 49  Missirijietkom kielu l-​manna+ fix-​xagħri u xorta mietu. 50  Dan hu l-​ħobż li jinżel mis-​sema, sabiex kulmin jiekol minnu ma jmutx. 51  Jien il-​ħobż ħaj li niżel mis-​sema; jekk xi ħadd jiekol minn dan il-​ħobż jgħix għal dejjem; u, fil-​fatt, il-​ħobż li se nagħti hu laħmi+ għall-​ħajja tad-​dinja.”+ 52  Għalhekk, il-​Lhud bdew jiġġieldu bejniethom u jgħidu: “Kif jistaʼ dan ir-​raġel jagħtina laħmu biex nikluh?” 53  Għaldaqstant, Ġesù qalilhom: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Jekk ma tiklux il-​laħam+ taʼ Bin il-​bniedem u ma tixorbux demmu,+ m’għandkom ebda ħajja+ fikom infuskom. 54  Min jiekol laħmi u jixrob demmi għandu l-​ħajja taʼ dejjem, u jien nirxoxtah+ fl-​aħħar jum; 55  għax laħmi hu ikel veru, u demmi xorb veru. 56  Min jiekol laħmi u jixrob demmi jibqaʼ f’unjoni miegħi, u jien f’unjoni miegħu.+ 57  Bħalma bagħatni l-​Missier li hu ħaj+ u jien ngħix minħabba l-​Missier, anki min jiekol minni, dan ukoll jgħix minħabba fija.+ 58  Dan hu l-​ħobż li niżel mis-​sema. M’huwiex bħal meta missirijietkom kielu u mietu xorta waħda. Min jiekol dan il-​ħobż jgħix għal dejjem.”+ 59  Dan qalu waqt li kien qed jgħallem pubblikament f’assemblea f’Kafarnahum. 60  Għalhekk, meta semgħu dan, ħafna mid-​dixxipli tiegħu qalu: “Dan id-​diskors ikexkxek; min jiflaħ jisimgħu?”+ 61  Imma, peress li kien jaf li d-​dixxipli tiegħu kienu qed igergru dwar dan, Ġesù qalilhom: “Ifixkilkom+ dan? 62  Mela, x’tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-​bniedem tielaʼ fejn kien qabel?+ 63  Hu l-​ispirtu li jagħti l-​ħajja;+ il-​laħam ma jiswa għal xejn. Il-​kliem li għedtilkom hu spirtu+ u ħajja.+ 64  Imma hemm xi wħud minnkom li ma jemmnux.” Għax sa mill-​bidu Ġesù kien jaf min kienu dawk li ma jemmnux u min kien dak li kellu jittradih.+ 65  Imbagħad, kompla jgħidilhom: “Huwa għalhekk li għedtilkom, Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jingħatalux mill-​Missier.”+ 66  Minħabba dan, ħafna mid-​dixxipli tiegħu marru lura lejn dak li ħallew warajhom+ u ma baqgħux mexjin warajh.+ 67  Għalhekk, Ġesù qal lit-​tnax: “Ma tridux tmorru intom ukoll, hux?” 68  Wieġbu Xmun Pietru:+ “Mulej, għand min tridna mmorru?+ Int għandek il-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem;+ 69  u aħna emminna u sirna nafu li int il-​Qaddis t’Alla.”+ 70  Wiġibhom Ġesù: “Lilkom it-​tnax mhux jien stess għażiltkom?+ Madankollu, wieħed minnkom hu kalunnjatur.”*+ 71  Fil-fatt, kien qed jitkellem dwar Ġuda, bin Xmun l-​Iskarjota, għax kien se jittradih,+ għalkemm kien wieħed mit-​tnax.

Noti taʼ taħt

Ara Nu 34:11, in-​nota taʼ taħt.
Ara Mt 18:24, in-​nota taʼ taħt.
Jew, “tlieta jew erbaʼ mili.” Ara Mt 5:41, in-​nota taʼ taħt.
Jew, “hu xitan.”